57. Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Lourdes

LourdesJiem tad-Dehriet:
Frar: 11, 14, 18, 19, 20, 21, 23, 25, 26, 27, 28.
Marzu: 1, 2, 4, 25.
April: 7.
Lulju: 16.

Sliem għalik, o Vergni Mqaddsa,
l’Inti dehert lil Bernardina
ġewwa l-grotta minn ta’ Lourdes,
biex imħabbtek int turina. Sliema.

Lilha dehert tmintax-il darba
bħala xemx tiddi bid-dija,
b’libsa bajda u faxxa kaħla
kollok ħlewwa u sbuħija. Sliema.

Fuq ix-xitla minn tal-ward,
int serraħt riġlejk ħafjin
u f’kull riġel kellek warda
minn ta’ deheb l-iżjed fin. Sliema.

U f’idejk kellek kuruna
b’żibeg abjad bħall-ħalib
biex turina l’inti dejjem
fir-Rużarju l-għaxqa ssib. Sliema.

Inti tlabt lil Bernardina
bi kliem ħelu kollu ħrara
sabiex tiġi f’dik il-grotta
lilek trodd ħmistax-il żjara. Sliema.

Lilha għedt għal daż-żjarat
minni l-ħlas għandek tistenna
mhux il-ġid ta’ dina l-art
iżda l-glorja minn tal-ġenna. Sliema.

Bid-dmugħ nieżel minn għajnejk
għall-ħtijiet minn tal-bnedmin
int tennejt lil Bernardina
titlob wisq għall-midinbin. Sliema.

Penitenza, Penitenza,
penitenza tliet darbiet
erġajt għedt, sabiex il-maħfra
aħna jkollna mis-smewwiet. Sliema.

Bgħattha tgħid lill-qassisin
jibnu Knisja f’dak l-irdum,
fejn il-qima tal-Insara
jista’ jkollok hemm kuljum. Sliema.

Ridt ukoll barra mill-Knisja
illi ssirlek purċissjoni
għal ġol-grotta li qaddist,
b’din il-kbira apparizzjoni. Sliema.

Biex biċ-ċar l-għamara tiegħek
hemm turina l’inti htart
għajn tal-ilma l-iżjed safi
nissilt b’għaġeb minn ġo l-art. Sliema.

Inti għedt lil Bernardina
li tinħasel f’dik il-għajn,
tixrob minnha, l-ħaxix tiekol
li kien trabba qalb it-tajn. Sliema.

U b’dak l-ilma minn tas-saħħa
l-eħżen nies saru tajbin,
qalgħu l-qawwa l-morda kollha,
sabu l-faraġ l-imnikktin. Sliema.

Meta b’dawn il-grazzji kollha
rajt id-dinja ikkonsolata,
Jiena jien il-Kunċizzjoni
mort għedtilha, Immakulata. Sliema.

Tkun imbierka mela dejjem,
o Konċetta mingħajr ħtija,
taħt t-titlu minn ta’ Lourdes
lilek nagħtu kull foħrija. Sliema.

Nitolbu
O Verġni Immakulata, Omm tal-ħniena, saħħa tal-morda, refuġju tal-midinbin, konsolatriċi tal-imnikktin, int tagħraf l-bżonnijiet tiegħi, it-tbatijiet tiegħi, ixħet fuqi l-ħarsa ħanina tiegħek. Bid-dehra tiegħek, fil-Grotta ta’ Lourdes, Inti ridt li ssir lok magħżul mnejn ixxerred il-grazzji tiegħek, u diġa’ bosta msejknin sabu r-rimedju tal-mard tagħhom fr-ruħ u l-ġisem.

Niġi jiena wkoll mimli tama sabiex nitolbok il-grazzji ta’ Omm: isma’ Omm ħanina, it-talb umli tiegħi, sabiex mimli bil-benefiċċji tiegħek, nagħmel kemm nista’ biex nimita’ l-virtu’ tiegħek, biex ġurnata jkolli sehem fil-glorja tiegħek tas-sema. Hekk ikun.

Omm tagħna tal-Lourdes, itlob għalina. Santa Bernardina, itlob għalina.

Author: devozzjonilejnmarija

Permezz ta’ Marija bdiet il-fidwa tad-dinja, u hu permezz tagħha li tkun mitmuma. Fl-ewwel miġja ta’ Kristu, Marija ma tantx kellha prominenza, imma issa, hi r-rieda t’Alla li jgħarraf u jipproklama lil Marija, il-kapulavur ta’ jdejh, f’dawn l-aħħar żminijiet. — San Alwiġi Maria De Montford