Kurunella u Litanija tal-Ħniena Divina

Dokument PDF: Kurunella u Litanija
Dokument WORD: Kurunella u Litanija

Jekk tingħad fit-3pm: – tingħad it-talba tas-Siegħa tal-Ħniena Divina:

Meta Inti mitt, Ġesu, minnek tnisslet il-ħajja għall-umanita’, u nfetaħ baħar ta’ ħniena għad-dinja kollha. O għajn tal-ħajja, Ħniena Divina bla’ qjies, imla’ d-dinja kollha u ferra’ lilek innifsek fuqna… (tista’ ssemmi l-grazzji li inti tixtieq).

O Demm u Ilma, li ħrigtu mill-Qalb ta’ Ġesu bħala għajn ta’ ħniena għalina, jiena nafda Fik. Ammen

+ Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Tgħid darba – l-Missierna, Ħobżna, s-Sliema u l-Qaddisa

l-Kredu tal-Appostli

Jiena nemmen f’Alla, l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art; u f’Ġesu` Kristu, Ibnu wieħed Sidna, li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni; bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh; niżel il-Limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; tela’ fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox; minn hemm għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Nemmen fl-Ispirtu s-Santu; fil-Knisja Mqaddsa Kattolika, fix-Xirka tal-Qaddisin; fil-maħfra tad-dnubiet; fil-qawma tal-imwiet; u fil-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

(Tibda’ biha u flok il-Glorji )
Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesu’ Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha.

(Għal għaxar darbiet – flok is-Sliema u l-Qaddisa).

F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

(u fl-aħħar tghid għal 3 darbiet)
Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha. Ammen.

Talba lil Ġesù Ħanin.

“O Ġesu` ħanin, aħna nemmnu Fik u nafdaw Fik. Għinna għaliex aħna dgħajfa u bla ħila. Agħtina l-grazzja li nwassluK lill-bnedmin kollha biex jagħrfuk u jħobbuk. U jkollna fiduċja fil-kobor bla qies ta’ Mħabbtek, sabiex inkunu nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen li hemm fina u fid-dinja kollha għall-Glorja Tiegħek u għas-salvazzjoni ta’ ruħna.” Ammen.

Litanija tal-Ħniena Divina

Mulej Ħniena – Mulej Ħniena
Kristu Ħniena – Kristu Ħniena
Mulej Ħniena – Mulej Ħniena
Kristu Ismagħna – Kristu Ismagħna
Kristu ilqa’ t-talb taghna – Kristu ilqa’ t-talb tagħna
Missier Etern Alla – Ħenn għalina
Iben Alla li fdejt id-dinja – Ħenn għalina
Spirtu Qaddis Alla – Ħenn għalina
Trinit’ Qaddisa Alla wieħed – Ħenn għalina
Ħniena Divina, li ħriġt minn ħdan il-Missier – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, l-akbar attribut ta’ Alla – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, misteru li ħadd ma jista’ jifhmu – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, għajn li ħarġet mill-misteru tat-Trinita` Qaddisa – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina li l-ebda moħħ tal-bnedmin jew tal-anġli ma jista’ jifhmeK – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li minnha tiġi kull ħajja u hena – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, aqwa mis-smewwiet – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, għajn ta’ mirakli u għeġubijiet – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tħaddan il-ħolqien kollu – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li nżilt fl-art fil-Persuna tal-Verb Inkarnat – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li ħrigt mill-ġerħa miftuħa tal-Qalb ta’ Ġesu’ – Jiena Nafda Fik
Ħniena Divina, miġbura għalina fil-Qalb ta’ Ġesu`, u b’mod speċjali għall-midinbin – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, fit-twaqqif tal-Ewkaristija – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, fit-twaqqif tal-Knisja Mqaddsa – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, fis-Sagrament tal-Magħmudija – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, fil-ġustifikazzjoni tagħna permezz ta’ Ġesu Kristu – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li sseħibna tul ħajjitna kollha – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tħaddanna ‘l aktar fis-siegħa ta’ mewtna – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tagħtina l-ħajja li ma tintemmx – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tkun magħna f’kull ħin ta’ ħajjitna – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tħarisna min-nar tal-Infern – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tidher fil-konverżjoni tal-midinbin l-aktar ostinati – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li l-anġli jistgħaġbu biha, u l-Qaddisin ma jistgħux jifhmuha – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li ħadd ma jista jifhmeK fil-misteri kollha ta’ Alla – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li terfagħna minn kull miżerja tagħna – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, għajn tal-hena u l-ferħ tagħna – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li mix-xejn ġibtna fl-eżistenza – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tħaddan l-għemejjel kollha ta’ jdejn Alla – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li tinkuruna x-xogħol kollu tiegħu – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, li fiha aħna lkoll ninsabu mgħaddsa – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, serħan ħelu għall-qlub imnikkta – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, tama waħdanija tal-erwieħ b’jieshom maqtugħ – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, mistrieħ tal-qlub, paċi f’kull biża’ – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, għaxqa u ferħ kbir tal-erwieħ qaddisin – Jiena Nafda Fik.
Ħniena Divina, tama kontra kull tama – Jiena Nafda Fik.

Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja – Aħfrilna nitolbuk Mulej.
Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja – Ismagħna nitolbuk Mulej.
Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja – Ħenn għalina.

V. Qalb Ħanina ta’ Ġesu’.
R. Kebbes fina n-nar ta’ Mħabbtek.

Nitolbu – O Alla ta’ dejjem, li l-Ħniena Tiegħek hija bla tmiem, u t-teżor tal-mogħdrija Tieghek qatt ma jispiċċa, ħares bit-tjieba lejna u kattar il-Ħniena Tiegħek fina, sabiex fil-mumenti tqal tal-ħajja, aħna ma naqtgħux qalbna u lanqas nibżgħu, imma b’fiduċja kbira noqogħdu għar-rieda mqaddsa Tiegħek, li hija l-istess Imħabba u Ħniena. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

+ Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

kurunella

Videos tal-Kurunella bil-Malti:

Il-Kurunella meditata:

Il-Kurunella kantata bil-Malti:

Videos tal-Kurunella kantata bl-Ingliż:

Videos tal-Kurunella reċitata bl-Ingliż:

Il-verżjoni reċitata għat-tfal bl-Ingliż: