Enjoying your free trial? Only 9 days left! Upgrade Now
Brand-New
Dashboard lnterface
ln the Making
We are proud to announce that we are developing a fresh new dashboard interface to improve user experience.
We invite you to preview our new dashboard and have a try. Some features will become unavailable, but they will be added in the future.
Don't hesitate to try it out as it's easy to switch back to the interface you're used to.
No, try later
Go to new dashboard
Published on Oct 13,2016
Like
Share
Download
Create a Flipbook Now
Read more
Published on Oct 13,2016
Tieqa fuq it-Triq Read More
Home Explore Tieqa fuq it-Triq
Publications:
Followers:
Follow
Publications
Read Text Version
More from clementezammit
P:01



P:03

Tieqa fuq it-Triq CLEMENTE ZAMMIT © Clemente Zammit 2011

P:04

3

P:05

Tisraqlix tifkirieti billi teħodli l-Ilsien li tatni ommi! 4

P:06

Ħajr Lil marti tas-sabar tagħha sa ma temmejt dil-kitba Lil Isabelle Refalo, għaxqa tan-nannu, li pinġiet l-istampa tal-qoxra Lil dawk kollha li qawwewli qalbi L-ismijiet, karattri u ċirkostanzi li jinsġu dil-kitba huma ħolqien ta’ moħħ l-awtur. Kull tixbiha ma’ xi persuna, ħajja jew le, hi kollha kemm hi b’kumbinazzjoni 5

P:07

1. Il-qtigħ il-qalb jasal bħall-mewġ. Mindaqqiet ikun imqanqal u jħabbat li jidher li ser ikisser il-qalb. Drabi oħra jasal dgħajjef imma jobrom fil-qiegħ hekk li jhedded li jgħarraq lir-ruħ. Minn ftit żmien ‘l hawn, in-nies u d-dinja ta’ madwari ħadu sura oħra. Kollox sar jissarraf fi tqanqil li jekk qabel kien hemm, ma kienx jitla’ fil- wiċċ bħalma issa; u f’xewqa li nibki ta’ spiss mingħajr ma naf għaliex. F’waqtiet bħal dawn, f’taqbida miegħi nnifsi biex inżomm lura d- dmugħ, ħsiebi jreġġa’ lura l-waqt u jurih u jerġa’ jurih fuq il-liżar ta’ moħħi sa ma l-ilfieq jibni mill-ġdid ġo sidri, u d-dmugħ jitla’ fi xfar għajnejja. Imbagħad nibki bħal dak it-tfajjel ċkejken li waqa’ u selaħ irkopptu fuq ġebla fit-triq, u ma riedx iqum. Bħalu ma rridx li nqum mill-art, imma li nħares ‘il fuq u nibki hemm waħdi f’kamarti. Il-ħolm ta’ mal-lejl sar ma jtemmx meta jisbaħ. Magħluqa fija nnifsi, ta’ spiss insib ruħi fuq is-sħab għadni noħlom wara l-kolazzjon ta’ filgħodu. Xi mindaqqiet insib wens fuq it-tastiera tal-pjanu. In-noti li nilgħab għal waqt iserrħuli moħħi, ifejquni, jagħmluni ferħana, u jfissru x- xewqat ta’ qalbi fi kliem li ma jafx joħroġ minn fommi. Il-ħbieb li issa ħallejt warajja meta temmejt il-kors ta’ tagħlim sekondarju fil-Kulleġġ tad-Dorotej ma kinux jonqsu li jfakkruni li darba biss inkunu żgħażagħ. Li daż-żmien irridu ngħixuh mingħajr ħafna toqol ta’ ħsibijiet, wiċċna għad-dawl tax-xemx, bit-tbissima dejjem fuq 6

P:08

fommna, u ħfif daqs żiffa fuq ġwenħajn il-ħolm ta’ qalbna. Imberkin huma jekk dak li jemmnu jwettquh. “Meta l-aħħar li rajt inżul ix-xemx?”, darba minnhom staqsietni Connie, “Dik bħal żogħżitna: issa hawn u kollha dawl u ħin bla waqt tinħeba.” Bl-istudji u ħbiebi warajja, inħossni wasalt f’tarf ta’ triq li ma tinfed għal ebda oħra. “Mhux hekk”, wissini Dun Karm l-aħħar li mort inqerr għandu u tarraftlu x’għaddej minn għalija, “tinsab f’salib it-toroq u jeħtieġlek tara ‘l fejn ser tieħu.” Mhix sfida ħafifa din. Ma nafx hux lesta naqbad triq ġdida, li nafda f’dak li tħoss qalbi, li nħalli warajja l-imgħoddi u naħtaf okkażjoni kienet liema kienet sa ma ttini skop fil-ħajja. F’dak li jidher ma jonqosni xejn, imma moħħi mħawwad f’konflitt ta’ ħolm u xewqat li għaddsu ‘l qalbi f’baħar ta’ niket, li issa beda jħasseb saħansitra ‘l ta’ madwari. Id-dar fejn għixt għal dawn l-aħħar għaxar snin hija l-akbar fit-triq. Spalla ma’ spalla mad-djar ta’ maġenbha tordomhom fid-daqs. Imwieżen mal-ġnub minn kolonni minquxa fil-ħajt li jiltaqgħu fi ħnejja, il-bieb il-kbir ta’ barra tilħqu minn tliet tarġiet għamla ta’ nofs ċirku. Dawn maħsuba biex jaqtgħu d-dar mil-livell tat-triq u hekk jilqgħu li l- ilma jidħol ġewwa meta tagħmel ix-xita u t-triq tinbidel fi xmara nieżla tiġri min-naħa ta’ fuq tar-raħal lejn il-wied. 7

P:09

Titwila mill-bieb imbexxaq ta’ barra tieħu l-ħarsa tul ta’ ‘l fuq minn għaxar qasab sal-ġnien fuq wara tad-dar, imżejjen b’siġar tal-larinġ u l- lumi madwar funtana tal-ġebel, f’riġlejha fjuri ta’ kull għamla u lewn. Fi triqtha, il-ħarsa tgħaddi minn daħla wiesgħa – fuq naħa l-waħda tagħha t-taraġ li jagħti għal fuq, u fuq l-oħra l-istudju b’bieb dejjaq għal barra – liema daħla tidjiq f’kuridur bi kmamar imdaqqsa fuq kull naħa. Jekk tagħżel li titla’ fuq, it-tliet indani tat-taraġ jesibixxu mal-ħitan wirja ta’ pitturi taż-żejt fi nkwadri ndurati bid-deheb. Il-puġġaman ta’ kewkba mastizza jserraħ fuq kolonni minquxa mill-istess xorta ta’ njam. Meta tilħaq il-pjan tat-taraġ, il-firxa fuq tal-kmamar tixbaħ dik t’isfel. Kmamar faċċata ta’ xulxin tul kuridur li jtemm f’gallerija magħluqa b’bolavostri tal-ġebel li tagħti għal fuq il-ġnien. Il-bieb ta’ dil-gallerija usa’ mill-oħrajn u magħmul aktar minn ħġieġ milli njam. B’dankollu, kull dehra minnu ‘l barra tinħeba mill-purtieri tqal tad-damask imdendla quddiem il-bieb. Kamarti tinsab fuq l-istudju u hekk tagħti għal fuq it-triq, fuq in-naħa tax-xellug. It-tieqa li tħares għal barra għandha persjana ta’ l-injam b’paletti mxaqilba ‘l isfel li minn bejnhom tista’ tara t-triq ta’ taħtek. Imbexxqa ‘l barra, il-persjana tagħtini dehra mhux biss tat-triq, imma wkoll ta’ l-isqaq ta’ faċċata. Hawn f’kamarti sirt ngħaddi ħafna minn ħini. Mid-dar qajla noħroġ jekk mhux sal-knisja, żewġ kantunieri ‘l bogħod; s’għand tal-merċa, erba’ bibien ‘l isfel; jew s’għand tal-laħam kantuniera mal-isqaq ta’ quddiemna. Tal-ħobż, tal-ħaxix u tal-pitrolju jieqfu jaqduna quddiem il- 8

P:10

bieb, kif l-istess bejjiegħ il-ħut – fl-istaġun tiegħu – minn fuq karettun miġbud minn żiemel. Saħansitra ‘l tad-dar bilkemm għadni nara. Imma dik storja oħra! Fuq wara tas-sular ta’ fuq hemm il-kmamar tas-sodda taz-zijiet li ngħix magħhom, faċċata ta’ xulxin, u qribhom il-kamra tal-banju, u kamra iżgħar minn taz-zijiet fejn ta’ lanqas tliet darbiet fil-ġimgħa torqod Karla s-seftura. Kamra oħra tas-sodda tinsab fis-sular t’isfel. Din jorqod u jqum fiha Pawlu, li korra ta’ madwar erbgħin sena u spiċċa biex tilef id-dawl t’għajnejh. Kif dan Pawlu spiċċa biex ġie joqgħod maz-zijiet mhux ċar sa barra, u lanqas imħollija nistaqsi li ma mmurx niftaħ il-ġerħa mill- ġdid, qaluli kemm-il darba. Pawlu llum għandu qrib is-sittin jekk ma qalibhomx ukoll. Jiena wkoll spiċċajt ngħix bħalu maz-zijiet, Imelda oħt ommi u r-raġel tagħha Gawdenz. Niftakar li ftit wara li għamilt l-ewwel tqarbina, ommi ħarġet tqila għall-ħames darba. L-akbar fost ħuti, sa dak il-waqt kont għadni tifla waħdanija għaliex warajja ommi kellha tliet subien. Il- ħames twieled tifel ukoll, u l-istess is-sitt u s-seba’ wieħed. Kellhom jgħaddu ħdax-il sena minn meta twelidt jien biex ommi welldet tifla oħra. Mhux darba u tnejn żellquli li kien ikun aħjar li mmur ngħix maz- zijiet biex itaffu r-rassa fid-dar. Għaliex jien minn ħamsa, li aktar tard saru tmienja, tifhem biss ir-ruħ. Jien ma ridtx li nitlaq mid-dar t’ommi. Għalxejn saħqu miegħi missieri u ommi, u saħansitra tnejn min-nanniet, li kont ser insib xortija f’dar akbar fejn ma jkun jonqosni xejn. 9

P:11

“Lanqas hawn ma jonqosni xejn, ma”, krabtilha kemm-il darba. Ommi, b’ħarsa ta’ qsim il-qalb fuq wiċċha, kienet tagħmel ta’ bir-ruħha li ma semgħetnix. Meta darba minnhom ħaduni għand iz-zijiet biex ngħaddi magħhom tmiem il-ġimgħa, sibt kif nerġa’ lura d-dar wara li dalam meta vvintajt li kelli uġigħ kbir ta’ stonku li ma kienx ser iħallini norqod. Imħassba li kont ser inżanżan is-sodda u l-friex ta’ fuqha b’dan il-mod, iz-zijiet qatgħuha li aħjar ma jieħdux sogru u ħaduni lura d-dar għand ommi. Imma m’għaddewx ħafna jiem li tad-dar reġgħu bdew jisħqu fuqi li għandi mmur noqgħod maz-zijiet. Fuq quddiemnett, kien dejjem missieri li għamel dan. Għalkemm ma kellux tifla oħra għajri sa dak il- waqt, ftit li xejn kont inħossu qrib tiegħi. Mhux hekk ma’ ħuti s-subien li kienu l-mimmi t’għajnejh. Dan kien iweġġagħli qalbi u mhux darba u tnejn fittixt kenn f’ħoġor ommi nolfoq bid-dmugħ f’għajnejja, minkejja li missieri ma jkunx refa’ jdejh fuqi. Minn ommi qatt ma rajt għajn ħażina, għalkemm kien iħassibni naraha magħluqa fiha nfisha u trid tkellimha biex għandu mnejn twieġbek. “X’waħda din! X’waħda din!”, lissnet in-nanna Marì hekk kif darba minnhom xirfet ‘il ġewwa mill-bieb ta’ barra. “X’ġara, ma?”, staqsietha filwaqt ommi. “Minn gwaj għall-ieħor, binti. Fl-isqaq ta’ Ġlormu ħafna mit-tfal qabadhom deni qawwi u ta’ ħdejja qaltli li t-tobba sabu li għandhom l- iskarlatina.” “Kif ma smajna xejn b’dan? Dik marda tittieħed, l-aktar fit-tfal.” 10

P:12

“Tittieħed ngħid! Xi wħud mit-tfal diġa ħaduhom Lazzarett, u l-Pulizija qed iżżomm l-għassa biex kemm jista’ jkun ħadd ma jersaq lejn id-djar tat-tfal morda. Ta’ ħdejja qaltli wkoll li tas-Sanità ġew jiddiżinfettaw l- istess djar.” “Il-Bambin ikollu ħniena minnha u jħarisna minn dal-gwaj. Dan kien jonqosna!” Missieri sema’ b’dan hekk kif ġie lura mix-xoghol. Qaltlu ommi għax sadattant in-nanna ma kienx għadha hemm. “Irridu naraw x’nagħmlu”, qal lil ommi, “għax id-dar tagħna żgħira u b’erbat itfal u tarbija oħra ġejja ninsabu marsusin wisq.” Kif ngħidu, mill-ewwel sab ix-xoqqa f’moxtha. Ma domtx wisq biex fhimt li kellu f’rasu li jeħles minni. “Lina”, qalli, “mill-iskola faċli li ddabbar dil-marda int ukoll u mbagħad tgħaddiha lill-ħutek iċ-ċkejknin. Ommok, min-naħa l-oħra, mhix f’qagħda li tieħu ħsiebkom biżżejjed.” “Ngħinha jien, pa, u sa ma tgħaddi dil-marda nista’ ma mmurx skola.” “Dalwaqt ngħidlek x’tagħmel u ma tagħmilx! Ma rridx nisma’ kelma oħra mingħandek. Għada għal għand iz-zija Imelda. Dik m’għandix tfal għalkemm tixtieq li kellha. Tħobbhom daqs id-dawl t’għajnejha u ma tgħaddix ġurnata li ma tfakkarniex kemm tixtieq li int tmur tgħix għandha.” Dak il-lejl m’għalaqtx għajn m’għajn sa ma wasal biex jisbaħ, u bkejt sa ma xarrabt l-imħadda li ħbejt wiċċi fiha. Lil missieri sħettu f’qalbi għal 11

P:13

kemm-il darba, imma ma stajtx neħles minn kliemu jredden f’widnejja li jekk ma nagħmilx li qalli, ħuti ser imorru mill-agħar. Did-darba ma ħlisthiex. Id f’id m’ommi u b’denbi bejn saqajja, tlaqnielha għal għand iz-zijiet minflok għall-iskola. L-għafsa ta’ jdejn ommi fuq tiegħi kienet aktar mill-għafsa li kelli f’qalbi. Imma kelma li hi kelma m’għidniex it-triq kollha. Meta ġejna biex ninfirdu, qaltli li jekk issib il-ħin tiġi tarani dakinhar filgħaxija. M’għandniex xi ngħidu, ħin ma sabitx biex tagħmel dan jew, aħjar, missieri ma ħallihiex bl-iskuża li jien ridt nidra l-ħajja l-ġdida. 12

P:14

2. Fil-bidu ta’ l-isqaq ta’ quddiem id-dar tas-Sur Gawdenz u martu Imelda kienu joqgħodu Vitor u Ġuża. Żwieġhom dawn it-tnejn irnexxa għax għajnejhom ma qalgħuhomx minn fuq il-familja mill-waqt li ħalfu mħabbithom għal xulxin. Kulfejn tarah, Vitor liebes qalziet, qmies, sidrija u bil-berritta f’rasu. Dejjem għaddej iħabrek madwar id-dar: għalliem tiegħu nnifsu ta’ kull sengħa taħt id-dawl tax-xemx, u jmidd idejh għal kollox. L-istess Ġuża, ma tehda qatt minn sbieħ l-għodwa sa nżul ix-xemx. Il- fardal ma taqilgħux minn fuqha. Mhux biss waqt it-tisjir jew il-ħasil tal- ħwejjeġ, imma saħansitra meta tkun traqqa’ xi par kalzetti, ittella’ l- keffa ta’ xi libsa jew dublett, jew tħawwel xi tursina jew ftit nagħnigħ f’qata’ żgħira ħamrija fir-rokna tal-bitħa. Ħela ta’ xejn. Hekk ħajjithom Vitor u Ġuża. Sinjuri mhux għax Alla pprovdilhom xi ħafna flus, imma għax qalbhom marbuta ma’ kulma għandhom u jieħdu ħsiebu. Jekk imqatta’ jraqqgħu, jekk miksur isewwu, u ma jehdew qatt inaddfu, jaħslu, u jiżbgħu. Darhom dejjem nadifa xummiema u tilqgħek, ukoll jekk mingħajr kristall u fidda fil- vetrina u purtieri tad-damask fit-twieqi. Ħafna mill-ġirien kienu għajjura għalihom, l-aktar dawk li kienu jgħixu fil-kerrejja u ħtiġilhom jaqsmu ma’ ħafna oħrajn in-nuqqas ta’ spazju u l-faqar ta’ kumditajiet iġjeniċi u sanitarji. 13

P:15

L-isqaq kien wieħed twil ġmielu, iserrep ‘il ġewwa mill-qalba tar-raħal sa fuq ir-riħ tal-wied ta’ l-Imsida. Fih kienu jgħixu mas-sittin familja, kollha tista’ tgħid b’ħafna tfal ta’ kull eta’, u xi mindaqqiet bin-nanniet b’kollox taħt l-istess saqaf. Il-faqar madwar kont taqtgħu b’sikkina li wassal biex ħafna minn dawk fl-isqaq, l-aktar dawk fuq in-naħa ta’ ġewwa, xellfuha mal-Liġi. Tini l-fama u ixħetni l-baħar: min kien joqgħod fl-isqaq kien ta’ spiss imwarrab minn ħafna tal-bqija tar-raħal daqskieku kellu jew kellha l-ġdim. Ta’ dan l-isqaq spiċċaw biex ħolqu għalihom dinja oħra, nieqsa minn kull tagħlim u minn kull ħajra li jtaffu l-moħqrija, l-għawġ u l-uġigħ ta’ madwarhom. Għerqu fi xmara ta’ ħażen, imrar, qerq u qrusa tal-ħajja. Hekk ta’ lanqas qatgħuha s-Sur Gawdenz u dawk bħalu li qatt ma daqu l-għaks. Mhux hekk Dun Karm li m’aċċetta qatt li d-dinja waqfet hemm f’dan l- isqaq dejjaq. Kien inikktu jara tant nies li joqgħodu hemm donnu li qatt ma kellhom xejn x’jagħmlu; tfal imqarqċa minn twelidhom; taħliet ta’ rġiel u nisa bla rażan, daqqiet ta’ tfajliet ma’ rġiel li jiġu fil-wisa’ missirijiethom. Kien jitnikket ukoll jisma’ d-dagħa faħxi minsuġ ma’ kull sentenza li toħroġ minn fommhom. Imma qatt ma wasal biex jgħid li s- sema nsithom, kif ta’ spiss kien iħobb ifakkar lis-Sur Gawdenz meta dan iwaqqfu biex jgħidlu kelma fuq iz-zuntier wara l-quddiesa. “Dun Karm! Dun Karm”, kien iwieġbu s-Sur Gawdenz, “min jiżra’ l- ħażen jaħsad l-indiema.” “Il-faqar mhux dnub u lanqas agħar minn hekk. X’ħażen hemm fl-omm b’tarbija ta’ ftit xhur f’dirgħajha u tnejn oħra żgħar ma’ djulha?” 14

P:16

“Mhux għażla tagħha li sabet ruħha f’dil-qagħda?” “Hekk taħsibha? X’għażliet jibqagħlu min m’għandux għaxja ta’ lejla?” “Mur ifhimhom in-nies, Dun Karm. Jekk xejn il-faqar għandu jimbuttahom ħalli ma jgħixux fil-għażż.” “Mhux dak jewwilla li jagħmlu ħafna minnhom. Imma mhux faċli għal kulħadd li jagħmel dan. Minnu li kultant dak li tagħmel ma’ xi wħud għall-ġid jisfalek deni, imma mhux sewwa li naħslu jdejna bħallikieku ma narawx u ma nisimgħux, jew li ndawwru ħarsitna ‘n-naħa l-oħra. Kemm aħna boloh jekk ninsew li Alla jagħti u Alla jieħu. Ikun imbierek Alla, Gawdenz.” Vitor u Ġuża, b’dankollu, ma kinux waħedhom fost dawk li joqgħodu fl- isqaq li jagħtu raġun lil Dun Karm li mhux kollox mitluf. Dan fehmitu wkoll Lina li mit-tieqa mbexxqa ta’ kamritha setgħet tosserva l-miġi u mawran ‘l hinn u ‘l hawn fid-daħla ta’ l-isqaq. Li ma kinitx taf, għax miżmuma milli titħallat magħhom, kienu l-ismijiet ta’ dawk involuti. Kif tista’ tqiegħed fl-istess borma lil “tal-Mużew”, liebsa l-iswed minn għonqha sa saqajha, b’għajnejha ma terfagħhomx mill-art, li ta’ kuljum toħroġ għall-quddiesa tas-sebgħa neqsin kwart, u filgħaxija ssib ħin tmur tgħallem it-tfal li resqin lejn l-Ewwel Tqarbina jew il-Griżma ta’ l- Isqof? Jew lill-ġuvni jbiegħ is-saħħa li joħroġ minn sbieħ il-għodwa fuq karettun miġbud minn ħmara u ma jerġax lura qabel ikun qed ibexbex. Dan bajjâd li jinqala’ l-aktar għall-kisi ta’ ħitan bl-ilma tal-ġir. 15

P:17

Hemm ukoll ix-xwejħa ta’ ġenbejha wesgħin, li x’aktarx li huma t-toqol ta’ surtha u lbiesha mitluq fuqha, but kbir imħażżem quddiemha, u l- maxta ta’ xagħrha miġbur lura f’toppu li xejjħuha qabel il-waqt. Ma taraha qatt waħedha barra għajr il-knisja, fejn kont issibha wkoll mhux biss għall-quddies, imma nhar ta’ Ħamis għall-Ora Santa, u għal kull devozzjoni oħra li jgħarrafha biha Dun Karm, midħla sewwa tal-familja tagħha fejn ikun mistieden ta’ sikwit għall-ikel. Lil din Lina kienet taraha wkoll ħierġa mill-isqaq, b’tifel f’idha l-waħda u fl-oħra tifla, fi triqthom għal għand in-nuna tas-sorijiet Franġiskani. Xi ħadd kien tarrfilha li x-xwejħa toqgħod fl-istess dar ta’ bintha mindu romlot qasir ħin. Għamel isem ukoll fl-isqaq Nenò, raġel mgħatteb li jgħix b’dak li jaqa’ mis-sema; jew aħjar minn bwiet dawk li tiġihom ħniena minnu u jitfgħulu ftit soldi fil-berritta mitluqha maġenbu waqt li ta’ kuljum jinxteħet jongħos fuq għatba taz-zuntier f’misraħ il-knisja sa ma l- istonku jsajjar li jkun kiel. Minkejja surtu, Nenò ma jġibx stkerrih, u kienu qabda dawk li jistennewh sejjer lura d-dar biex jgħaddulu x’jiekol. Ta’ tallâb ma toqgħodlux sa barra għax qatt ma ttallab – min jgħinu jagħmel hekk minn jeddu. Fost dawn kien hemm Ġuża ta’ Vitor, li meta ma tinzertahx għaddej minn quddiem darha kienet tibgħat lil binha Leli jwassallu l-ikel li tkun ħejjietlu. U sa ma jerġa’ lura Leli u t-tlieta li huma jintasbu ma’ mejda fil-kċina għall-ikla ta’ filgħaxija, Ġuża kienet tieqaf għal waqt quddiem santa tad-Duluri fi gwarniċ tal-landa fil-ġenb tal-kamra. Xemgħa tixgħel quddiem dal-gwarniċ ma naqset qatt, drawwa li għaddietilha nannitha Rożina li fi żmienha l-lampa taż-żejt kienet tieħu mkien ix-xema’. 16

P:18

3. Lil Dun Karm kulħadd kien jafu, u kulħadd kien jgħid ġid fih. Qsajjar imma mibrum bħal zokk ta’ żebbuġa, ħafif u lvent donnu gidi, wiċċu dejjem imbissem, u dirgħajh tal-ħadid. Filli hawn u filli hemm, l- hena tiegħu jaqdi lil xi ħadd. U fuq fommu t-tislima ma’ kull min jiltaqa’, “Ikun imbierek Alla.” Bin ix-xogħol, trabba fil-għaks u fil-ħidma. Spalla ma’ spalla ma’ missieru, kien jgħinu jiċċana l-injam u jqandel kull xorta t’għamara mis- sebħ sad-dlam fil-ħinijiet ta’ barra l-iskola. Malli missieru jerfa’ mix- xogħol, kien jerħilha għaċ-“Ċirklu” ta’ l-Azzjoni Kattolika fil-qrib, fejn kien jgħaddi siegħat iqalleb il-kotba tal-librerija ċkejkna li ġabar flimkien Dun Manwel. Dan kien jgħinu jaqra xi kliem li jkun iltaqa’ magħhom għall-ewwel darba, meta mhux ukoll ifehmu aktar dwar dak li jkun qara. Dun Manwel kien iħajjru wkoll jissellef xi wħud minn dawk il-kotba, li hu kien jieħu d-dar u ma jsibx sabar qabel jaqrahom mill- ewwel sa l-aħħar kelma. Dawk li kienu jafuh fi tfulitu, ma stagħġbux wara li miet missieru, u hu kien għad kellu sbatax-il sena, li għażel li jistudja għal qassis. Zijuh Ġorġ, li kien ferħan jarah miġbur fit-triq it-tajba daħal għall-ispejjeż kollha biex dan iseħħ. Il-Ħadd ta’ wara l-ordinazzjoni fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann kien imiss li Dun Karm iqaddes għall-ewwel darba fil-parroċċa. Għal dan ukoll ħaseb zijuh Ġorġ. Midħla sewwa tas-Sur Gawdenz, li kien president tal-Każin tal-Banda, irnexxielu li dak inhar itellgħu sal-knisja 17

P:19

f’purċissjoni minn Triq il-Kbira bil-banda ddoqq quddiem. Tul it-triq tal- purċissjoni n-nies ħarġet bi ħġarha biex issellem lill-qassis il-ġdid, u f’misraħ il-knisja saħansitra żejjnu l-ġnub bi qsari ta’ kull daqs. F’din l-ewwel daħla tiegħu fir-raħal bħala qassis, Dun Karm ma qalax għajnejh mill-art. Ħassu mistħi bl-għaġeb li għamlu bih, u fl-istess ħin sogħbien li missieru ma kienx hemm biex jaqsam miegħu l-ferħ ta’ l- okkażjoni. Imma Dun Karm ma damx ma ħareġ minn qoxortu u medd ruħu u ġismu għall-ħidma fejjieda li daħal għaliha. Fehem ma damx li ħtieġlu mhux biss iqaddes, iqarben, iqarar, iżewweġ, jgħammed u jidfen . Mat- tabib tar-ruħ kellu jkun ukoll għal ħafna tabib tal-ġisem. Mhux għax qatt għaddielu minn rasu li jisraq ix-xogħol tat-tabib maħbub tar-raħal, it-Tabib Saliba, imma għax in-nies bdiet tersaq lejh biex jgħinhom ifiequ minn nuqqasijiet oħra kawża tal-faqar u t-tħarbit fl-edukazzjoni li ħalliet warajha l-aħħar Gwerra Dinjija. “Nistħi nistaqsik, Dun Karm, imma tista’ tgħinni nikteb ittra lil ibni Fredu ta’ l-Awstralja?” talbitu Gejta. Fredu emigra lejn l-Awstralja hekk kif għalaq tmintax-il sena. Għamillu tajjeb zijuh li laqgħu għandu u sablu post tax-xogħol f’kemm trodd salib. Għal sentejn sħaħ wara dan, Fredu ma naqasx li jżomm lil ommu mgħarrfa b’dak kollu li għaddej minn għalih, u xahar iva u ieħor le jibgħatilha wkoll xi ftit tal-flus biex tgħin ruħha. Issa kienu għaddew ‘il fuq minn sitt xhur mill-aħħar darba li semgħet mingħandu u la weġibha hu u lanqas ħuha għall-ittra li għinha tikteb in-Nutar Gawdenz, li tagħha dehrilha xieraq tħallsu. Mhux biss kienet imħassba li Fredu 18

P:20

seta’ ltaqa’ ma’ xi saram, imma wkoll li ma kellhiex biex tħallas il-kera li jmiss issa li nixfet il-kemxa flus li kienet warrbet bis-saħħa tiegħu. Kien għalhekk li did-darba daret fuq Dun Karm għall-għajnuna. Dak ma kien ser jitlobha xejn ta’ xogħlu. Meta Dun Karm issejjaħ imur jagħti l-aħħar griżma lil Ċensina tal- Għażli, sab sitwazzjoni tal-biki tistennih. Ċensina kienet toqgħod f’tarf ir-raħal fejn ħadd ma kien jaraha jew jaf biha. Kienet romlot qasir żmien, imma baqgħet tqanċat eżistenza fqira mill-biċċa art li ħallielha żewġha. Fl-istess ħin kienet tieħu ħsieb bintha, immankata ikrah minn twelidha. Lil din dejjem ħbietha minn għajn in-nies u qatt ma ħarġitha barra mid-dar. Issa li hi waslet fl-aħħar nifs ta’ ħajjitha, min kien ser jieħu ħsieb bintha? Il-problema mħabbla waqgħet f’ħoġor Dun Karm. Imn’Alla li ma kien jaqta’ qalbu minn xejn u li sab lit-Tabib Saliba lest jagħtih daqqa t’id biex f’qasir ħin lit-tifla mmankata sabilha sodda l-Imgieret. Il-prokuratur tal-knisja tal-Vitorja ħtieġlu jidħol l-isptar għal ftit jiem għal operazzjoni biex jeħles minn uġigħ kbir f’widintu l-leminija. Fl- assenza tiegħu Dun Karm ħa f’idejh il-quddiesa tas-sebgħa. Wara t- tielet quddiesa li qaddes f’dil-knisja, sab jistennih lil Pietru x-Xwejħi. Lil dan ma kienx jafu minn Adam, imma kien rah fl-ewwel filliera fid- darbtejn ta’ qabel ukoll. “Nixtieq nitolbok parir, Dun, jekk nista’.” Għalkemm qed iqarreb il-ħamsin, Pietru ma kienx jurihom. Kellu bixra ta’ wieħed fuq tiegħu, u ħarsa ta’ x’jimpurtani li timbottak minn żewġ 19

P:21

metri ‘l bogħod. Dan lil Dun Karm ma qatgħalux qalbu, u kien pront wieġbu: “Jgħidu li l-parir ħu l-għerf, ħabib tiegħi.” - waqt li beda jberren f’moħħu x’saram kien li Pietru seta’ jdaħħlu fih - “Kif nista’ ngħinek?” “Mingħajr tlaqliq biex ma nieħux ħafna minn ħinek, marti qed thedded li tħallini wara li ttellagħni l-qorti.” “U dan għaliex?” “Ma tieqaf qatt teqred li qed inħalliha nieqsa mill-flus u marbuta dejjem mad-dar.” Biex jirbaħ ftit tal-ħin ħalli jara x’ser iwieġbu, Dun Karm staqsih x’kien jismu. “Pietru”, wieġbu. “Qatt għaddielek minn rasek li jista’ jkollha raġun, Piet?” “X’raġun, raġun, Dun? Aktar għandi raġun jien li naħseb li xeħtet għajnejha fuq xi ħadd ieħor.” “M’għadekx kemm għidtli li dejjem marbuta mad-dar?” “Jien naf x’tagħmel meta noħroġ għax-xogħol.” “X’inhu xogħlok, Piet?” “Naġġâr ma’ Ġanni l-bennej.” “Nistħajjel li taqlagħha tajjeb?” 20

P:22

“Tmien liri fil-ġimgħa ma jonqsu qatt.” “Prosit ħej! Nifhem li sitta minnhom tagħtihom lil martek għall-ħajja?” “Ma tarax! Xi bżonn għandha aktar minn żewġ liri? Tfal m’għandniex u, jekk taqtagħlha t-tgergir, marti tal-ġabra.” “Jekk tassew tixtieq parir mingħandi, Piet, ikun jiswielek li lil martek tgħaddilha ta’ lanqas nofs il-paga u li tħallas milli jibqagħlek il-kera tad- dar u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.” “X’avukat fik, Dun! Qed naħseb li jkun aħjar li nħalliha tgerger u thedded lil marti. Dik s’hemm tasal.” “Agħmel li jidhirlek, Piet. Jien avukat mhinix u kien għax tlabtni li sellimtlek mill-kappell li għandi. Imma martek il-parir taf tmur tieħdu minn x’imkien ieħor u ħoll xagħrek u ġieb iż-żejt jekk tmur għand avukat tal-qrati.” Fl-entużjażmu tiegħu għal ħidma ta’ kull xorta, saħansitra tal-kumitat tal-festa sabuh beċċun lil Dun Karm. Fl-aħħar sentejn ta’ qabel ma laħaq qassis, il-ġbir għall-festa ħa daqqa ‘l isfel wara li Dun Ġwann majna minħabba saħħtu. Il-fiera ta’ kull sena f’misraħ il-knisja ma baqgħetx issir u din kienet tħalli kemxa sewwa. L-istess il-ġbir minn bieb għal bieb – issa jsir biss fit-toroq ta’ madwar il-knisja. Lil Dun Karm talbuh biex jara li kollox jerġa’ lura għal li kien. Ma qalx le u l- qagħda tjiebet bis-saħħa tiegħu, imma ma kienx jaf għaliex daħal, l- aktar minħabba x-xkiel li sab minn dawk li jiġbru għan-nar. 21

P:23

4. LELI TA’ TARF L-ISQAQ wasal biex jagħlaq dsatax-il sena. Sentejn ilu resaq għall-Eżami ta’ Oxford u għadda mis-suġġetti kollha b’marki tajba. B’dan iċ-ċertifikat f’idu, ma sabhiex bi tqila biex sar għalliem mhux tal-post fi skola primarja tal-Gvern. Ommu u missieru kellhom bokka t’għajn bih minn twelidu, u nkarmu aktar għalih wara li għadda ż-żmien u għarfu li ser jibqgħu b’tifel wieħed. Kienu mħejjija jagħmlu kollox għalih, u hu ma naqashomx. Kien ubbidjenti għall-aħħar u tajjeb fl-iskola. Minkejja li Vitor u Ġuża ma kinux jiffanfraw b’rixhom, għajnejhom kienu jixgħelu meta xi ħadd ifakkarhom li Leli rnexxielu jiġi fost l-ewwel għaxra minn Malta kollha fl-eżami tad-dħul għal-Liċeo. Huma nnifishom ma kienux ta’ l-iskola – Vitor mgħallem kemm jaqra u jikteb bil-Malti, u Ġuża kemm tiffirma isimha u xejn aktar. B’dankollu, m’għoġobhomx li Leli jtemm l-istudji tiegħu biċ-ċertifikat ta’ Oxford biss f’idejh. Xtaqu jarawh isegwi kors ta’ studju fl-Università. Dwar dan inqagħlet, tista’ tgħid, l-ewwel tilwima bejniethom, b’Leli jibqa’ jżomm li jkollu mpjieg mill-ewwel u b’missieru u ommu jaħsbuha xort’oħra. Meta fl-aħħar Leli għarrafhom li xtaq aktar żmien biex jaħsibha, wiċċ missieru, b’mod partikolari, deher li ħa r-ruħ, aktar u aktar wara li Leli qalilhom ukoll li ma kienx ser iserraħ rasu qabel ikollu mpjieg tal-post b’pensjoni miegħu. Hekk hu, issokta jgħarrafhom, li kien ser ikompli jistudja għadd ta’ suġġetti f’livell ogħla fil-ħin liberu tiegħu. 22

P:24

M’għaddiex ħafna żmien li Leli żamm kellmtu. Imħajjar minn wieħed minn sħabu għalliema fl-istess skola, qatagħha li joqgħod għall-eżami t’Uffiċjal Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku. U bħalma s’issa mdorri jagħmel, għadda bl-unuri. F’kemm ilni ngħidlek, sar jaf b’dan ir-raħal kollu, mhux lanqas is-Sur Gawdenz, li kellu jibla’ twemminu dwar in- nies ta’ l-isqaq u jkun fost dawk li jifirħu lil Leli. Ħaseb fuq li ħaseb is-Sur Gawdenz kif l-aħjar li jagħmel dan mingħajr ma jidher fl-isqaq. Fl-aħħar qatagħha li jibgħat għal missier Leli biex jiġi jarah għax kellu qadja x’jgħaddilu. Mess lil Karla s-seftura li twassal il- messaġġ, u Vitor wasal b’għajnejh ma jaqlagħhomx mill-art dik l-istess lejla. “Għaddi, Vitor, għaddi”, qallu s-Sur Gawdenz li, għalkemm kienet martu li laqgħet lil Vitor fil-bieb ta’ barra, hu kien rah riesaq minn bejn il-persjani tal-bieb ta’ l-istudju. Vitor għamel li qallu u waqaf tliet passi ‘l bogħod mill-iskrivanija, li wrajha s-Sur Gawdenz baqa’ kif kien bilqegħda, idawwar bejn idejh il- berritta li qala’ minn rasu fuq l-ewwel tarġa tal-bieb ta’ barra. “Qaluli li tinqala’ ħafna fil-ġnien, Vitor.” “Dilettant, Sinjur”, wieġbu, “ġnien li hu ġnien mad-dar m’għandix, imma snin ilu krejt daqsxejn ta’ ġardina qrib l-Oratorju fejn nheda ngħaddi ftit tal-ħin, meta nsibu.” “Bgħatt għalik għax il-lumi u l-larinġ fil-ġnien tiegħi ilhom li waslu għal żabra, u ħsibt li inti tista’ taqdini.” 23

P:25

“Ma narax għaliex le sakemm int komdu li nagħmel dan f’ġurnata tas- Sibt. Xi kemm-il siġra għandek?” “Xi tlittax-il waħda jekk ma niżbaljax.” “Tlittax fihom kedda, imma Leli tiegħi għandu mnejn li jagħtini daqqa t’id biex ma nġebbidx fit-tul. Dejjem jekk int taqbel, Sinjur.” “Ara x’ħalaq! Għidli x’nafulek u l-bqija f’idejk x’tagħmel u ma tagħmilx ... A propositu ta’ Leli. Xtaqt li nifraħlu għall-kariga l-ġdida. Għax ma tgħidlux jiġi jarani waħda minn dal-ġranet.” “Bil-qalb kollha, Sinjur, sakemm komdu li jittawwallek filgħaxija wara x- xogħol.” “Għada għall-ħabta tas-sitta, mela?” Qabel ma Vitor wieġbu, is-Sur Gawdenz qam minn bilqegħda, resaq lejh u mingħajr aktar kliem u sliem urih il-bieb ta’ barra. “’kk Alla jrid, narak nhar is-Sibt filgħodu, Sinjur, u ‘l Leli ngħidlu jiġi għada filgħaxija.” Lil Leli ma niżlitlux li jmur jara lis-Sur Gawdenz għax dan ried li jifraħlu. X’wassal li bniedem mimli daqshekk bih innifsu jinteressa ruħu f’għajru? Imma ma ħassx li għandu joqgħod iħaqqaqha ma’ missieru u aċċetta li jbaxxi rasu. Dak inhar kien il-bidu tat-tieni ġimgħa għal Leli fil-post il-ġdid tax- xogħol. Il-kariga li tawh ratu jieħu t-tmexxija ta’ sezzjoni fid- Dipartiment ta’ l-Artijiet. Ta’ qablu f’dil-kariga marad xhur qabel u ma 24

P:26

reġax lura għax-xogħol. B’hekk Leli sab ma’ wiċċu ħafna xogħol li waqa’ lura. Fl-istess ħin kollox kien ġdid għalih. Imma dan ma qatgħalux qalbu u medd għonqu għal kull ma kien jeħtieġ li jsir, b’entużjażmu liema bħalu. Ħasra li l-għada ma setgħax jibqa’ għaddej wara l-ħin tax-xogħol, kif kien qed jagħmel, minħabba li ried iżur lis-Sur Gawdenz. Medhi b’dawn ir-responsabbiltajiet ġodda, Leli nesa għal waqt l-iljieli ta’ thewdin li għadda minnhom dan l-aħħar. Ħolmu ta’ spiss kien li xjaħ u sab ruħu waħdu, bilqegħda fuq pultruna f’kamra mdallma, ifittex u ma jsibx id-dawl tax-xemx. Isejjaħ u ħadd ma jwieġbu. Mas-sebħ kien jieħu r-ruħ jiftaħ għajnejh u jsib li kien biss ħolm. Imma li seta’, dal-ħolm kien jaħslu darba għal dejjem fl-istess ilma tal- friskatur li jaħsel wiċċu fih filgħodu. Min-natura tiegħu esploratur bil-kurzita’ ta’ tarbija, Leli fittex li jagħti tifsira lil dal-ħolm. Tgħid kien li ngħalaq wisq fih innifsu f’ċirku li jħaddan fih biss lilu, ‘l ommu u ‘l missieru? Barra minnhom, familja li hi familja ma kellux, u sħabu ta’ l-iskola, kollha minn irħula u bliet oħra, issa li spiċċa l-Liċeo taru mar-riħ, waqt li tista’ tgħid kollha kemm huma l-għalliema ta’ miegħu kienu miżżewwġa u miġbura f’darhom u l-familji tagħhom. Tgħid kien li wasal il-waqt li jfittex ruħ oħra ma’ min joħlom b’għajnejh miftuħa, ma’ min jiftaħ qalbu u jaqsam it-tqanqil ta’ fiha? Tgħid kien li beda t-triq tal-jasar fl-imħabba? Imma l-imħabba ta’ min? Tfajla li jista’ jsejjaħ tiegħu kien għad m’għandux għalkemm kien joħlom li jkollu. Żammitu lura l-mistħija li jistqarr dak li saħħru ‘l 25

P:27

għajnejh. Żammu lura li kien għadu ma jafx f’liema tfajla jinvesti xewqatu, lil min ser jagħżel li jħobb, ma’ min jintrabat b’impenn. Kemm kien belhieni u tad-daħk li xi mindaqqiet jieqaf jaħseb fuq dik li kultant jara nieżla min-naħa ta’ fuq tar-raħal fi triqtha għall-belt fuq tal- linja. Ġinì, kif sema’ lil xi ħadd jirreferi għaliha, kienet tingħaraf minn oħrajn għall-mod kif tisbogħ xuxtha lewn il-qamħ u xofftejha ħomor nar. Xagħrha miġbud lura jikxef par imsielet ileqqu, twal sa fuq spallejha. Madwar il-pali ta’ jdejha għadd ta’ brazzuletti ħoxnin lewn id-deheb, ukoll jekk jibżgħu minnu. Aktar iva milli le, b’libsa bajda nkaxxata magħha li tieqaf sitt pulzieri ‘l fuq minn irkobbtejha, li toħroġ kull kurvatura f’ġisimha, u bi skullatura fonda fuq sidirha. F’saqajha żarbun ta’ l-istess lewn ta’ xofftejha b’par tkaken għoljin li jbandlu mixjitha. Mhux għax Leli qatt għaddielu minn rasu li jkollu x’jaqsam magħha. Ħarsa mill-qrib kienet tgħidlu li tiġi kważi ommu fiż-żmien, u dejjem stkerraħha bħala mara tat-triq, għalkemm taha kemm-il daqqa t’għajn. Tgħid kien li jitħassarha li bħalu kienet għatxana għal qalb oħra? Kienet tfakkru wkoll kemm hu faċli li minkejja kollox xi wħud jibqgħu fuq l-ixkaffa. Li qatt ma staqsa lilu nnnifsu kien jekk din żbaljatx li emmnet fil-bidu ta’ żogħżitha li l-oħla pjaċir għaliha kien li tagħti pjaċir lil ħaddieħor. Jibqa’ fatt li fuq l-għatba ta’ rġulitu u meta missu kien jaf aħjar, Leli kien maħkum minn qtigħ il-qalb li jsib tfalja li jħobb u tħobbu. Jista’ jkun li kien l-għarfien li ommu u missieru diġa’ kellhom lilu fl-eta’ tiegħu li għamlu daqshekk fuq ix-xwiek. 26

P:28

Dan l-irraġunar kien ‘il bogħod minn moħħ Leli meta wasal il-ħin li jżur lis-Sur Gawdenz. Qabel ħareġ mid-dar, ittawwal kemm-il darba lejn il- mera biex ikun żgur li ma kellu l-ebda xagħra barra minn postha, u sa ma wasal għand in-nutar qalbu ħassha ħierġa bit-taħbit li bdiet tħabbat. 27

P:29

5. Is-Sur Gawdenz Taliana kien wieħed minn żewġ nutara fir- raħal. Kieku ried seta’ refa’ mix-xogħol żmien ilu għax missieru kien ħallieh tat-tajjeb, sid ta’ ma nafx kemm-il dar u roqgħa art, barra mill- flus imġemma’ f’ismu fil-bank. Imma Gawdenz kien rgħib għall-aħħar, għajnejh akbar minn żaqqu, dejjem imxennaq u qatt m’għandu biżżejjed. Mhux għax ma kienx jilħaqlu. Kien jilħaqlu u kif! Li ma kienx hekk ma kienx joħroġ minn kull saram li jsib ruħu fih. U s-saram kien jiġri miegħu, hekk li deher li kien hu li jfittxu. Fl-istess ħin moħħu dejjem hemm li ma jmurx jiġi f’ilsien in-nies. Kien jobromhom biex juri wiċċ b’ieħor. Sehem mill-manuvrar b’dan l-għan kienu l-mawriet tiegħu sal-knisja għall-quddies fejn tmur l-aktar nies, u l-ħbiberija li rawwem ma’ Dun Ġwann. Barra milli jistiednu għandu għall-ikel ta’ spiss, lil Dun Ġwann kien iwaqqfu f’nofs iz-zuntier biex jgħidu kelma. Bħallikieku arani min huma ħbiebi! Issa li Dun Ġwann majna ħafna minħabba saħtu, Gawdenz kien xeħet għajnejh fuq Dun Karm, qassis żagħżugħ li seraq qalb in-nies f’kemm trodd salib. Imma Dun Karm għokritu għajnu minnu u għalkemm lil Gawdenz ma tahx il-ġenb, kien ħsiebu dejjem hemm li ma jidhrux wisq midħla ta’ xulxin. “Meta ser taqbeż s’għandna, Dun Karm? Karla taf issajjar platt braġoli jinħallu fil-ħalq, f’zalza li ġġagħlek tiekol nofs ħobża magħha. Ilha 28

P:30

tgħidli ħafna li tixtieq iddewwaqhomlok. Kif l-istess jien flixkun imbid tad-dar, t’annata imprem mis-soltu.” “Xi darba naqbdek f’kellmtek, imma bħalissa mħabbat s’għonqi bit- tħejjijiet għall-preċett tat-tfal.” “Tal-każin tal-banda qaluli li għabbewk ukoll bil-ġbir għall-festa. Nixtieq li nista’ ntik daqqa t’id dwar dan, imma kull sold li stajt nagħti ħaduhuli tal-każin tal-banda għall-murtali. Ma stajtx ngħid le bħala president tagħhom.” “Serraħ moħħok, Gawdenz, Alla jipprovdi.” Dun Karm kien ħerqan li jaqta’ l-kliem fil-qosor, u kien dar biex jitlaq meta Gawdenz reġa’ żammu. “Minnu dak li qed jgħidu fuq Nenò t-tallâb, li ħalliena lbieraħ? Qaluli li kien ilu jiem mejjet f’soddtu qabel xi ħadd mill-istess kerrejja ġietu l- kurżità li jmur iħabbat fuq biebu biex jara x’ġara minnu. Qaluli wkoll li taħt soddtu, u mxerrda ‘l hawn u ‘l hemm fil-bqija ta’ kamartu, sabu ħafna flus maħżuna. Mur obsor! U mbagħad kien jaqlagħli ruħi biex jagħtini lira f’sena tal-kera.” “Taf dan kollu u tistaqsi lili?” F’Dun Karm, Gawdenz sab kappell jiġih. Il-kuxjenza tiegħu, għalkemm kellha għalfejn, ma baqgħetx tniggżu. Mhux hekk Dun Karm. Mill-bixra ta’ wiċċu u l-ħarsa t’għajnejh kien jagħtih x’jifhem li jaf b’dak kollu maħżun f’qalbu. Mur ġibu jqerr għandu! 29

P:31

Sa ma ltaqa’ ma’ Dun Karm, Gawdenz fi tmiem il-jum kien imidd rasu fuq l-imħadda u jorqod mingħajr ħsieb ta’ xejn f’kemm trodd salib, minkejja li maġenbu ma kellux il-wens ta’ martu. Lil din kien ilu s-snin twal li bagħatha f’kamra oħra. Preċiżament minn meta deher ċar li ma jistax ikollha tfal. Ma nkedd xejn li kienet l-ewwel sieħba tiegħu, u li għalqet għajnejha għal kull ingann u nuqqas ta’ fedelta’ min-naħa tiegħu sa minn qabel ma żżewwġu. Matul daż-żmien kollu Imelda daħlet tgħix f’dinja għaliha, imlewwna biss mill-ħin li tgħaddi fil-ġnien jew iddoqq il-pjanu, u mill-kumpanija ta’ Lina, li ħabbet bis-sħiħ minkejja li ma kinitx bintha. Miġbura f’darha, barra ma tarahx ħlief meta toħroġ sal-knisja għall-quddiesa tal- Ħadd, u kull filgħaxija għat-talb tal-għasar. Xitwa u sajf, il-velu iswed imdawwar ma’ rasha u marbut f’għoqda taħt ilħitha ma jonqos qatt f’kull mawra sal-knisja. Iż-żjajjar sal-Belt, u l-kiri ta’ palkett għal tnejn għal xi opra fit-Teatru Rjal kienu tifkiriet imbegħda. Aqta’ mill-knisja, id-dar kienet tħalliha wkoll għal xahar fis-sena, aktar iva milli le fix-xahar ta’ Lulju, meta ma’ żewġha u Lina jmorru San Ġiljan fid-dar tal-villeġġjatura. Li kien għaliha kienet tgħaddi hemm is-sajf kollu fil-gallerija mhux imsaqqfa li tagħti għal fuq il-baħar, imma f’Awwissu żewġha kien jinsisti li jmorru lura biex ma jitilfux il-festa tar- raħal. Ma kellhiex għażla. Kif irid u jordna Gawdenz, u lilha jmissha biss li tbaxxi rasha. Ħalliha li kemm idumu San Ġiljan żewġha ġej u sejjer Birkirkara, jew saż-Żebbiegħ fejn kellu għalqa ġmielha, b’razzett magħha bil- 30

P:32

kumditajiet kollha. L-għalqa tieħu ħsiebha, u żżommha miżrugħa s- sena kollha, Katrin, mara tal-post, li ħlasha kien li titħalla toqgħod fir- razzett mingħajr kera, u li tgħin ruħha mill-frott u l-għelejjel ta’ l- għalqa. Dak safejn qallha Gawdenz, li qatt ma qabżitlu li Katrin kienet tieħu ħsiebu b’mod ieħor. Allaħares għal gieħu li n-nies issir taf b’dan. Jekk min jilgħab man-nar jispiċċa biex jinħaraq, ma kinitx biss Katrin li heddet li taħraq lis-Sur Gawdenz. Mhux għax hi qatt għaddielha minn moħħha li tagħmel dan. Kellha gedduma fix-xgħir mill-għajn li kienet tixrob minnha. Mogħnija bi ġmiel ta’ għażżiela, ħawtiela u ta’ fuq ruħha, ġibdet lejha kemm-il żagħżugħ fil-mawriet tagħha fl-Imġarr. Imma ‘l ħadd minnhom ma ressqitu lejn ir-razzett. Ta’ li tagħtihom tixrobhomlhom minn demmhom. Sa ma ltaqgħet ma’ Kieli, li miegħu xeħtet l-ankri, u fetħitlu l-bieb tar-razzett wara li ġagħlitu jaħlef fuq ruħu li joqgħodu b’seba’ mitt għajn li jsir jaf b’dan is-Sur Gawdenz. Imma l-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser. M’għaddiex żmien wisq li Katrin ħarġet tqila minn Kieli. X’taqbad tagħmel? Li kien għal Kieli kienet tgħarraf b’kollox lis-Sur Gawdenz u taqta’ ż-żarda darba għal dejjem. Katrin ħasbitha xort’oħra. “Tħabbilx rasek, Kiel. Lis-Sur Gawdenz inħallih jemmen li t-tarbija tiegħu, u li mistenni jħallas għall-għajxien tagħha.” Għall-ewwel in-nutar ħadha magħha qatta bla ħabel, sa ma wissietu li tikxef kollox u ġġibu fi lsien in-nies. Mhedded b’dan il-mod, Gawdenz 31

P:33

rega’ pass lura, u ħallieha bit-tama li jeħtieġlu jaħsibha kif ser joħorġu minn din it-taħbila. Lura d-dar, ħataf lil kull min ħabbat wiċċu miegħu. Martu, Lina u Karla kien ilhom li tgħallmu li meta jkun f’dil-burdata jagħtuh il-ġenb, kif għamlu f’din l-okkażjoni. B’sigarru jilgħab bejn xofftejh, Gawdenz għadda l-bqija tal-lejla bilqegħda f’rokna tal-ġnien. Quddiemu, bħal fuq liżar, infirxet il-ġrajja ta’ ħajtu minn mindu libes qalzietu. Ta’ ftit aktar minn sittax-il sena daħal l-Università, imbottat minn missieru biex jistudja l-liġi u hekk jarah ikompli fejn kien qed joqrob li jħalli hu. Moħħu kien jagħtih u b’hekk sab ħin ukoll biex barra mit-tagħlim jgħix ħajja ta’ vvizzjat bil- flus li jgħaddilu missieru. Tfajliet fl-Università mill-anqas, imma mhux hekk fuq ix-Xatt ta’ tas- Sliema, u fi Strada Rjali l-Belt. Imdandan u jħobb iberbaq flus li qatt ma qala’ b’ħiltu, ħafna dbielet iġġennu warajh, minkejja li ħafna minnhom malajr tawh daharhom u telquh meta saru jafu x’bokka brodu fih. Mhux hekk Imelda, żagħżugħa ta’ ġentilezza liema bħalha, imrobbija f’kulleġġ tas-sorijiet. Din ukoll waqgħet fin-nassa ta’ Gawdenz b’ħerqa li tagħmlu tagħha biss. Bogħod minn ħars in-nies u b’mistħija kbira, ħallietu b’dan il-għan jgħannaqha u jbusha kemm irid. Dehrilha f’qasir żmien li kienet għaddiet tagħha għaliex warrbitu miċ-ċirklu ta’ ħafna minn sħabu, ħlief għal oħtha Ġannina u l-għarus tagħha Nikol, li missierha u ommha dejjem insistew li joħorġu magħhom. Ma tistax tgħid li Imelda kienet fula maqsuma m’oħtha. Oħtha kellha rieda għall-ħajja li ma tafx truf, wiċċha dejjem imbissem, u tidħak 32

P:34

tgħajjat ta’ sikwit. Kienet għażlet li ma tkomplix l-iskola meta spiċċat il- primarja għaliex f’moħħha minn dejjem kellha li tiżżewweġ kmieni u li jkollha ħafna tfal. Kull meta joħorġu flimkien, hi u l-għarus tagħha m’oħtha u Gawdenz, in-nuqqas ta’ rażan min-naħa tagħha kien jieħu s- sopravvent. Gawdenz ma kienx jibqa’ lura li jagħtiha spallatura. Darba, f’tarf is-sajf, telqulha lkoll flimkien lejn ilbiċ u l-irdumijiet żonqrija ta’ Ħad-Dingli fl- aħħar tarf tal-gżira ta’ Malta. Waslu Ħad Dingli b’tal-linja, u mxew lejn in-naħa tal-baħar qrib il-knisja ta’ Santa Marija Madalena tar-Rdum. Itttawwlu għal xi ħin sax-xefaq fejn jiltaqgħu sema u baħar b’Filfla fin- nofs; imbagħad irħewlha lejn Għar il-Mirdum, li d-daħla tiegħu damet moħbija għal ħafna snin minn blat kbir li tgerbeb mar-rdum minħabba t-theżżiż ta’ l-art, imma li tnaddaf ftit snin qabel Wara, Imelda ħajjrithom li jaqsmu n-naħa l-oħra tat-triq u jimxu fid- direzzjoni tar-Rabat, jgħaddu mix-xaqliba magħrufa bħala Djar Ħandul u dak li fl-imgħoddi kien ir-raħal ta’ Ħal Tartarni, u jibqgħu sejrin lejn il- Buskett. Ġannina ħatfitha fil-kelma, u bis-soltu moħħ ir-riħ tagħha qabdet lambranzetta ‘l Gawdenz, u mxew quddiem, bit-tnejn l-oħra jlabilbu warajhom. Imxew medda ġmielha, u meta għaddew Misraħ Suffara u setgħu jaraw il-Palazz ta’ Verdala, waqfu taħt siġra tal-ħarrub biex iserrħu riġlejhom u jagħtu ħin lil ta’ wrajhom jilħquhom. Imma għadda l-ħin u dawn ma dehrux. Għalhekk qatgħuha li l-oħrajn kienu qabdu xi mogħdija oħra, u ħasbu li jkomplu mexjin sa ma lkoll jiltaqgħu l- Buskett. 33

P:35

Ix-xemx kien ilha li bdiet tnin, u ż-żiffa żiedet u ffriskat. Kulma kellha fuqha oħt Imelda kienet libsa ħafifa mingħajr kmiem. Ir-reżħa tal-arja ġagħalitha titrekken qrib ta’ Gawdenz, b’rasha tmidd fuq spalltu. Dan waqaf mill-mixi u bla sabar ġenneb wiċċu fuq tagħha u biesha fuq xofftejha għal waqt li ma jispiċċa qatt. F’kemm trodd salib sabu rwieħhom mimdudin f’rokna taħt siġra fuq il-ħaxix ta’ taħthom, jinħabbu bi ħrara u mitlufin għall-bqija tad-dinja. Il-Buskett sabu lit-tnejn l-oħra jistennewhom. Għamlu ta’ bir-ruħhom li ddawwru għaliex kienu marru jfittxuhom meta raw li ma kinux warajhom. Imelda dehrilha li wiċċ oħtha kien aħmar nar. Kif ħaditha x- xemx, ħasbet bejnha u bejn ruħha ta’ twajba li kienet. Wara dil-mawra sa barra r-Rabat, oħt Imelda ma writx wiċċha għal xi ġimgħat. Gawdenz qatagħha li kien sogħob biha li ċeditlu daqshekk malajr. Kien x’kien, l-ewwel darba li reġgħu ltaqgħu l-erbgħa flimkien kien biex jgħarrfuh li Ġannina kienet ser tiżżewweġ f’qasir żmien. Għokritu għajnejh minn dan Gawdenz, u ma kienx sejjer imqarraq. Dan kollu u aktar għadda minn għala Gawdenz bilqegħda f’rokna tal- ġnien, għadu jilgħab b’sigarru mhux mixgħul bejn xofftejh. Għamiltha t-tieni darba, sinjur, din id-darba fil-ħarifa ta’ ħajtek. Ma nikktux dan il- ħsieb lilu li kien jippretendi li jaf kollox, li hu raġel fuq l-irġiel, u li dejjem emmen li kien hu li kellu l-jedd fuq ħaddieħor u mhux bil- maqlub. Kif ħelisha ħafif l-ewwel darba, hekk ser jagħmel mill-ġdid. “Talbitni l-għajxien tat-tarbija li ġejja. Ara x’ħalaq! Daqskieku jien mejjet bil-ġugħ. U żgur li nagħtihulha. U kif! Ħalli ndaħħal il-kemxa flus li għandu jgħaddili l-Gvern ta’ l-art li ħadli biex jgħaddi triq f’tarf in- 34

P:36

Naxxar”, ftaħar miegħu nnifsu. Imwennes b’dan il-ħsieb, tela’ lejn kamartu mingħajr trejjaq mill-ikel li ħejjietlu Karla. Fuq l-imħadda, b’dankollu, reġa’ żaru wiċċ Dun Karm, jitqarras u jċanfar. Ġibed waħda f’qalbu u ’l Dun Karm bagħtu fejn ma jarax dawl tax-xemx. 35

P:37

6. Is-snin sittin kienu snin ta’ taqlib u bidliet kbar mad-dinja kollha. L-għadd bla qjies ta’ żgħażagħ li twieldu wara t-Tieni Gwerra Dinjija għamlu minn dawn is-snin l-epoka tagħhom. B’passi ta’ ġgant, ħallew warajhom il-ħsieb meqjus tas-snin ħamsin biex ħolqu xejra oħra ta’ ħajja mibnija fuq dak li emmnu kienet il-liberta’ tal-ħsieb. Ma kellhomx għal qalbhom li jibqgħu jingħarfu bħal ta’ qabilhom. Riedu bidla, u mhux biss fil-moda u d-divertiment, imma wkoll fil-fehma. Minflok il- palju tal-gwerra xejjru wieħed ta’ mħabba mingħajr rażan. Dan wassal biex inqalbu ta’ taħt fuq il-valuri tal-ħajja u l-mod kif iż-żgħażagħ, u mhux biss, jgħixu ħajjithom. Kienu snin ta’ qawmien, imma wkoll ta’ taħwid liema bħalu; snin ta’ trasformazzjoni li għadha tinħass sa żminijietna. Kien l-aħjar żmien u l-agħar żmien għal ħafna. L-għadd ta’ nisa li ħarġu jaħdmu kiber sew, u dawn m’għoġobhomx li jkollhom kondizzjonijiet inferjuri minn tal-irġiel. Aktar minn hekk, emmnu li kien wasal il-waqt li ma jibqgħux biss għodda fit-tnissil tat- tfal u fit-tindif tad-dar, meta mhux ukoll ittrattati b’kefrija minn żwieġhom. Tqanqlu wkoll li jieħdu sehem aktar ħabrieki fil-politika. L-istess l-istudenti, l-aktar dawk universitarji, li kienu fuq quddiemnett ta’ dan il-qawmien. Biex juru kemm il-kultura li wirtu ma tħallix wisa’ għall-ħelsien individwali, għażlu li jitbegħdu b’mod estrem mill-irbit soċjali ta’ qabilhom. 36

P:38

Għal ħafna pajjiżi Afrikani s-snin sittin fissru ħelsien ta’ xortoħra. Tnejn u tletin minnhom kisbu l-indipendenza mill-ħakkiema kolonjali. U mad- dinja kollha ma baqgħux biss żewġ setgħat kbar. Kien hemm l-Amerika u r-Russja, bħal qabel, li magħhom żdiedu l-blokk ta’ l-Ewropa u ċ-Ċina. FIs-snin sittin, li huma minsuġin ukoll mal-ġrajja ta’ Malta, il-bniedem saħansitra niżel fuq il-qamar. Niesna, li matul is-sekli għaddew minn ħakma għal oħra, u li tqabdu, issieltu u ċarċru demmhom biex wirt Malta ma jinsteraqx mill-barrani, ma baqgħux lura li jirkbu huma wkoll il-mewġa tal-bidla. Kien wasal il- waqt li jisħqu biex jingħatalhom dak li kien tagħhom bi dritt. Kemm ser idumu jorbtu xortihom mal-kriżi u l-gwerra, aktar u aktar issa li l-Gvern Ingliż qatagħha li Malta mhux ser tibqa’ fil-qalba tat-taqbida fl-Ewropa f’każ ta’ gwerra oħra? Fejn ser jaqilgħu l-għajxien tagħhom dawk li sal- lum sabu mpjieg mas-Servizzi, madwar erbgħin fil-mija tal- popolazzjoni, u ħolqu dħul minn kambji barranin ta’ sittin fil-mija mit- total? It-tweġiba nstabet fl-Indipendenza ta’ Malta mir-Renju Unit, imma mhux qabel ma l-gżira għaddiet minn aktar qtigħ il-qalb, kaġun xi mindaqqiet ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Maltin stess dwar kif dan l-aħjar iseħħ. Mimli bih innifsu u jrid jiddeffes f’kollox, is-Sur Gawdenz ħareġ għall- elezzjoni tal-1962. Il-qiegħa sħanet, u deher minn kmieni li ebda wieħed miż-żewġ partiti l-kbar ma kien ser jikseb maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet. L-għadd ta’ partiti żgħar li nibtu f’din l-elezzjoni għamluha ħaġa iebsa li dan iseħħ. 37

P:39

Is-Sur Gawdenz fehem dan u ħabbel rasu kif ser idawwar il-qagħda favur tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar hu ma kellux f’rasu li jkun ta’ siwi għal min itellgħu, imma jekk jiġri dan, li jħaxxen bwietu. Għażel għalhekk li joqgħod gallerija billi niżżel ismu bħala kandidat indipendenti. F’każ li jitla’, seta’ mbagħad iġenneb ma’ min ikun fil- Gvern għal prezz li jidhirlu xieraq. Ħaseb ukoll li bħala indipendenti ma kien ser jiksirha ma’ ħadd minn tal-każin tal-banda. Imma għarralu bl-ikreh. Mhux biss baqa’ l-art, imma bilkemm ġab voti daqskemm kellu nies fuq il-kumitat. Dan tah ġewwa bis-sħiħ, u ħalef li mod jew ieħor jieħu l-ħaqq b’idejh. Weħel ma’ rasu t-tabib Saliba, li sab ruħu fil-Parlament fuq in-naħa tal-Gvern. Għaliex kellu jwaħħal f’dan, is-Sur Gawdenz biss kien jaf. Hu li hu, beda jxandar ma’ kulħadd li t-tabib Saliba sab postu ‘hemm fuq’ għax xtara ħafna voti tan-nies li kien jaqdi mill-Berġa u f’darhom. Lit-tabib Saliba dan ma niżillux u spiċċa li tella’ lis-Sur Gawdenz il-Qorti. B’denbu bejn saqajh, Gawdenz ma ġab l-ebda prova biex isaħħaħ il-qlajja’ tiegħu, u għalhekk instab ħati u weħel kemxa flus ġmielha f’danni. Agħar minn hekk, dawk ta’ madwar it-tabib, issa wkoll Membru Parlamentari, li kellhom rashom sħuna, raw fih ix-xitan. Kien għalhekk, u bil-ħidma tagħhom minn taħt, li meta ftit xhur wara tal-banda tellgħu kumitat ġdid, is-Sur Gawdenz kellu jittħabat sħiħ biex baqa’ mdendel bilkemm bħala president. Dan wasslu biex intebaħ li dal-aħħar xejn mhu jiġih żewġ. Saħansitra ix-xbieha li jara meta jħares fil-mera ma baqgħetx l-istess. Wiċċu donnu ntefaħ, il-ħarsa f’għajnejh iżżelġet, xagħru ħfief u u beda jibjad, u donnu li xi ħadd qabad lapes iswed u ħażżeż għadd ta’ rigi fuq wiċċu. 38

P:40

Hu ta’ sebat uċuħ, issa deher li lanqas dak tal-magħmudija ma ser jibqagħlu. Madankollu, m’għażilx li jċedi r-riedni. Qalbu qlielet aktar u, bħal ġurdien li jsib ruħu fir-rokna, warrab rasek li ddendel kusek miegħu, issa aktar minn qabel. Leli qajla li xejn tbiddel minn dak li kien għaddej madwaru. Iqum u jorqod l-istess bħal dejjem, mingħajr ħafna ħsibijiet għajr dak li wasal iż-żmien li jsib tfajla għal qalbu. Ma naqasx b’dankollu li meta qabad l- ewwel paga bħala għalliem u mar jordna libsa ġdida għand Valent il- ħajjât, li jgħidlu biex il-pavri tal-ġlekk u l-qliezet tal-qalziet jagħmilhomlu usa’ minn ta’ qabel. L-istess Lina u t-tul tad-dublett, li minn taħt irkobbtejha tela’ għal pulzier ‘il fuq. Imma filwaqt li Leli għażel li ma jbiddilx il-maxta ta’ xagħru, Lina ħalliet tagħha jitwal aktar u bdiet tiġbru għoli fuq il- qolliegħa ta’ rasha. Iż-żgħażagħ ‘ta’ l-isqaq’, ma’ l-għajat u l-frattarija tas-soltu żiedu li joħorġu aktar fit-triq u b’leħen għoli jħanxru l-aħħar kanzunetti rock ‘n roll, il-ġuvintur b’nokklu daqsiex fuq moħħhom u t-tfajliet b’għajnhom barra. Fir-raħal, wara l-inkwiet li kien reġa’ nqala’ fl-erbgħinijiet biex id- drittijiet u l-ġustapatronati tal-kolleġġjata jibqgħu li kienu, u li wassal biex f’Jannar 1949 il-bibien prinċipali tal-kolleġġjata ġew imbarrati bil- ġebel, kollox ġie lura għal li kien. Id-drittijiet baqgħu fil-qalba tagħhom bla mittiefsa u l-Kolleġġjata tgħolliet għad-dinjita’ ta’ bażilka. Imqanqla 39

P:41

minn dir-rebħa, il-karkariżi nxteħtu b’ruħhom u ġisimhom wara x- xogħol ta’ tisbiħ fil-knisja parrokkjali. Hekk il-ħajja tal-bniedem – nisġa ta’ mħabba u mibgħeda, li għalkemm ma joqgħodux flimkien, l-istess bħalma n-nar u l-ilma, fil-ġlieda tagħhom biex jeqirdu waħda ‘l oħra jissaħħu u jiżdiedu t-tnejn li huma. 40

P:42

7. Mit-tieqa ta’ kamarti nista’ nara x-xemx għaddejja. Min tiela’ u nieżel mit-triq, min tfaċċa minn wara l-bieb ta’ barra, min ittawwal ‘l isfel miċ-ċinta tal-bejt, min daħal jixtri għand tal-laħam, min mar jiġbor turtiera patata jew imqarrun il-forn mingħand il-furnar, min waqaf jitkellem ma’ min, u min ħiereġ jew dieħel fl-isqaq. Ftit ilu, rajt lil Dun Karm għaddej iħaffef b’idejh marbuta jħaddnu xi ħaġa fuq sidru, fi triqtu ‘l ġewwa fl-isqaq. Wara sirt naf mingħand Karla s-seftura li mar jagħti l-aħħar griżma lil Nenò t-tallâb. Min sejjaħlu m’għarrfux li Nenò kien ilu mejjet minn xi jumejn qabel. Karla qaltli wkoll li fil-kamra żgħira u mħarbta, parti minn kerrejja, fejn kien joqgħod, il-pulizija sabet ħafna flus. Kif Karla kienet saret taf b’dan kollu tifhem biss ir-ruħ. Naf li Karla tħobb isseksek u tilħaq salib in- nies, imma qatt ma stmerrejt nismagħha u nsir naf jien wkoll x’qed jiġri fil-bqija tad-dinja. Illum sebħet ġurnata maltemp. Mal-lejl, ir-riħ nefaħ bil-qawwa u sriep ta’ sajjetti faqqgħu f’wiċċ sema mudlam. Sa ma wasal filgħaxija, ir-riħ kien naqqas, ix-xemx reġgħet ittawwlet minn bejn l-isħab, u l-gliegel ta’ ilma għaddejja tul it-triq ikaxkru kulma jsibu quddiemhom nixfu tista’ tgħid għal kollox. Fl-istennija li jsir il-ħin ta’ l-ikel, warrabt il-ktieb li kont qed naqra u xrift fit-tieqa niġbed f’sidri ma’ kull nifs l-arja friska maħsula mix-xita. Għalkemm kien għadu ma dalamx, in-nies inġabret ġewwa aktar kmieni mis-soltu, beżgħana li jerġa’ lura l-maltemp. Taħti, it-triq kienet 41

P:43

baħħ, u għadda ftit tal-ħin sa ma tfaċċa ma nafx x’jismu l-bajjâd fuq il- karettun miġbud minn ħmara fi triqtu lura mix-xogħol. Jekk illum ma kellux x’jagħmel fuq ġewwa, ħsibt, il-ġurnata ma qalagħhiex. Imma qalagħha jew ma qalagħhiex x’biċċa tiegħi? Fit-tweġiba għal din il- mistoqsija għaraft li lil dan, li lanqas biss naf x’jismu, minn dejjem kelli grazzja miegħu mill-bogħod. Hekk magħmula jien – ma’ l-ewwel daqqa t’għajn naqtagħha min jinżilli jew ma jinżillix. Ara dak Fredu li ħalla ‘l ommu waħedha wrajh u telaq lejn l-Awstralja, lil dak qatt ma niżżiltu. Meta kien għad għandi xi tlittax-il sena, qbadtu aktar minn darba jixħet ħarstu lejja waqt il- quddiesa, hu fl-ewwel filliera quddiem il-kappella tas-sagrament u jien fit-tieni waħda fil-korsija quddiem l-artal maġġur. Meta noħorġu mill- knisja kont niġri lura lejn id-dar li ma jmurx iwaqqafni. Dwar dan Fredu, Karla kienet qaltli li ħadd ma kien jaf min hu missieru. Ommu kienet waħda mir-raħal, li għal xi żmien għibet mix-xena biex imbagħad reġgħet tfaċċat b’tifel għadu kemm telaq jimxi ma’ djulha. Lura lejn it-triq ta’ taħti, min-naħa tal-lemin issa stajt nara riesqa ‘l tal- Mużew. Min jaf kellhiex tfal għal-lezzjoni llum? Iva jew le, xorta waħda ma tkunx qagħdet b’idejha fuq żaqqha, l-aktar issa li kien qed joqrob il-Milied u riedet tlesti rigal maħdum bl-idejn għal kull tifla fil- klassi tad-duttrina. Min jaf jien stess x’ser naqla’ għall-Milied? Mingħand missieri u ommi, li sentejn wara li ġejt noqgħod maz-zijiet marru joqgħodu f’dar akbar fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, ma nistenniex wisq. Kważi nsewni għal kollox. Iz-zija Imelda, bil-kontra tagħhom, kienet tfissidni żżejjed. 42

P:44

Mingħandha nistenna rigal sabiħ, u b’pika magħha, wieħed li jqum aktar flus mingħand iz-ziju. Mhux għax ta’ dan ser ngħożżu aktar. Iz-ziju wkoll kien jagħmel ħiltu kollha biex jurini kemm iħobbni, imma dejjem ħassejt li mħabbtu mhux ħierġa mill-qalb. Kien hemm ċertu guffaġni fiha li lili tħallini bierda. Kien hemm ukoll li qatt ma ħfirthielu kif iġib ruħu maz-zija, donnu li ma tgħix taħt l-istess saqaf miegħu. U għajni dejjem għokritni minnu li jżomm kollox mistur, ħabi waħdu. Fl- istudju tiegħu lanqas is-seftura ma titħalla tidħol jekk ma jkunx hemm hu. Darba meta kont għadni daqsxejn ta’ tifla sibt il-bieb ta’ l-istudju mbexxaq u kont pronta ħadt xi karti u lapes biex inpinġi fuqhom, minn fuq l-iskrivanija. Jien u ħierġa, fil-bieb dħalt fiz-ziju li ħa tmasħina ta’ barra minn hawn, b’qilla ta’ nar ħiereġ minn għajnejh. Minn dak inhar ‘l hawn tgħallimt ma nersaqx lejn l-istudju taz-ziju. Kif lanqas f’kamartu. Għal-lejla kien jidher li t-triq ma kellha xejn aktar x’tgħidli, u kont tawwalt idejja biex nagħlaq il-persjani, meta minn tarf l-isqaq nilmaħ ħiereġ żagħżugħ ta’ mpari. Lil dan kont rajtu drabi oħra dieħel u ħiereġ mill-isqaq, imma qatt qabel ma laqatni daqshekk xort’oħra minn oħrajn ġirien tiegħu, ċorma minnhom tajbin biss biex jiġġerrew mat-toroq u jlaqqtu l-ħajja mill-aħjar li jistgħu. Liebes pulit, bi ġlekk u ngravata fuq qmis b’għonq illamtat, xagħar qastni mifruq fuq in-naħa tax-xellug u miżmum f’postu bil-brillantina, u żarbun f’saqajh li dehrli jleqq mill-bogħod, għajnejh ma qalagħhomx mill-art sa ma qasam it-triq u mexa lejn il-bieb tad-dar tagħna. 43

P:45

Qalbi ħabbtet aktar mgħaġġla meta ntbaħt li kien ġej għandna. F’leħħa t’għajn, għalaqt it-tieqa u ġrejt ‘l isfel li kien għoddni tgerbibt it-taraġ biex inkun jien li niftaħlu l-bieb. Lanqas laħaq ħabbat li m’għamiltx dan. Mad-dehra tiegħu mit-tieqa issa stajt inżied il-ħarsa f’għajnejh żoroq ileqqu fi tbissima li tisraq il-qlub, dik tiegħi ta’ lanqas. Ħarsietna ltaqgħu u waqqfu ‘l qlubna għal ftit waqtiet dewwiema li matulhom ħadd minna ma fetaħ ħalqu. Ħassejt wiċċi jsir ġamra nar meta ġejt f’tiegħi u ntbaħt li kont ħallejtu wieqaf fuq l-għatba mingħajr ma daħħaltu ġewwa. “Ġejt nara n-nutar”, qalli sa fl-aħħar. Qabel stajt inwieġbu, leħen żorr minn warajha staqsa, “Min hemm?” Kien iz-ziju li f’żewġ passi kien fuqna, qatgħalna kliemna qasir, u qabad liż-żagħżugħ minn driegħu u daħħlu jiġri fl-istudju. Imma mhux qabel ma ż-żagħżugħ seraq ħarsa oħra lejja, li ħassejtu jikolni b’għajnejh. “Karla! Fejn hi Karla?”, sibtni nistaqsi lili nnifsi. Karla kienet fil-kċina tħejjilna dak li minn hawn u ftit ieħor tqiegħed fuq il-mejda tal-ikel. “Karl, nista’ nistaqsik xi ħaġa?” “Għala le.” “Taf x’jismu l-guvni pulit li joqgħod fl-isqaq ta’ quddiemna?” “Tal-qatgħa tiegħu ftit issib fl-isqaq. Ikolli ngħid li għandek f’rasek it- tifel ta’ Vitor u Ġuża. X’kien qed tistaqsi?” 44

P:46

“Ġietni kurżità għalfejn ġie jara liz-ziju, dak kollu.” “Għadu miegħu?” “Issa għadni kif ftaħtlu l-bieb.” “Ħalli f’idejja.” U b’dal-kliem għadu ħiereġ minn fommha, Karla telqet li kienet qed tagħmel u mxiet lejn l-istudju taz-ziju. “Tgħidlix li ser ikollha l-kuraġġ tidħol fuqhom?”, irraġunajt miegħi nnifsi. Imma hekk kien. Bl-iskuża li tistaqsihom riedux kikkra kafè, Karla ħabbtet fuq il-bieb u ttawwlet ‘il ġewwa bil-mistoqsija ħierġa minn ħalqha. “Leli kollu kemm hu”, qaltli meta reġgħet lura fil-kċina, “Leli tifel waħdu, bilgħaqal u ta’ l-iskola. Għadu kif sab impjieg mal-Gvern tajjeb ħafna.” Din l-ewwel laqgħa ma’ Leli ma kellhiex tkun l-aħħar waħda. Ma kinitx bħaż-żiffa li kemm tmissek u tibqa’ sejra. Daħlet f’qalbi u qanqlitha b’mod li wasslitni nagħmel dak li qatt ma ħsibt li jista’ jkun. Bdejt tassew ngħix f’dinja tal-ħolm, li dehritli aktar sabiħa u fetħitli għajnejja għal ġmiel ta’ madwari li qatt qabel ma rajtu hemm. Saħansitra n-nies, dawk li naf daqskemm dawk li ma nafx, bdejt narahom aktar midħla tiegħi. L-imħabba bexxqitli l-bieb ta’ jasar li ma stkerrejtx li nduq. 45

P:47

8. Nenò t-tallâb ma kienx mir-raħal, għalkemm tistaqsi ‘l min tistaqsi kienu jgħidulek li minn dejjem jafuh fuq tarġa taz-zuntier f’misraħ il- knisja. Twieled u għix San Ġiljan sa nofs it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien tifel wieħed fil-familja. Missieru miet fi ħbit mill-ajru fl-ewwel jiem tal- gwerra, u ommu ma setgħetx ikollha ħliefu. Biex wellditu għal ftit ma ħallsitx b’ġilda. F’żogħżitu kien moħħ ir-riħ, dejjem jiġġerra barra jittanta x-xemx għaddejja. Wara l-mewt bla mistennija ta’ missieru sab ruħu mġiegħel imidd idejh biex jgħin ‘l ommu fid-dar, imma xorta waħda baqa’ jsib ħin għal barra. Nhar ta’ Sibt minnhom mar jiżfen ix-Chalet f’tas-Sliema, fejn iltaqa’ ma’ Gejta, tfajla fuq tagħha minn Birkirkara, li kienet taħdem ta’ seftura ma’ familja f’San Ġiljan. Bejniethom trabbiet ġibda li Nenò qatt qabel ma kien daq. Gejta tagħtu l-wiċċ, u f’kemm ilni ngħidlek saru midħla ta’ xulxin, ifittxu filgħaxijiet fejn jiltaqgħu biex jitgħannqu u jitbewwsu bogħod minn għajn in-nies. U, ma ngħidu xejn, bil-ħabi minn omm Neno’. Meta ddoqq is-sirena u Gejta tkun xogħol San Ġiljan, ftehmu li jużaw l- istess xelter imħaffer taħt l-art. B’hekk setgħu jgħaddu aktar ħin fil- kumpanija ta’ xulxin. U m’għaddiex ħafna żmien li ntebħu li fix-xelter setgħu wkoll jinħbew mill-kurżità tal-bqija. Moħbija taħt l-art, Nenò u Gejta kienu jtuha għall-ħela f’dagħdigħa bla rażan ta’ passjoni għamja. 46

P:48

Mhux ta’ min jistagħġeb għalhekk li m’għaddiex ħafna żmien li Gejta ħarġet tqila. Lil Nenò ma qaltlux mill-ewwel, mhux qabel ma naqset li tmur tiltaqa’ miegħu għal xi ġimgħatejn hekk li ħtieġlu saħansitra jmur ifittixha qrib fejn kienet toqgħod f’Birkirkara. “X’ser nagħmlu, Nen? Jekk ngħarraf lil tad-dar, missieri żgur li joqtolni.” “Tħabbilx rasek, niżżewġek.” “Mhux xorta rrid ngħarrafhom lil tad-dar?” “Għax ma tħallihomx fl-għama u tiġi toqgħod id-dar t’ommi?” “U ommok x’ser tgħid?” “Lil dik ħalliha f’idejja.” Ma kienx jaf biex twebbel Nenò. Lil ommu għaddew xi jiem qabel għamel kuraġġ li jgħidilha. U ħoll xagħrek u ġieb iż-żejt kif laqgħetu. “Ma missekx tistħi ġġarrab tifla għadha bilkemm taf xinhi d-dinja? Tisraq tifla minn ħdan ommha? Mnejn ġibtek biex twaqqgħali wiċċi l- art? Li missierek għadu magħna kont tagħtih kedda li toqtlu qabel il- waqt. Min jaf xinhu jitqalleb taħt it-trab. Mur obsor għalik, ja biċċa ta’ l-art!” B’denbu bejn saqajh, Nenò ġarrab fis-skiet kantaliena ta’ ċanfir li dehret li mhi ser tispiċċa qatt. Meta ommu waqfet biex tieħu n-nifs, 47

P:49

qallha li jagħraf ħtijietu, imma li Gejta ma kellhiex tort. Kien iħobbha tassew, qalilha lil ommu, u kien lest li jiżżewwiġha biex jgħatti xturu. “Mhux hekk! Malajr ħallejtha l-kobba f’moħħok, imma f’xewqtek ser tibqa’ jekk ħsibt li ser inħallik tagħmel dan biex wara jisgħob bik għomrok kollu.” “X’nagħmel għalhekk? Nixħet lil Gejta fuq it-triq?” “Dak missek ħsibtu qabel ma fattartha.” “Ma, għall-magħmul m’hemmx kunsill. Ħallini ta’ lanqas nitolbok li Gejta tiġi tgħix magħna sa ma jkollha t-tarbija. F’dil-konfużjoni tal- gwerra u biċ-ċaqliq ta’ tant nies minn raħal għal ieħor mhux ser nagħtu fil-għajn. Imbagħad jekk jgħaddi ż-żmien u nneħħi kull dubju li rrid niżżewwiġha, hekk ikun. Ma rridx nheddek, imma jekk tgħid le, tqisnix aktar f’darek. Nara fejn insib saqaf għalija u għal Gejta.” Li kellu l-ħin jaħseb f’theddida lil ommu, ma kienx joħroġ b’waħda aħjar minn din. Ommu, minkejja kollox, kellha bokka t’għajn daqsiex bih. Lilu biss kien baqgħalha u kienet toqtol biex ma jeħduhuliex. Sa tmiem dik il-ġimgħa, Gejta marret toqgħod ma’ Nenò u ommu. Lil tad-dar qaltilhom biss li s-sinjura li kienet taħdem magħha riditha tmur tgħix f’darha għal ftit ġimgħat. Meta ‘l binthom ma rawhiex lura għal xi xahar u marru jistaqsu għaliha lis-sinjura, din għarrfithom li Gejta kien ilha ħafna ma tersaq lejn darha u li kienet impjegat seftura oħra minflokha. B’Gejta issa ma tarax barra, staqsew kemm staqsew għaliha ommha u missierha, ħadd ma seta’ jagħtihom ħjiel fejn tinsab. 48

P:50

Xahar wara xahar gerrbu d-disgħa li huma u t-tarbija waslet biex titwieled. It-twelid sar id-dar bl-għajnuna ta’ qabla barra mir-raħal. Kellhom tifel u omm Nenò ma ħallitilhomx għażla ħlief li jsemmuh Alfred għal missierha. Kien b’dan l-isem li Nenò rreġistra t-twelid t’ibnu, f’ismu u f’isem Gejta, fl-għassa tal-pulizija. Imma sejjħulu Fredu minn meta bexxaq għajnejh għall-ewwel darba. Kliem fuq żwieġ xejn, mhux għax naqas minn Nenò. Imma kull darba li jiftaħ fommu biex iqajjem is-suġġett, ommu dejjem kienet pronta ddawwar il-kliem fuq xi ħaġa oħra. Ma damux ma fehmu li jekk jaslu biex jiżżewwġu ser jagħmlu hekk mingħajr il-barka t’ommu. Nenò min- naħa tiegħu ma kellu l-ebda ħerqa li jħalli ‘l ommu waħedha u lagħabha tal-għama kull meta Gejta tarrfitlu li ma setgħetx tibqa’ għaddejja f’dil-ħajja, b’ommu l-kmand u s-sid ta’ kollox. F’idejha saħansitra l-jedd x’tilbes u tixrob it-tarbija. Il-jum sebaħ mgħajjeb. Is-sħab tiela’ jiksi s-sema ftit ftit. Sħab mgħobbi. Għall-ewwel fil-bogħod, imma ma damx ma dallam San Ġiljan u l-inħawi ta’ madwar. Beda jonfoħ riħ qawwi u miegħu waslet ix-xita li bdiet nieżla bil-qliel. Kulħadd imgezzez f’daru, kif l-istess Gejta b’binha li kien għadu kemm telaq jimxi, rieqed mistrieħ bejn dirgħajha. Il-maltemp ta’ barra kien jixbaħ dak li kienet qed tħoss f’qalbha Gejta, infern ta’ rabja u dwejjaq li ġabet fuqha b’idejha. Illum kien wasal il- waqt li taqta’ ż-żarda. Nenò ħtieġlu jagħżel bejnha u bejn ommu. Mitlub jagħmel dan, Nenò talabha aktar ħin biex jaħsibha, imma hi għalqitlu l-bieb tal-kamra f’wiċċu u ma ħarġitx minn hemm qabel l- għada, meta l-maltemp kien għadda u sebaħ jum bnazzi. 49

P:51

F’id waħda binha ġġebbdu warajha u fl-oħra mħadda mimlija bil- bżonnijiet l-aktar meħtieġa, erħitilha lejn Mrabat, mnejn qabdet tal- linja għal Birkirkara. Nenò ma damx ma sogħob bih. Imma issa kien tard wisq. Gejta ma riditx taf aktar bih, lanqas wara li qallha li ħalla d-dar t’ommu u li din xeħtitu barra bil-ħwejjeġ ta’ fuqu biss. Biex ikun qrib tagħha u ta’ ibnu Fredu, li ma kienx imħolli jarah, irnexxielu jdaħħal rasu taħt saqaf f’kamra fi sqaq ġewwa Birkirkara, f’kerrejja ser taqa’, għal ħlas ta’ lira fis-sena minquxa mill-ftit soldi li n- nies bdiet tixħetlu fil-berritta mixħuta ħdejn riġlejh meta jintasab bilqegħda fuq it-taraġ taz-zuntier tal-knisja. Minkejja li kien għadu fl- aħjar tiegħu, ma damx ma għotor sew. In-nies issa bdiet tarah miexi bil-pass ta’ bniedem għajjien wara mixja twila, sieq waħda tkaxkar wara l-oħra, ġismu milwi nitfa ‘l quddiem. Dan ġabilhom aktar ħniena minnu u ma damx li beda jsib kemm żaqqu kif ukoll bwietu mimlija b’li jgħaddulu. Meta ommu għalqet għajnejha, il-kappillan ta’ San Ġiljan fittxu biex jgħarrfu li fuq is-sodda tal-mewt sogħob biha li kienet ċaħditu hekk krudelment . Biex b’xi mod tpattilu ta’ dan, ħallietlu l-flus li kellha mġemmgħin. 50

P:52

9. Fl-istudju tan-Nutar Gawdenz, Leli sab ruħu mbarazzat mill- waqt li rifes ‘il ġewwa mill-bieb. Ħarstu mxiet minn rokna għall-oħra tal-kamra mistagħġba b’dak li rat. Panewijiet u vetrini tal-kewba mill- art sas-saqaf jiksu l-erba’ ħitan. Volumi ta’ kotba f’qafas tal-ġilda jimlew kull xkaffa. Ftakar kemm minn dejjem xtaq li jkollu studju tiegħu. Li s’issa kellu jitqanna bid-daqsxejn ta’ mejda fil-kamra tas-sodda, li fost ħafna ħtiġijiet oħra kienet taqdih ta’ skrivanija. Mhux sewwa, ħaseb, li min mejjet għal qatra u min jgħum fil-baħar. Gawdenz donnu li qralu moħħu u ħallieh għal ftit waqtiet jaħtaf dan kollu ġo fih. Imbagħad stiednu biex joqgħod bilqegħda. “Anzi”, żied jgħidlu, “ħu s-siġġu ta’ l-iskrivanija tiegħi.” “Ma tarax, manifk! Dak imiss lilek.” Għoġbu s-Sur Gawdenz li Leli sejjaħlu bit-titlu ta’ “manifk”. Kien kburi bih dan it-titlu u, minfuħ kif kien bih innifsu, dejjem ħass li kienet ħasra li lilu ħafna nsew kif għandhom jindirizzawh. “Billi toqgħod darba bilqegħda fuqu ma jfissirx li ser tieħdu d-dar miegħek. Isma’ minni, oqgħod fejn għidtlek.” Leli ma ngħatax għażla, u qagħad fuq is-siġġu li qallu n-nutar. Dan ukoll kien tal-kewkba u miksi bil-ġilda, l-istess bħalma wiċċ l-iskrivanija ta’ 51

P:53

daqs immens li seta’ jifli aħjar hekk kif qagħad bilqegħda. Fuqha pinen, klamari u taljakarti tal-fidda wara kartaxuga kkuttunata b’ġilda fina. Tal-fidda wkoll, gwarniċ b’ritratt fih tat-tfajla li laqgħetu fil-bieb ta’ barra; u, qrib fejn isserraħ id in-nutar fuq l-iskrivanija, kaxxa ta’ l- irmied. U kemm wieħed itawwal idejh u jerfgħu minn bilqegħda wara l-iskrivanija kien hemm it-telefon fuq tavolina. “Nifhem li fil-post tax-xogħol il-ġdid tawk skrivanija li tixraqlek?” “M’għandix xi ngerger. Xejn speċjali, imma taqdini.” “Kuntent li ġejt tarani. Xieraq li jiena wkoll nifraħlek għall-kariga l- ġdida.” “Grazzi.” “Lanqas li stajt nagħmel. Tajjeb li jkollna ħafna aktar bħalek mir-raħal li jfittxu li javanzaw il-karriera tagħhom. M’għandna xejn anqas minn tal- ibliet, imma t-talenti jeħtieġ li noħorġuhom fil-beraħ.” “Modestament, ma nħossx li għamilt xi ħaġa kbira.” “Naqbel miegħek, imma nittama li dan kien biss il-bidu ta’ pjanijiet akbar li għandek?” “Għadu frisk biex ngħid.” Matul din id-diskursata, Gawdenz baqa’ bilwieqfa jdur min-naħa għall- oħra ta’ l-iskrivanija mingħajr ma jaqla’ ħarstu minn fuq Leli, li ma ħassux komdu b’dan. Kemm-il darba ta x’jifhem lin-nutar li hu wkoll ser iqum minn bilqegħda, imma kull darba ntalab biex jibqa’ fejn kien. 52

P:54

“Iddumx taħsibha għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar issibha bi tqila. Ma titħajjarx taqbad kors universitarju?” “Mhux jekk insib li nista’ navanza fil-karriera li qbadt mingħajr ma nagħmel hekk.” “Tkunx ħmar. Il-karigi ta’ stoffa fis-Servizz Pubbliku normalment ma jaslux qabel wieħed ikun wasal biex jirtira.” “Kif għidtlek, jekk insibha tqila li navanza għandi mnejn li nerġa’ nħares lejn l-Università.” “Lest biex nagħtik kull għajnuna li nista’ biex tagħmel dan. Ngħodd ħafna ħbieb influwenti li jkunu jistgħu jagħtuk daqqa t’id.” “Grazzi tal-ħsieb, imma jekk naqbad dik it-triq nixtieq li nasal b’ħilti.” “L-offerta fuq il-mejda. Imiss lilek taċċettahiex jew le. Għax ma tgħidlix aktar fuq ix-xogħol il-ġdid tiegħek?” Gawdenz għamel din il-mistoqsija meta kellu t-tagħrif kollu minn qabel. Il-ħafna kliem ta’ qabel kien maħsub biex irattab lil Leli għal li kien ġej bih minn issa ‘l quddiem. Qajla kien jinteressah jekk Leli javanzax jew le fil-karriera, jew jekk jieħux kors universitarju. Leli xorta baqa’ meqjus fi kliemu, imma ma ra xejn ħażin li jgħarraf lin- nutar bil-posizzjoni tiegħu fid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. “Tajjeb! Fil-professjoni tiegħi jkolli x’naqsam spiss mad-dipartiment tagħkom. Tieħux għalik, fl-aħħar mill-aħħar int għadek tibda, imma mhux dejjem sibtkom effiċjenti.” 53

P:55

“Wieħed jagħmel li jista’.” “Mhux li kien. Ilni s-snin nitħabat biex nieħu flusi ta’ art li l-Gvern ħadli biex jgħaddi triq fit-tarf tan-Naxxar.” “Kmieni biex ngħaddi ġudizzju, imma nifhem li każi bħal dawn jieħdu fit-tul.” “Fit-tul ingħid! Għaliex għandu jkun hekk?” “Ma nafx ngħidlek.” “Ma taħsibx li fil-posizzjoni tiegħek tista’ tgħaddili kelma?” “L-affarijiet ma jsirux hekk, Sur Nutar. Kulħadd meta jmissu.” “U ejja! Mela qed tgħix f’dinja oħra? Ma tafx x’jgħidu dwar ħabib fis- suq?” “Kulħadd meta jmissu, jgħid qaddisi.” “Mhux nitolbok xi ħaġa kbira, sempliċement li taqla’ l-fajl tiegħi mnejn jinsab u tqegħdu fil-wiċċ forsi neħelsuha darba għal dejjem.” “Ma nwiegħedekx li nista’ nagħmel dan.” Leli, li issa fehem għaliex in-nutar riedu jmur jarah, qam b’sabta minn bilqegħda u mexa lejn il-bieb tal-istudju. “Saħħa, Sur Nutar u grazzi tal-ħsieb.” “Ħaġa żgħira. Agħmel rasek fejn issibha u tinsiex x’wiegħedtni.” 54

P:56

X’tustaġini ta’ bniedem li jqiegħed f’ħalqek kliem li qala’ minn żniedu! Mill-ġdid fit-triq, Leli ħa nifs kbir ‘il ġewwa. L-arja fl-istudju ħassha toħonqu u straħ li reġa’ għall-beraħ. Biex iħossu aktar ħieles, refa’ dirgħajh miftuħin ‘il fuq u tmattar sa ma sema’ l-għadam ifaqqa’. It- triq kienet baħħ, u għalhekk ma kellux għalfejn iħabbel rasu li ser iħammar wiċċu ma’ xi ħadd. Imma għarralu. Minn wara l-persjani tat- tieqa, Lina kienet qed tistennih ħiereġ, xenqana li tarah għal darboħra. Donnu li ġie x’jgħidlu b’dan. Kif qasam għan-naħa l-oħra tat-triq, waqaf u ta titwila lejn id-dar tan-nutar. Meta refa’ ħarstu ‘l fuq, dehrlu li mit-tieqa ta’ fuq l-istudju xi ħadd xejjirlu. Min kien jew kienet għib f’ħakka t’għajn. Tgħid kien qiegħed jimmaġina? 55

P:57

10. Pawlu kien jinsab f’kamartu taħt tieqa li tagħti għal fuq il- ġnien. Il-jum kien wasal biex inin, imma għalkemm kien Novembru, is- sajf ta’ San Martin żamm ix-xemx fis-sema għal ħin itwal. Mit-tieqa kienet dieħla żiffa ħelwa, li mat-tfesfis ta’ l-għasafar fis-siġar tal-ġnien, bħal ġabet lura r-rebbiegħa. Min ħin għal ħin, Pawlu sab ruħu jqum minn bilqegħda u jtawwal rasu mit-tieqa għal barra. Għalkemm kien naqsu d-dawl t’għajnejh, id- dehra fuq il-liżar ta’ moħħu kienet waħda ħajja fil-ġmiel kollu tagħha, mil-lumi u l-larinġ imdendel f’għenieqed fis-siġar sal-weraq jiksu l-art mill-kesħa tal-istaġun li riesaq. Min-nemel bieżla jġorru l-ħażna ta’ l- ikel għax-xitwa f’toqob taħt l-art, sal-gremxul jitkaxkar u mserdaq jerfa’ rasu ma’ kull ħoss. Mill-għakiesi tas-siġriet imneżża’ sal-għasafar hienja jġorru ir-rix, ħuxlief u weraq biex jinsġu l-bejta. Min-naħal isoffu bla heda l-għasel minn ġuf il-fjuri sax-xemx fietla tmelles kulma ssib fi triqtha. Dalwaqt kien sar ħin l-ikel. Pawlu ma ħtiġlux arloġġ. Lanqas it-tokki ta’ l-arloġġ tal-knisja jdoqqu s-siegħa ma kellu bżonn biex ikun jaf x’ħin sar. U qatt ma jmur żmerċ b’aktar minn ftit minuti. Kien jaf jasal waħdu kieku ried sal-kamra tal-ikel, l-istess kif kien isib fejn hi il-kamra tal-banju, u t-taraġ. Ma kienx jitilgħu u jinżlu ta’ sikwit, imma meta jkun hemm bżonn kien jasal sa fuq waħdu. L-arja friska dieħla mit-tieqa kienet fetħitlu l-aptit u żaqqu bdiet tgorr bil-ġugħ, imma xorta għażel li ma jiċċaqlaqx mnejn kien sa ma tiġi 56

P:58

għalih Imelda. Kien jistenna bil-ħerqa li flimkien, id f’id, twasslu sal- kamra tal-ikel u tqegħdu fuq siġġu qrib tagħha. L-irfigħ minn minkbejh f’idejha rotob hi u tgħinu jsib fejn sejjer kien bħal żegħil għal qalbu, l- istess bħalma nifisha fil-qrib jintiseġ f’bews. U kull kelma li toħroġ minn fommha f’għana tal-anġli. Kien jgħix għal waqtiet bħal dawn Pawlu u sa ma jtulu bħallikieku kien il-ġenna. Kien jonqsu kollox li mingħajr id-dawl t’għajnejh ma setax jgħix ħajja normali, u kien jimbaram qabel il-waqt li m’għarafx joħloq dinja oħra għalih. Imma għax għaraf kif juża s-sensi l-oħra biex ipatti għan-nuqqas tad-dawl t’għajnejh, wasal biex jonqsu ftit li xejn. Ukoll jekk bħal kull ħaddieħor mistrieħ il-moħħ filli hawn u filli hemm. Seta’ kien xort’oħra u għandu mnejn li f’moħħ xi ħadd kien maħsub li jkun xort’oħra. Dan kien li jkeddu meta jmut kull ħoss madwaru, u b’ħadd maġenbu jsib ruħu jitħasseb fuq l-inċident li kellu snin ilu. Iżżerżqet waħedha l- ġebla li laqtitu fuq rasu meta xxabbat mar-rdum f’Ħad-Dingli biex iġib lura l-kappell li r-riħ kien tajjar minn ras is-Sur Gawdenz? Malta kbira tant, għaliex kellhom jagħżlu dan l-imkien fejn jekk tħares ‘l isfel jagħtik il-mejt? Għalfejn minkejja dan resqu qrib xifer l-irdum? X’kien li ntalab isuq lejn dan il-post u mhux x’imkien ieħor f’temp imqalleb bħal dak? Kellha x’taqsam ma’ li ġara t-tmasħina li ħa s-Sur Gawdenz il-ġurnata ta’ qabel, magħluq f’kamra ma’ martu? Għaliex la hi u lanqas min semagħhom jitlewmu qatt ma qalulu x’kien li baqbaq lin-nutar? 57

P:59

U għaliex n-nutar kien daqshekk pront jistqarr li ser iżommu f’daru u jidħol għal kull dmir li jieħu ħsiebu meta ssemma li seta’ kien hemm ħtieġa ta’ aktar stħarriġ dwar l-inċident? Biex jagħlaq ħalq kulħadd, tiegħu ukoll, li fil-qagħda li sab ruħu fiha ma kellux għażla ħlief li jaċċetta? Il-lejla Imelda ddawwret li tiġi għalih. Kien għoddu wasal biex iqum u jmur waħdu fuq il-mejda tal-ikel meta sema’ lil xi ħadd riesaq, li ma damx m’għaraf li kienet Lina. “X’ġara miz-zija?”, staqsiha qabel ma fetħet fommha. “Xejn speċjali. Wara nofsinhar imteddet ftit u meta ġiet biex tqum ħassitha sturduta. Is-soltu attakk ta’ emikranja għandi għax naħseb.” Ma’ Lina wkoll kien jinġieb ħafna. Qatt ma raha bid-dawl t’għajnejh, li tilfu qabel ma hi ġiet toqgħod maz-zijiet. B’dankollu, fehem li kienet tfalja sabiħa u bil-għaqal minn ċkunitha. Ftit wara li ġiet toqgħod taħt l-istess saqaf, beda ta’ spiss iħossha riesqa lejn kamartu u tieqaf tittawwallu minn wara l-bieb tal-kamra. Min jaf x’kurżità qajjem fiha, daqsxejn ta’ tifla, tarah dejjem waħdu, idawwar rasu minn hemm għal hawn biex ma jaħrablu l-ebda ħoss, u jfittex b’idejh mifruxin quddiemu sa ma jsib dak li jrid, saħansitra fejn miexi. U jżomm ma’ kull ħaġa fi triqtu biex ma jidħolx fiha jew ma jaqlibhiex. Tgħid kienet tibża’ minnu? Biex isib tweġiba għal din il-mistoqsija, fl- aħħar qatagħha li ma jħallihiex aktar tieqaf sal-bieb. “Lina le? Ersaq hawn ħdejja, ħanini.” 58

P:60

Inkiss inkiss Lina resqet maġenbu u mnifsejh imtlew b’nifs ta’ ħajja għadha friska. “Jiena Pawlu, imma tista’ ssejjaħli nannu jekk trid.” Lina ma kinitx żgura Pawlu kienx ta’ veru jew le. Xi mindaqqiet stħajlitu biss xi fantasija ta’ moħħha. Mistħija, tawwlet idha l-leminija u qegħditha fuq tiegħu. “Tara! Pawlu tad-demm u l-laħam, għalkemm ma jarax. Kellek skola llum?” Ħin bla waqt, il-ħajt li kien jifridhom iġġarraf darba għal dejjem. Minn dak inhar ‘il quddiem Lina bdiet tmur aktar ta’ spiss qrib in-nannu. Mhux aktar b’fommha sieket, u ħerqana tfaqqa’ d-daħk għal kull ħlieqa li joħroġ biha Pawlu. Meta mhux ukoll taqbeż f’ħoġru u, b’idejha t-tnejn f’xagħru, tħabbel kull sufa li kellu f’rasu. U tidħak bla rażan sa ma tgħejja. Għal Pawlu d-daħka tagħha kienet tifred bħar-raġġi tax-xemx id-dalma t’għajnejh bla dawl. Kien jgħannaqha miegħu u jmelles xagħrha twil, lixx u jiżloq bħas-satin. Meta ma tkunx ħdejh kien ta’ spiss isib lilu nnifsu jaħseb xi stejjer ser jgħidilha meta tiġi tarah. U hi min-naħa tagħha taqralu mill-kotba ta’ l- iskola dak li jkun għadha kif tkun tgħallmet, jekk mhux ukoll iżżommlu jdejh biex imexxi l-lapes fuq il-pitazz li tkun ġabet magħha ħalli ‘tgħallmu jikteb”! U tilgħab f’kamartu b’kull ġugarell li taqla’. 59

P:61

Issa li tfarfret, dawn il-ġranet tar-rebbiegħa kienu biss tifkira fil-ktieb ta’ ġrajjietu. Mhux għax warrbitu minn ħajjitha. Baqgħet iżżuru f’kamartu ta’ spiss, u tgħaddi l-ħin titkellem miegħu. Ta’ kultant kienet ukoll twasslu sa ħdejn il-pjanu biex issemmgħu xi biċċa ġdida li tkun tgħallmet għand is-sorijiet. Din ix-xorta ta’ mużika ma kinitx tal-widna daqs dik li ttambar f’widnejh kull meta jixgħel ir-Rediffusion li kellu f’kamartu. Maż-żmien, b’dankollu, bla ma jaf xinhu melodiku, liriku jew armonjuż, beda jidraha u bdiet tinżillu ħlejju, aktar u aktar li ħierġa minn subgħajn Lina, li ħabb b’qalbu kollha. Qatt ma staqsietu dwar l-imgħoddi tiegħu u hu, bil-biza’ li l-kliem jaqa’ fuq hekk, għażel li lilha wkoll ma jsemmilha xejn fuq il-familja tagħha. Bħallikieku ġrajjiethom bdiet minn meta ltaqgħu taħt saqaf wieħed fid- dar tan-nutar. “Iz-ziju ser ikun magħna għall-ikel?”, staqsieha kif ħarġu minn kamartu. “M’għandix nifhem li le, għalkemm smajtu jgħid liz-zija qabel telgħet tistrieħ li l-lejla ħtieġlu joħroġ fuq xi xogħol.” “Kont naħseb li xogħlu biss minn wara l-iskrivanija.” “Ara li ma tiftaħx ħalqek quddiemu fuq hekk, Pawl. Taf kemm ma jħobbx min jilħaqlu salibu dak. Xbajt narah jieħu saħna f’dagħdigħa għal kull ħaġa ta’ xejn. Dejjem qiesu bużżieqa ser tinfaqa’. Issa aktar u aktar li jidher li dar għall-flixkun.” Meta waslu fuq il-mejda ta’ l-ikel kien għadhom waħedhom, imma z- ziju ma damx ma wasal ukoll. Karla ressqitilhom il-platti li ħejjiet għal 60

P:62

dak inhar u kielu t-tlieta li huma mingħajr ma lissnu kelma, lanqas meta z-ziju qam u telaq lejn il-bieb ta’ barra. 61

P:63

11. Is-Sibt wasal u Vitor u Leli bakkru jmorru għand in-nutar biex jiżbrulu s-siġar. Leli dendel geddumu sal-art meta missieru staqsih biex imur jgħinu f’din il-qadja. Imma malajr biddel fehmtu wara li ġie wiċċ imb’wiċċ mat-‘tifla tan-Nutar’ l-ewwel darba li żar lis-Sur Gawdenz. Ħerqan li jsib kif ser jerġa’ jaraha, ġietu x-xoqqa f’moxtha li missieru talbu jmur miegħu fid-dar fejn kienet toqgħod. Din id-darba ma kinitx dik ta’ xewqtu li fetħitilhom il-bieb, imma dik li Leli fehem mill-ewwel li kienet is-seftura. U baqgħu deħlin dritt lejn il- ġnien faċċata tal-bieb ta’ barra, Vitor b’sellum li ġab miegħu mid-dar, u Leli b’barmil tal-landa b’xi għodda fih f’id waħda u għadd ta’ xkejjer vojta fl-oħra. Ma kien hemm ħadd ieħor biex jilqagħhom għajr in- Nutar, li stennihom fil-ġnien, liebes għall-ħarġa. “Ser ikolli nħalli f’idejk, Vitor, għaliex dalgħodu għandi bżonn immur saż-Żebbiegħ. L-aħħar xita li għamlet waqqgħet xi ħitan tas-sejjieħ fl- għalqa li għandi hemm u ser immur niltaqa’ ma’ wieħed tal-post biex niftehmu fuq it-tiswija. Int taf x’teħtieġ tagħmel hawn, u m’għandekx bżonni ma’ saqajk.” “Agħmel dak li jeħtieġlek, Sinjur. Tiħux ħsiebna. Nafu xi rridu nagħmlu. ‘Kk Alla jrid, sa nofsinhar nillestu.” Lil Vitor niżlitlu tajjeb li ma jkollux lin-Nutar ma’ saqajh, imma aktar u aktar lil Leli, li beda jberren f’moħħu kif ser juża l-okkażjoni biex isir jaf 62

P:64

aktar dwar dik ta’ xewqtu. Waqt li missieru midd għonqu għax-xogħol li ħtieġ li jsir bi ħrara liema bħalha, Leli kien f’dinja oħra. “Moħħok hemm, Lel. Żommli ftit is-sellum li ma mmurx naqa’ waqt li nħaffef ras dis-siġra. Wara tista’ tiżbor il-parti t’isfel.” M’għaddiex wisq ħin li dik li fetħitilhom il-bieb x’ħin waslu ġiet tistaqsihom riedux xi ħaġa x’jixorbu. “Toqgħodx tiskomoda ruħek”, weġibha Vitor. Leli, min-naħa tiegħu, qallha li jkun jafulha li ġġiblu tazza tè bil-ħalib u ftit zokkor. “Mela kif tkun qed tagħmel waħda għalih, ma ngħidx le li nieħu tazza tè jien ukoll.” L-ajru sebaħ xi ftit mgħajjeb, imma ma kien hemm l-ebda xita mdendla. Ma kinitx ġurnata sħuna u dan għin biex Vitor, b’ħabta ta’ mgħallem, ix-xogħol daħallu sewwa f’kemm trodd salib. Leli, sadattant, kien il-ħin kollu jgħarrex biex jara jilmaħx xi ruħ oħra ħliefhom u s-seftura. Ma damx ma qata’ xewqtu għaliex, minflok is- seftura, it-tazza tat-tè wasslithielhom Lina. Malli lemaħha fil-bieb tal- ġnien, qalbu waqfet zopptu. Imma ġie f’tiegħu mill-ewwel u għaġġel biex imur jeħdilha t-tazzi minn idejha. Hi ma rroftatx, imma baqgħet fejn kienet saħansitra wara li Leli kien wassal lil missieru t-tazza tat-tè u ħa tiegħu f’idu. “Grazzi”, kulma għaraf ilissen. 63

P:65

“Ħaġa żgħira. Nista’ nġibilkom xi ħaġa għal mat-tè?” “Le, grazzi, kemm jien u kemm missieri ma niksrux is-sawma qabel l- ikla ta’ nofsinhar.” “Dan xogħlok ukoll?” “Le! Missieri talabni ntih daqqa t’id u m’għaraftx ngħid le, aktar w aktar għax nhar ta’ Sibt ma nersaqx lejn l-uffiċċju.” “Dehrli li kellek xogħol tal-pinna meta żort liz-ziju ftit jiem ilu, u kont jien li ftaħtlek il-bieb.” Iz-ziju! Għaliex kien qatgħha li kien missierha? Issa li sar jaf li ma kienx, aktar dehritlu sabiħa f’għajnejh. “Ħalli nħallikom bi kwietkom. Sejjaħli jekk jonqoskom xi ħaġa.” Leli sogħob bih jaraha sejra, u xejn anqas hi li xtaqet tibqa’ hemm ħdejh ħalli ssir tafu aħjar. Li ma rroftax li jgħin lil missieru għalkemm ix-xogħol tal-ġnien ma kienx xogħlu , niżlitilha tajba. Bħallikieku qed jgħidilha, “Ara kemm jien bil-għaqal.” Għaqal b’għaqal niltaqgħu, ħasbet bejnha u bejn ruħha. Tredden dan f’moħħha, kienet ser tmur lura lejn kamritha meta ftakret li Pawlu kellu tieqa li tagħti għall-ġnien. Bla sabar, reġgħet lura minn ħdejn it-taraġ għal għand Pawlu, li sabitu jongħos fuq pultruna b’kuruna li dejjem kien iżebbeġ f’idejh, rużarju u mhux. “X’għandek, Pawl, ma tiflaħx?” 64

P:66

“Le, għall-grazzja t’Alla. Imma dal-lejl ma għalaqtx għajn m’għajn, bin- ngħas itirli kull meta tkun sejra għajni bija. Naħseb li lbieraħ ġbidtha żżejjed is-siegħa mistrieħ ta’ wara nofsinhar. Int għal ġewwa llum ukoll?” “Fejn tridni mmur? Ħsibt li niġi ngħaddi ftit ħin ħdejk”, qaltlu b’nofs gidba, waqt li ħajritu jiftħu t-tieqa ħalli tidħol ftit aktar arja fil-kamra. It-tieqa fetħitha qabel ma weġibha Pawlu. “Kont taf li għandna n-nies fil-ġnien, Pawl?” “Tgħidlix li daħlulna!”, qallha bi ħlieqa. “Ġew jiżbrulna s-siġar tal-larinġ u l-lumi. Il-missier mgħejjun minn ibnu. Kont naħseb li dawn is-siġar ma jeħtiġux attenzjoni.” “Sejra mqarqa. Jagħmlu frott aħjar jekk tieħu ħsiebhom.” Sadattant, Lina xirfet rasha ‘l barra minn ħoġor it-tieqa u għolliet ftit aktar leħinha biex Leli jsir jaf li qegħda hemm. Meta raha, hu xejjer fl- arja jdejh il-leminija u hi għamlet l-istess, did-darba bi tbissima fuq fommha li tisraq il-qlub. Pawlu kompla jgħarraf lil Lina li barra milli tagħtihom aktar saħħa lis- siġar, żabra tajba tagħtihom forma aħjar, l-aktar meta l-friegħi jibdew jiddendlu lejn l-art jew jirkbu fuq xulxin. Jekk dan ma tiħux ħsiebu, jistgħu jimirdu aktar malajr, aktar w aktar jekk jinstelħu z-zkuk. B’rasha mserrħa li Pawlu ma setax jara li mhix tagħti wisq każ ta’ dak li kien qed jgħidilha, Lina ma ċċaqalqitx minn ħoġor it-tieqa, b’għajnejha 65

P:67

l-ħin kollu msammrin fuq Leli. Ratu jiġbor iz-zkuk li qata’ missieru, u wara ftit, bl-iskuża li jnaddaf taħt is-siġar, ġie jiġbru f’gozz taħt it-tieqa fejn kienet hi. Mat-tielet munzell waqaf milli kien qed jagħmel, refa’ rasu ‘l fuq lejha u qalilha, “Nistħi ngħid li lanqas biss naf x’jismek. Jiena jisimni Leli.” “Lina”, weġbitu. “Lina, għadek tistudja int?” “M’ilnix li waqaft. Li kien mingħalija kont noħroġ naħdem wara li spiċċajt mill-kulleġġ, imma z-zijiet insistew li m’għandix għalfejn.” “Jien bdejt ngħallem meta spiċċajt il-Liċeo, imma ftit ilu sibt impjieg aħjar bħala Uffiċjal Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku.” “Nifraħlek. Għandi għax naħseb li kellek toqgħod għal eżami biex ilħaqt fejn ilħaqt.” “Iva, u mhux wieħed ħafif.” Kien jibqgħu sejrin b’din il-litanija li Vitor ma sejjaħx lil ibnu biex jgħinu għax kien tiela’ s-sellum biex jibda siġra oħra. Pawlu ma tilifx kelma milli qalu, imma għażel li jibqa’ sieket għax qalbu ħebritu li bejn iż-żewġ żgħażagħ kien hemm x’qed jinħema. Widnejh, b’dankollu, fetaħhom beraħ. Leħen Leli kien leħen żagħżugħ, b’timbru ta’ wieħed edukat u fl-istess ħin mhux kburi. Hekk ta’ lanqas qatagħha Pawlu, li ddeċieda dak il-ħin stess li lil daż-żagħżugħ kellu grazzja miegħu. U kif jista’ jonqos dan jekk Lina waslet għall-istess konklużjoni qablu. Li tagħmel Lina dejjem sab il-barka tiegħu. 66

P:68

Siġra wara oħra, kien sar il-ħin biex Vitor u Leli jitilqu. Minn ħoġor it- tieqa ta’ Pawlu, Lina rathom jiġbru l-għodda u jqegħdu fl-ixkejjer li ġabu magħhom il-gzuz ta’ zkuk u weraq li kienu qatgħu. Fi triqtu ‘l barra, Leli għamel qalb jistaqsi ‘l Lina meta seta’ jerġa’ jaraha. “Għada ser nisma’ tad-disgħa fil-knisja l-kbira”, weġbitu. 67

P:69

12. Id-dnub ma jorqodx. Minkejja l-ħażen u l-għebusija ta’ qalbu, Gawdenz dan kien missu ilu li fehmu. Imma hu dejjem insista li jgħatti xturu minn kull għawġ li jkun ġab fuq saqajh, u xejn aktar. Li jindem minn ħtijietu lanqas biss jgħaddilu minn moħħu. Meta Nenò għalaq għajnejh u x-xniegħa ġriet li ħalla kemxa flus sewwa warajh, webbel f’rasu li jkun jaf x’inhu għaddej. Ftakar li ftit ilu kien mar jarah is-surġent ta’ l-Għassa tal-Pulizija tar- raħal biex jiktiblu t-testment. Dan kien għadu m’għamlux, u għalhekk għaġġel bagħat għalih ħalli jlestuh mingħajr aktar dewmien. “Għamilt sew li ħsibt f’dan, Surġent. Alla jħares qatt tiġi nieqes mingħajr testment għax tgħidx f’kemm inkwiet isibu ruħhom martek u uliedek.” Waqt li ħalla lis-surġent jgħarrfu kif xtaq li jqassam ġidu wara mewtu, is-Sur Gawdenz beda bil-mod il-mod jaqleb id-diskors fuq Nenò t- tallâb, u jżewwaq kliemu b’mod li ma jħassibx ħażin lis-surġent. “Ma nafx jekk tafx li jien sid il-kera ta’ Nenò? Issa li ħalliena nixtieq li kemm jista’ jkun malajr niġbor iċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra biex inkun nista’ nikri l-kamra lil xi ħadd ieħor.” “Ma naħsibx li għandek għax iddum tistenna wisq. Il-maġistrat ta’ l- għassa ħejja r-rapport tiegħu wara li t-tabib ċċertifika li l-mewt kienet waħda naturali. Għaldaqstant, il-każ tista’ tgħid li magħluq.” 68

P:70

“U l-flus li jingħad li nstabu?” “Dawk jgħaddu lil min ħalliehom meta jirnexxilna nsibuhom. Fuq il- karta tas-siment li kienu mgeżwrin fihom kien hemm miktub ‘Ta’ Gejta u Fredu’.” “Gejta u Fredu għidt? Gejta klijenta tiegħi u għandha tifel jismu Fredu li telaqha biex mar joqgħod l-Awstralja. Nista’ jekk tixtieq nagħtik l- indirizz ta’ Gejta bil-patt li tgħinni nikseb lura ċ-ċavetta tal-bieb fejn kien joqgħod Nenò kemm jista’ jkun malajr.” Is-Surgent mill-ewwel bela’ l-lixka. U Gawdenz, li mis-surġent kien ħa dak li xtaq, malajr ħeles minnu. Għaddhietlu l-għaġġla li jfittxu jlestu t-testment, li min jaf għal kemm-il xahar ieħor ser idum jistenna fuq l-iskrivanija. Lil Gejta l-għada stenniha ħierġa mill-knisja u resaq fuqha ħin bla waqt biex talabha tmur tarah l-uffiċċju mill-aktar fis fuq ħaġa ta’ siwi kbir għaliha. “Għadek tisma’ mingħand ibnek Fredu?”, staqsiha meta marret tarah dakinhar stess. “Lanqas biss naf għadux ħaj, Sinjur. Tgħidlix li taf li ltaqa’ ma xi saram?” “Neħħiha din minn rasek. Qabel inkompli, b’dankollu, irridek taħlifli li dak li ser jingħad bejnietna ma jsir jaf bih ħadd. Jekk le, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt x’għawġ jinqagħlalek.” 69

P:71

“Issa daħħaltni fil-kurżità. Naħliflek li dak li tgħidli ma nxandru ma’ ħadd.” “Sirt naf, u tistaqsinix kif, li Nenò t-tallâb hu missier Fredu tiegħek. Minnu?” Wiċċ Gejta ħmar vampa. Kienet ħasbet li din l-istorja ngħalqet darba għal dejjem mill-waqt li nfirdet minn Nenò. X’wassal li terġa’ żżurha? In-Nutar ma stenniex tweġiba, u kompla jgħarrafha b’dak kollu li qallu s-surġent, mingħajr ma ta ħjiel kif sar jaf dan. “Issa jekk tħalli f’idejja, immexxik jien x’tagħmel.” “Imma lil Fredu kif ser ngħarrfu b’dan kollu jekk lanqas biss naf għadux ħaj. L-aħħar ittra b’aħbaru ħadtha xi sena ilu. Iz-ziju li mar joqgħod miegħu qalli li ltaqa’ ma’ waħda u ħallihom mingħajr biss xaqq dawl fejn sejjer magħha.” “Dak ħallih f’idejja. Tiddeċiedi l-Qorti. Imma int ara li kemm jista’ jkun malajr tgħarraf lill-Għassa tal-Pulizija li int tassew omm Fredu u li tixtieq li huma jgħaddu kollox f’idejn nutar. Imbagħad żerżaq ismi. Fl- aħħar mill-aħħar, int ilek tinqeda bija.” Ma kinitx ittra li kien kitbilha u li qamitilha għajxa ta’ jum! Sa ġimgħa wara, is-Sur Gawdenz ħa lura ċ-ċavetta f’idejh u ressaq rikors il-Qorti f’isem Gejta biex fl-assenza ta’ Fredu l-flus jaqgħu kollha f’idejha, wara li, m’għandniex xi ngħidu, tkun ħadet ħsiebu ta’ xogħlu. 70

P:72

13. Ir-regħba li Katrin tkun tiegħu biss wasslet biex lil Kieli serqitlu kull paċi f’qalbu. Ma sewa xejn li ta’ kull ħin kienet tfakkru li qalbha kienet tiegħu u ta’ ħadd aktar, u li ta’ bejnha u bejn in-nutar kien nar tat-tiben, li kulma jmur jintefa dejjem aktar. Ma jgħaddix wisq żmien iżjed u jkun xeba minnha, u mbagħad ma jifdal ħadd bejniethom. Imma Kieli ma kienx lest jistenna. Trabba m’ommu u missieru flimkien man-nanniet, u ħutu subien u bniet, f’daqsxejn t’għorfa ta’ sular wieħed barra l-Imġarr. Fuq il-bejt ta’ l-għorfa kienu jnixxfu l-ħarrub biex jitimgħuh lill-qżieqeż, u xi minn daqqiet kienu jorqdu hemm għall-beraħ fl-iljieli twal u sħan tas-sajf. Bejniethom ilkoll kienu jaqsmu biss erbat ikmamar, imma ħafna minn ħinhom kienu jgħadduh fl-għelieqi aktar milli taħt is-saqaf. Kieli ma kienx jiftakar żmien f’ħajtu li ma ħadimx. Ta’ tifel ċkejken, xogħlu kien li jġorr ħaġar tqal minn mogħdija għall-oħra ta’ l-ilma biex idawwar ir-rotta ta’ kull qatra prezzjuża minn għelieqi oħra lejn l- għalqa tagħhom. Fid-dar kulħadd kien jaħdem, saħansitra n-nanna Wenza, xiħa għakka u kważi għamja. Lilha kien imiss li tfekren mad-dar, ittella’ l-borma, u taqdi kif tista’. Għal Kieli u ħutu l-iskola qajla kienet teżisti. Imorru biss meta jfettillhom, jew, aħjar, meta x-xogħol tar-raba’ kien jippermetti. Dan wassal biex Kieli trabba mħarbat u b’saħħtu daqs il-qżieżeż u t-tiġieġ ta’ madwaru. Kien mibni b’saffejn, u fuq wiċċu kienet tiddi x-xemx li 71

P:73

taħtha jgħaddi ħafna minn ħinu. B’xagħar qastni u għajnejn suwed ma kellux isibha bi tqila li jġennen warajh xi tfajla. Għalissa, b’dankollu, dan kien ‘ilbogħod minn ħsiebu. Kull par idejn kienu meħtieġa, mhux lanqas tiegħu, biex iqanċtu ħajja għal-lkoll kemm huma fid-dar. Qalbu kienet marbuta mal-beraħ. Ħafi fuq xi għolja, mgħaddas sa qaddu fis-silla ħamra peprin, l-għaxqa tiegħu jara l-passa għaddejja. U wara jerħilha jiġri ‘l isfel fil-wied sa ma nifsu maqtugħ jieqaf jistrieħ fuq ħajt tas-sejjieħ u joħlom li xi darba hu wkoll ikollu l-għalqa tiegħu. Il-belt daħal darba biss m’ommu biex jixtri par żarbun u żewġt iqliezet. Il-qomos ta’ fuqu kienet tħithomlu hi, ta’ xarten abjad li kienet tixtri minn ħanut qrib il-knisja ta’ l-Imġarr. Kellu jgħaddi ftit taż-żmien qabel ma Kieli nnifsu beda jersaq lejn il-qalba ta’ dar-raħal, u meta għamel dan sab li togħġbu wkoll il-kumpanija ta’ dawk ta’ mparu madwar mejda u pinta mbid quddiemu. Darba minnhom, mistrieħa ma’ ħajt mal-ġenb tal-knisja b’żewġ guvintur ħdejha, il-ħarsa t’għajnejh waqgħet fuq Katrin, li raha għall- ewwel darba. Dak il-lejl f’soddtu m’għamel xejn ħlief joħlom biha, u fil- ġranet ta’ wara resaq aktar ta’ spiss lejn fejn kien raha. Ma damx wisq li hi wkoll intebħet bih u l-interess li wera fiha. F’qasir ħin saru midħla ta’ xulxin, imma ma baqgħux jiltaqgħu aktar f’misraħ il-knisja ta’ l-Imġarr. Għażlu għall-ewwel li jiġġerrew mal-wied li Kieli kien jaf f’kull rokna tiegħu. Aktar iva milli le, fi tmiem il-ġimgħa kienu jispiċċaw għad-dell ta’ girna, jieklu l-ħobż biż-żejt u t-tadam li hu 72

P:74

jkun ġab miegħu f’ħorġa, u jixorbu u jaħslu jdejhom taħt għajn tal-ilma fil-qrib. Tad-dar ta’ Kieli stagħġbu mhux ftit meta jum minnhom qallhom li kien sejjer jgħix band’oħra, u telaqhom mingħajr saħħa u sliem. Rasha mserrħa minnu, wara li qaltlu bl-istorja kollha tagħha, Katrin ħasset li kien wasal il-ħin li tistiednu f’darha. Kien iġġennen hekk warajha, li Kieli ħatafha fil-kelma. Għajnejh mgħammda minn din l-esperjenza ġdida li refgħetu fis-sħab, ma ħabbilx rasu li Katrin kellha rbit ieħor. Ma stmerrx li ta’ kultant ma kienx ikun hu fis-sodda magħha. U mela ħinu jgħinnha, bl-istess ħerqa għax-xogħol li tkisser fiha minn tfulitu, f’dak kollu li kien jeħtieġ li jsir fir-razzett. Twebbel ma jafx kif li dar-razzett ma jdumx ma jkun tiegħu wkoll. Li ma qiesx kien li ma kellux jgħaddi ħafna żmien qabel ma Katrin għarrfitu li kienet tqila. Il-miġja ta’ tarbija f’ħajjithom bidlet kollox, ta’ lanqas għalih. Ħass li issa r-rabta ta’ bejniethom ma baqgħetx aktar miktuba fl-isħab; avventura mqanqla li tiġi u tgħaddi; u li ma baqa’ l- ebda mkien għal ħaddieħor biex jaqsam magħhom din ir-realtà ġdida. Issa ma kienx fadlilhom għażla ħlief li jfittxu li jiżżewwġu biex ikunu jistgħu jrabbu lit-tifel kif jixraqlu, u mhux biss għal għajnejn in-nies. Biex jirbaħ ftit taż-żmien ħalli jaħsibha sewwa, qabel għall-ewwel li jimxu fit-triq li qegħdet quddiemu Katrin. Li jħallu r-razzett warajhom u jfittxu xi mkien ieħor fejn jgħixu, ma dehrlux li kienet xi ħaġa li għandha mnejn tiġri. Post għalihom fid-dar t’ommu ma kienx hemm, u Katrin kien ilha s-snin li sfat waħedha mingħajr familja. 73

P:75

Imma kull ġurnata li tgħaddi beda jaraha eternità. U fittex li jsib tarf tat-taħbila kemm jista’ jkun malajr, illum qabel għada. Katrin fehmet x’kien għaddej mingħalih, u li ma kienx li beżgħet li fl-għaġġla jagħmlu xi ħaġa li wara jisgħob bihom minnha, kienet tfittex li teħilsu ta’ malajr mill-infern li kien jinsab fih. Kieli issa kien lest li saħansitra jmur il-ħabs biex jeħles darba għal dejjem min-nutar. 74

P:76

14. M’għaddewx wisq ġranet mill-bawxata taħt il-ħarruba xiħa fuq ir-riħ tal-Buskett li oħt Imelda bdiet tqum imdardra filgħodu. Dan ħassibha ħafna, u biex tgħatti dnubha qatgħetha li ddewwaq lill-għarus tagħha wkoll qabel iż-żmien il-frott ta’ l-imħabba. Din id-darba ma kellhiex għalfejn titbiegħed wisq mid-dar. Ġarrbet lill- għarus tagħha fit-triq tal-linja f’tarf ir-raħal wara li kienet daqqet tal- imwiet. Missierha, li dejjem ħaqqaq li ma’ tal-imwiet kulħadd miġbur f’daru, ma niżlitlux li waslet lura daqshekk tard, u ħa tmasħina magħha tgħidlix kemm. Stennietu li jiġri dan, u did-darba ma baqgħetx lura. Weġbitu li ma jistax ikun li jibqgħu sejrin hekk. Lill-għarus tagħha kienet ilha tafu x-xhur u kien wasal il-waqt li tinħall mill-irbit ta’ missierha u ommha billi tiżżewġu. Hekk ġara li, mingħajr il-barka ta’ missierha, Ġannina u Nikol intrabtu fiż-żwieġ f’qasir żmien. Marru joqgħodu f’dar li z-zija tiegħu kienet ilha tikri għal ħafna snin bix-xewqa li ssib lil min iridha u jmorru jgħixu fiha. Iz-zija baqgħet fuq l-ixkaffa, u sa ma tfaċċaw fuq ix-xena Nikol u Ġannina kienet tilfet kull tama li l-ġurnata tagħha tasal ukoll. Ma sabithiex bi tqila, għalhekk, li tgħaddi l-kirja lilhom. Lanqas taċ-ċavetta ma talbithom. Sadattant, dak li ħasbet Ġannina seħħ. Iċ-ċinturin ta’ żaqqha beda jitwessa u biex iżżomm kollox mistur, bdiet tilbes dbielet b’ħafna ġmigħ u xi bluża mitluqa fuq quddiem. U twarrbet kemm setgħet minn għajn 75

P:77

in-nies biex aktar ma tagħtix fil-għajn, u ma tħallix l-ilsna jibdew itaqtqu fuqha li dak sebaħ u dak dalam. Waslet saħansitra biex fl-ewwel xhur iżżomm ‘ilbogħod lil oħtha Imelda, huma li trabbew flimkien fula maqsuma. Imma meta Imelda kixfet li oħtha tqila, ma warrbitx minn ma’ djulha. Kienet aktar f’moħħha t-tarbija li ġejja mill-istess tieġ tagħha fil-qrib, issa li hi u Gawdenz ukoll qatgħuha li jorbtu ċ-ċoff fiż-żwieġ. Imelda għinet lill-oħtha tħejji ruħha għal wara t-twelid u ħetitilha ma nafx kemm-il franella, ħarqa u qlejba flimkien ma’ żewġ qmejsiet. Moħħ Ġannina kien band’oħra. Il-ħtija ta’ dak li għamlet minn wara dahar oħtha u żewġha kienet torqod u tqum magħha. Ma setax jonqos, kienet thewden, li b’mod jew ieħor ser tpatti għaliha. Għal kull raġuni ta’ xejn bdiet taħseb li ser tkorri u titlef lit-tarbija qabel il-waqt. Bil-biża’ wkoll li t-tarbija titwieled immankata, iffissat li ma tħarisx lejn l-annimali jew l-uċuh koroh, li ma jmurx li t-tarbija toħroġ tixbaħhom. U meta tixxennaq għal xi ħaġa ta’ l-ikel, tinsisti ma’ żewġha li jagħtihielha. Jekk le, it-tarbija ser titwieled b’xi marka ħamra fuq wiċċha jew parti oħra ta’ ġisimha. Biex ma jgħajnuhiex, mal-ġiżirana tad-deheb imdendla m’għonqha, żiedet domna tal-Madonna tal-Ħlas, u kull meta jgħaddilha xi dubju minn xi ħadd fil-qrib, kienet tagħmel is-sinjal tas-salib fuq żaqqha għal kemm-il darba. U aktar ma taħseb u aktar ma tibza’ mal-ġurnata, aktar toħlom ikrah billejl. Lil żewġha qatgħetu minn ġewwa kemm-il darba meta tqum 76

P:78

twerżaq fis-sodda għaliex tkun ħolmot li t-tarbija twelditilha b’ras kbira u ġisem żgħir, jew f’għamla ta’ kelb, u kull mostrożità oħra. Fi ftit kliem, Ġannina nbidlet min-nhar għal-lejl. Għibet ħesrem it- tbissima dejjem tleqq f’għajnejha, u aktar ma jmur aktar bdiet tingħalaq fiha nnifisha. Lil Nikol ma tatux il-ġenb, imma l-għaqda ta’ bejniethom birdet għal waħda fejn għażlet li tbaxxi rasha għal kollox. Qalbha ma kinitx hemm. Kellhom tifla li semmewha Lina. Il-qassis li għammidhielhom dan l- isem ma daqqlux, u kellhom iħaqquha miegħu sewwa qabel aċċetta dak li qalulu, jiġifieri li t-tifla kienu qed isemmuha għall-Madonna tal- Karmnu, u li Lina kien l-isem fil-qosor għal Karmelina. Mit-twelid tagħha deher ċar li Lina mhux ser tkun il-fessuda ta’ missierha. Kull meta jerfagħha f’idejh, li ma kienx ta’ spiss, kienet tiftaħ garġiha twerżaq sa ma jiġri jgħaddiha lura ‘l ommha. Mur għidlu kif ġiet fid-dinja! X’kien jagħmel li kieku? Jifgaha bejn idejh u ‘l ommha magħha? Ħin bla waqt, Ġannina reġgħet ħarġet tqila, u hekk baqgħu sejrin sakemm fi ftit aktar minn seba’ snin kellhom ħamsa. Id-dar fejn kienu joqgħodu ċkienet ħafna għalihom, imma bil-paga biss ta’ Nikol ma kellhomx mnejn ifittxu dar akbar. Meta darba Ġannina fetħet qalbha m’oħtha dwar dan, Imelda tatha parir li tgħaddilha kelma ma’ Gawdenz, li kellu mnejn seta’ jgħinha. Imma b’dan ma riditx tisma’ aktar u kienet pronta dawwritilha d-diskors. Mhux hekk, imma, meta Imelda żelqitilha li tista’ tħaffilha ftit mill- problema billi Lina tmur tgħix magħha u Gawdenz. Għal xi raġuni, 77

P:79

Ġannina ħasset li b’hekk ser tolqot aktar minn għasfur wieħed b’ġebla waħda. Nikol ukoll deher ħerqan li jiġri dan, u ma damx li Lina sabet ruħha tgħix maz-zijiet. Xi sentejn wara li ġara dan, it-tfal kien għadhom ġejjin taħt is-saqaf ta’ Ġannina u Nikol, li issa ma rawx tarf tat-taħbila ħlief li jfittxu dar akbar. Imma flus biex jagħmlu dan xorta waħda ma kellhomx. Meta għoddhom tilfu kull tama, Ġannina qatgħetha li ma xxammarx imneħirha aktar minn Gawdenz. Gawdenz kien iżomm il-karrozza tiegħu f’garaxx fi trejqa wara d-dar, fejn stajt tisraq u toqtol mingħajr ma jarak ħadd. Meta Ġannina ħadet minn ras Imelda li tista’ tgħid kull nhar ta’ Ħamis filgħodu kien jidħol sal-Belt bil-karrozza, ħasbet li tmur tistennih f’dil-ġurnata hu u sejjer lejn il-garaxx. “Mhux ser noqgħod indur mal-lewża”, qaltlu hekk kif kien għadu maħsud li sabha hemm, “int għandek dejn kbir miegħi u ma’ żwieġna, li sal-lum jien għażilt li nżomm mistur ġo fija.” “U allura?! X’ġegħelek li issa tbiddel fehmtek? Bħallikieku li l-ħtija tiegħi biss!” “Ħatja t-tnejn li aħna, imma ma jistax ikun li dil-ħtija nibqa’ nġorrha waħdi u li nżid magħha l-indiema li lil uliedi ntellagħhom neqsin minn kull ma jeħtieġu fil-ħajja.” “Daqskieku mhux diġa’ ħaffiftlek dan it-toqol meta ħadtlek lill-kbira minn fuq idejk.” 78

P:80

“Dak kien żball ieħor li għamilt. Qatt ma messni ċċaħħadt minn waħda minn uliedi.” “U dawk li ġew warajha kienu żball ukoll?” “Kollha kemm huma l-prezz li għażilt li nħallas tad-dejn li għandi ma’ żewġi li nqastu minn wara dahru qabel ma żżewwiġna.” “Mara ta’ żewġt uċuħ li inti!” “Min qed jitkellem! Tagħmilhiex tal-qaddis għax ma tixraqlekx.” “Qaddis jew le, m’għandi xejn fuq il-kuxjenza. Dak li għadda minn għalina kien ta’ darba biss u ntesa malli għadda.” “Min jaf kif jaħsbuha dwar dan martek u żewġi li kelli ngħidilhom x’ġara?” “Daqskieku ser tagħmel dan!” “U jekk lilek ngħidlek li dak li ġara bejnietna ma ġiex u għadda?” “Xi trid tgħid biha din?” “Inħallik taħseb li trid, imma wasal il-ħin li inti wkoll taqsam fil-prezz ta’ l-iżball tagħna t-tnejn, u li tara kif tgħin lili u ‘l żewġi nsibu dar aktar xierqa għall-familja tagħna. Tħallix li jkun tard wisq biex tagħmel dan.” M’għaddiex wisq żmien li Imelda għarrfet lil oħtha Ġannina li Gawdenz żvojtalu post imdaqqas qrib San Pawl il-Baħar, b’erba’ kmamar tas- sodda. Jekk kien jgħodd għaliha u għal Nikol, kien lest li jikrihulhom b’irħis. Ma kienx ser joqgħod ifittex magħhom. 79

P:81

15. Il-quddiesa tad-disgħa ta’ dak il-Ħadd ma switilniex lili u ‘l Leli. Moħħna ma kienx f’dak li kien qed jgħid u jagħmel il-qassis, imma li nisirqu kemm-il ħarsa lejn xulxin bi tbissima fuq fommna. Wasalt il-knisja kmieni aktar mis-soltu u sibt siġġu fuq in-naħa tax- xellug tal-korsija, faċċata tal-artal maġġur, biswit il-kappella ta’ San Andrija. Ftit kien hemm nies fil-knisja sa dak il-ħin, warrab xi erba’ nisa xjuħ ħerqana li jsibu siġġu fl-ewwel filliera, uħud minnhom jerfgħu s- siġġu ta’ ħdejhom, għal xi ħbieb tagħhom li jkunu għadhom ma waslux, billi jorbtu maktur ma’ dahar is-siġġu. Leli ma damx ma wasal ukoll, u meta sab fejn kont bilqegħda jien, ġibed siġġu tliet metri fuq ix-xellug tiegħi, fil-kappella li fuq l-artal tagħha, minbarra l-kwadru ta’ San Andrija, hemm ukoll tnejn iżgħar, wieħed minnhom dak ta’ l-anġlu kustodju. X’kien li wassalni biex nara fl-anġlu lil Leli, b’idu l-leminija madwar spallejja, waqt li jurini t-triq b’sebgħajh il-werrej tal-oħra, f’qalbi biss nista’ nfisser. Naf ukoll li fil-waqtiet li ħarsti nġibdet fid-direzzjoni tal-presbiterju, bħal San Ġwann Evanġelista, fl-istatwa-leġiju tal-bronż imżanżna ftit snin qabel, għajnejja ntrefgħu ‘il fuq ma’ ħsiebi ħafif iħuf bejn it-tmien flieli tal-koppla. Ħsiebi tqal meta ttajjar lejn is-saqaf fuqi tal-korsija u ltaqa’ mad-dehra tas-salib, il-ġlieda ta’ Kostantinu kontra Massenzju fuq il-pont Milvio barra Ruma u l-Edit ta’ Milan li waqqaf il-persekuzzjoni ta’ l-insara. Slaleb, battalji, persekuzzjoni! Ma kienu jaqblu xejn dawn id-dehriet 80

P:82

mat-tqanqil ġo qalbi. Minn meta lbieraħ iltqajt u tkellimt ma’ Leli għall-ewwel darba fil-ġnien tad-dar, anzi mill-waqt li għajnejna ltaqgħu u qlubna waqfu meta ġie jara z-ziju u jien ftaħtlu l-bieb ta’ barra, ħassejtni neħfief u nrabbi l-ġwienaħ. Ħini sar ħolma waħda minsuġa fit-tajjâr u ndurata b’ilwien is-sema kaħlani. Mixjiti bħal tal-farfett itir minn fjura għal oħra. Ftit jiem ilu u dan lanqas kont noħolmu. Imma issa li doqtu, qalbi ntrabtet miegħu – għal dejjem ta’ dejjem, sibtni nirrepeti lili nnifsi. Il-quddiesa kienet waslet biex tintemm. Waqt it-tqarbin, għarrixt lejn kull min tiela’ biex jitqarben ħalli nsir naf lil min niskarta fi triqti ‘l barra mill-knisja. Daħħalt f’moħħi li mis-siġġu sal-bieb ta’ barra nimxi ma’ Leli biss biswiti. Jekk ma naħtafx din l-okkażjoni, mhux biss ma ngħidux kelma, imma lanqas insiru nafu meta u fejn ser nerġgħu niltaqgħu. Meta għaddieli ħsieb ieħor x’għandi nagħmel. Bil-knisja titbattal, kulħadd fi triqtu lura ‘l barra, jien ma ċċaqlaqtx minn fejn kont, u Leli, b’għajnejh fuqi għamel l-istess. Imbagħad, minflok lejn il-bieb tal- knisja, ġbidt lejn l-artal tas-Sagrament, b’Leli tul t’id warajja. Qagħadt għarkobbtejja f’riġlejn il-balavostrat tal-irħam, fuq in-naħa tax-xellug tal-grada tal-bronż, b’Leli jagħmel bħali fuq in-naħa tal-lemin ta’ dil- grada. Għaddejna ftit tal-ħin hemm it-tnejn waħedna mingħajr ma lissinna kelma, għalkemm jien ħassejtu xieraq li ngħid xi talb f’qalbi b’ħajr lil Ġesu’ li laqqgħana flimkien lili u ‘l Leli. Tgħid għamel l-istess hu? Ma setax jonqos. “Grazzi li ġejt għall-istess quddiesa”, għidtlu minn taħt l-ilsien. 81

P:83

“Kif nistgħu nerġgħu niltaqgħu? Mhux sewwa u lanqas possibbli li nibqgħu niltaqgħu b’dan il-mod.” “Għalissa jkollna nitqannew b’hekk. Nhar l-Erbgħa li ġejjin, u l-istess is- Sibt ta’ wara, immur inżur Tal-Ħerba. Nagħmel ħilti li nkun hemm fis- sebgħa ta’ filgħaxija jekk tajjeb għalik ukoll.” “Narak hemm, mela, u nittama li nkun nista’ ngħaddilek karta bi ftit ħsibijiet dwar fejn nistgħu niltaqgħu għal li ġej.” Kont jien li qomt u ħriġt ‘il barra qablu. Fehmna, mingħajr ma tkellimna fuq hekk, li kien aħjar li ma noħorġux flimkien. Mingħajr sabar li nistenna sa ma nerġgħu niltaqgħu kif ftehmna, qed ngħaddi aktar ħin f’ħoġor it-tieqa ngħarrex tul it-triq u lejn id-daħla tal- isqaq biex nara nilmaħx lil Leli. Qajla għaddieli minn moħħi li mal- ġurnata jkun ix-xogħol (irrid niftakar nistaqsih fi x’ħin joħroġ u jidħol). Jum it-Tnejn reġa’ sebaħ b’sema mdallam u xita traxxax il-ħin kollu. Ma damx ma l-wied beda nieżel ma’ kull naħa tat-triq. Mill-bieb ta’ faċċata tagħna, wara nofsinhar ħareġ sa fuq l-għatba tifel ta’ madwar disa’ snin. Kien għadu ħin tal-iskola, u Alla waħdu jaf x’kien li ommu dakinhar ma bagħtitux. Għal ħafna min-nies, l-aktar dawk li minħabba l-gwerra qabżu l-iskola, it-tagħlim ma kienx jiġi fuq quddiemnett. F’idejh, it-tifel kellu biċċa karta, li ma domtx m’għaraft li kien tniha f’għamla ta’ dgħajsa. Imdendla bejn subgħajh, din telaqha mal-wied u qagħad jaraha nieżla fuq wiċċ l-ilma sa ma għibet ‘l isfel fit-triq. Imbagħad, reġa’ daħal ġewwa sa ma ġab dgħajsa oħra tal-karta, li wkoll 82

P:84

salpat mal-wied. Wara r-raba’ dgħajsa naħseb li spiċċatlu l-karta għax ma ħariġx iżjed. Bil-mod kif rabbewni z-zijiet, inqast li nduq it-tgawdija ta’ pjaċiri hekk innoċenti. Niftakar li ta’ xi disa’ snin, f’waħda mill-ftit drabi li tħallejt immur inqatta’ xi ħin ma’ ħuti, ħriġt magħhom barra fejn iltaqgħu ma’ sħabhom biex huma jilgħabu bil-boċċi tal-ħġieġ u l-ballun taċ-ċaruta, waqt li l-bniet jilgħabu ħofra biż-żibeġ. Dawn ta’ l-aħħar daħħluni magħhom, u tgħidx kemm stagħġbu li qatt qabel ma lagħabt bħalhom. Qrib San Martin, qaluli, minflok biż-żibeġ jilgħabu bil-lewż u l-ġellewż. Mort lura għand iz-zijiet b’ponn żibeġ li tawni, u li sal-lum għadhom moħbija f’landa tal-ħelu fil-kexxun ta’ fuq tal-gredenza. Nhar ta’ Ħadd wara nofs inhar, u matul il-ġimgħa kollha fis-sajf, fid- daħla ta’ l-isqaq stajt nara ta’ sikwit qtajja’ bniet jilgħabu l-ħofra, imma ma’ dawn ma ħallewnix nitħallat. Is-sodda li għandi bil-kurtinaċċ. Mhux darba u tnejn qabbiltha mal- erba’ ħitan ta’ ħabs fejn qafluni mill-bqija tad-dinja. Bħall-għasfur fil- gaġġa, ma narax il-waqt li niftaħ il-bieba u ntir fil-beraħ ta’ sema mingħajr ħajbura. Iz-zijiet tawni kulma kont neħtieġ, imma mhux il-fisda li dejjem xtaqt f’ħoġor ommi u l-kumpanija ta’ ħuti u tfal oħra. F’Pawlu sibt in-nannu li kull tifel u tifla jixtieq li jkollu, imma Pawlu ma kienx joħroġ mid-dar u jeħodni miegħu. Xorta oħra kieku stajna mmorru flimkien sal-ġnien ta’ San Anton, jew fis-sajf nitbaħardu fil- bajja ta’ San Ġiljan. Fuq kollox, jaħbih kemm jaħbih minni, f’qalbu kien isaltan baħħ kbir. Magħluq f’kamartu u maqtugħ minn kulħadd għal 83

P:85

ħafna ħin, ma setax jonqos li fil-ħemda għajnejh bla dawl kienu jxerrdu d-dmugħ. Darba qabżitlu li lest li jagħti kollox biex jara d-dawl tal- qamar. Meta staqsejtu għax mhux id-dawl tax-xemx, kien pront weġibni li x-xemx tasal għandu fis-sħana tagħha. Il-lejl għal Pawlu hu itwal bil-wisq min-nhar. Fi tfuliti, meta s-sema tiswid u r-ragħad ikarwat wara t-tifqigħ tas- sajjetti kont nistkenn fil-kamra taz-zija, u nixtieq li ma jieqfu qatt. B’hekk kien ikolli skuża nibqa’ mgeddsa fis-sodda, marsusa magħha qalb ma’ qalb, taħt il-lożor u l-kutri. Hemm, f’ħoġor it-tieqa, dawn ir-riflessjonijiet kollha reġgħu ħadu l- ħajja. Qalbi, għatxana għal qalb oħra, tqanqlet minn postha u tnihedet mill-qiegħ. Imma kien wasal il-jum tat-Tlieta u kont għadni ma ħsibtx x’ser inħażżeż fuq il-karta li wiegħedt li ngħaddi lil Leli meta l-għada niltaqgħu Tal-Ħerba. Għalkemm ridt nemmen li ilni nafu ħajti kollha, kienu għaddew biss ftit jiem minn mindu ltqajna. Ftit jiem li jiċkienu f’minuti jekk tagħsarhom għall-ħin li konna qrib xulxin. Tagħna, jekk ser ittul, ser tkun imħabba ma’ l-ewwel daqqa t’għajn. Nixtieq li nsir naf aktar dwaru, u li dak li nsir naf iwassalni biex inħobbu iżjed minn issa. U lilu? Lilu kif ser inserraħlu moħħu li għamel għażla tajba, kemm-il darba din l-għażla kien tassew għamilha? X’mistennija b’wiċċ bil-quddiem din tiegħi li diġa’ għamilt kollox fatta. Qabel ma qagħadt fuq il-mejda u qbadt karta u pinna, mort fuq it- tastiera tal-pjanu u għejni noħloq aktar atmosfera għall-ħsus ta’ qalbi li ndoqq xi xogħolijiet ta’ Beethoven. Hu li f’ħajtu għadda minn waqtiet 84

P:86

ta’ uġigħ il-qalb orribbli minn dejjem nebbaħni bil-mużika tiegħu kif noħroġ minn kull sqaq li deher li ma jinfidx. Għażiż Leli, Ma nafx mnejn naqbad nibda. Naf biss li qalbi waqfet l-ewwel darba li ltqajna. Naf li minn dak il-ħin qed tħabbat aktar bil-qawwi kull meta naħseb fik, tista’ tgħid il-ħin kollu, u aktar u aktar meta nkunu qrib ta’ xulxin. Inħobbok? Tħobbni? Ma nistax nara kif ħajti jibqagħlha sens jekk it- tweġiba ma tkunx “iva” miż-żewġ naħat. Nixtieqek ħdejja l-ħin kollu, ukoll jekk għadni ma nafx kif ta’ lanqas narak ta’ spiss. Bil-biża’ li nitilfek, fil-ħolm narak tħares imqarras lejn l-għamara tad- dar fejn noqgħod jien u d-daqs u dak ieħor kollu ta’ ġewwa fiha. Serraħ moħħok, xejn mhu tiegħi. Jiena l-kbira minn tmint itfal, u ommi u missieri jeħtiġilhom jaħdmu bis-sħiħ biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Ix-xorti messet li bagħtitni ngħix maz-zijiet. Meta nsiru nafu aktar lil xulxin, ma jistax jonqos li ssib li inti għani daqsi u aktar minni f’dak kollu li toffri l-ħajja. Kif u fejn ser nibdew niltaqgħu? Naqbel miegħek li ma nistgħux nibqgħu nagħmlu dan fil-knisja. Għażliet oħra s’issa ftit li xejn għandi sa ma nsaħħu l-fehma li tassew irridu li nkunu ta’ xulxin, u ngħarrfu b’dan lil tad-dar. Meta jasal il-waqt, iz-ziju n-nutar ma nafx kif ser jeħodha l-aħbar. Imma ħadd u xejn mhu ser ibiddilli fehmti. 85

P:87

Biex ikolli skuża li noħroġ aktar ta’ spiss mid-dar ser ikolli nħarref fuq li nħarref . Imma ninsab disposta għal kollox biex insib il-ħin li nkun qrib tiegħek. Inħobbok, għażiż tiegħi, Lina Ma jingħaddux kemm-il folja karta qattajt sakemm wasalt biex ktibt dawn il-ftit versi. Xtaqthom li jidhru li ħerġin mill-qalb, hekk li saħansitra meta daħħalt l-ittra f’invilopp ħbejtu fuq sidri qrib qalbi. Lil Leli rajtu l-Erbgħa, kif ftehmna, f’Tal-Ħerba. Kont hemm ftit minuti qablu u qagħadt fl-aħħar bank, fit-tarf biex ma jidħol ħaddieħor ħdejja. Meta wasal, ersaqt in-naħa l-oħra tal-bank u hu qagħad maġenbi b’ħarstu ‘l quddiem għal fuq l-artal biex ma nagħtux fil-għajn. Qajla stajna ngħidu kelma għax kien hemm ħafna nies iżuru s- santwarju, imma meta żerżaqtlu l-ittra li ktibtlu u hu li kiteb lili, truf subgħajna ltaqgħu għal waqt li f’qalbi ssarraf f’tgħanniqa. Fl-ittra tiegħu Leli qalli li kellu grazzja miegħi, li xtaq isir jafni aktar mill- qrib, li kellu f’rasu li fil-qrib idaħħal karrozza, li filgħodu joħroġ kmieni għax-xogħol – għall-ħabta tas-sebgħa u kwart – u li filgħaxija, aktar iva milli le, jerġa’ lura fit-tard għax kien għad hemm ħafna xogħol li waqa’ lura l-uffiċċju. Qalli wkoll li dwarna kien għadu ma fetaħ qalbu ma’ ħadd. Meta wasal is-Sibt Leli ma reġax wera wiċċu. 86

P:88

16. F’Malta l-Festa ta’ San Martin taħbat fl-eqreb Ħadd tal-11 ta’ Novembru. F’għadd ta’ drabi s-Sur Gawdenz mar ma’ tal-banda għall-festa ta’ dan il-qaddis fil-Baħrija, fejn l-aktar li kienet tinteressah kienet il-fiera tal-annimali. Mhux l-ewwel darba li ġie lura b’xi dundjan għall-Milied, l-aktar jekk isib min iġorrulu sad-dar. Ġieli wkoll li, fi triqthom lura, jgħaddu sal-Għar ta’ San Martin barra San Pawl il-Baħar, qabel ma jieqfu jieħdu grogg minn ħanut tax-xorb fix-Xemxija. Gawdenz qatt m’għaddielu minn rasu li fi tfulitha lil Lina jagħtiha l- Borża ta’ San Martin. Dis-sena, ftit jiem qabel San Martin, f’misraħ il-knisja waqfet van b’sidha jħanxar b’leħen għoli minn maġenb il-bibien miftuħin ta’ wara, “Ġewż, Lewż, Qastan, Tin – Kemm inħobbu ‘l San Martin”. Gawdenz ġietu l-kurżita’ jieqaf jara, u ma damx ma sab ruħu jdaħħal idejh fil-but għal ftit xelini biex jixtri borża milli kien hemm għall-bejgħ. Mal-lewż, il-ġellewż u l-qastan, min bigħhielu qegħedlu wkoll fil-borża larinġa, mandolina u rummiena. Ma kienx jaf x’ser jagħmel b’dil-borża, imma ma damx m’għaddielu minn moħħu li l-għada jagħtiha lit-tifel ta’ Katrin, li kien ilu ftit ma jmur jittawwlilha. Meta wasal id-dar, ħeba l-borża fl-istudju u qiegħed maġenbha invilopp, li fuqu kiteb “Katrin” biex ma jinsiex, b’għoxrin lira fih għall-ispejjeż tat-trobbija. Mindu Katrin għarrfitu li tqila, u aktar u aktar minn meta kellha t- tarbija, Gawdenz sar aktar ħsiebu hemm li ma jikxefx xturu. Mhux 87

P:89

għax qatt Imelda jew Lina kien ser jgħaddilhom minn rashom li jfittxu għaliex tassew kien iżur l-għalqa taż-Żebbiegħ. Imma biex bħallikieku aktar iwarrbilhom ħsiebhom minn dak l-imkien, sar ta’ sikwit jigdeb li sejjer x’imkien ieħor minflok saż-Żebbiegħ. Hekk għamel ukoll din id- darba – qalilhom li sejjer sad-dar tal-villeġġjatura f’San Ġiljan. Ix-xitan ried li Karla s-seftura dakinhar ħtiġilha tmur sal-fabbrika tal- għaġin f’tarf ir-raħal. Fi triqtha lura, hi u taqsam Triq in-Naxxar, rat lil Gawdenz tiela’ bil-karrozza tiegħu fid-direzzjoni tal-Mosta. Imn’Alla li ftakritx f’dan u fetħet ħalqha ma’ l-oħrajn. Imħolli waħdu ma’ ħsiebu waqt is-sewqan, Gawdenz kien qed jewhden dwar il-wirt ta’ Nenò. Il-flus li ħalla kienu kemxa ġmielha u hu mill- ewwel sab mezz kif jisloħ sehem minnhom. Li kien baqgħalu jagħmel hu li jsib kif iħoll x’hemm moħbi fil-folja tal- karta strazza li sab f’bagalja fuq il-gwardarobba ser taqa’ fil-kamra ta’ Nenò. Kien mar hemm ftit qabel inżul ix-xemx malli ħa lura f’idejh iċ-ċavetta mill-Għassa tal-Pulizija. Ix-xorti riedet li fl-isqaq kulħadd kien jidher li nġabar ġewwa għax fi triqtu ‘il ġewwa ma ltaqa’ ma’ ħadd. Ir-riħa li laqgħetu malli fetaħ il-bieb tal-kamra - riħa t’għeluq liema bħalha, imħallta ma’ ntiena ta’ qedem – kien għoddha sabtitu lura. Fil- merżuq dawl dieħel mill-bieb li ħalla mbexxaq, Gawdenz seta’ jara dehra li saħansitra lilu, xiref kif kien, ġagħlitu jistagħġeb kif ħadd jista’ jgħix f’daqshekk għaks u caħda. 88

P:90

F’rokna fuq in-naħa tal-lemin, sodda tal-wieħed b’mitraħ u mħadda tat-tiben kienet tħares lejn gwardarobba ser taqa’ u ma taqax b’uħud mill-minċotti jidhru ħerġin minn posthom, b’żewġ kxaxen fin-naħa t’isfel. Mal-ħajt ta’ fuq ix-xellug, mejda tal-injam b’fuqha lampa tal- pitrolju u friskatur b’buqar ġo fih, u maġenbha barmil tal-landa, li jħalli wieħed x’jaħseb li kien għall-mili tal-ilma minn għajn f’nofs l-isqaq. Mill-bqija xejn aktar! Kien ġa qatagħha li jmur lura u jħalli kollox kif sabu, meta fuq il- gwardarobba ra bagalja li qanqlitlu nteress. Tawwal idejh u ġabha fuq is-sodda. Hu u jiftaħha għaddielu minn rasu li kien f’dil-bagalja li l- pulizija sabet il-flus. Kemm-il darba kien hekk, x’jistenna li ħallew ġewwa fiha? Xejn aktar minn ftit karti, skopra, x’aktarx imwarrba minn Nenò biex iqartas xi ħaġa fihom. Bejniethom, b’dankollu, kien hemm folja tal-karta strazza li fuqha kellha mħazza mappa ta’ sît t’art f’Tas- Swieqi. Għandu mnejn li ma kienx ġie ta’ xejn, ħaseb Gawdenz, li tena l-folja bil-għaqal u qegħdha fil-but ta’ ġewwa tal-ġlekk fi triqtu ‘l barra hu u jsakkar il-bieb, bil-bagalja f’idu f’każ li kellha xi sigriet ieħor x’tikxef. Issa, fi triqtu għal għand Katrin kien qed iberren f’moħħu kif ser jinqeda b’Leli biex isir jaf min kien sid l-art ta’ fuq il-karta strazza. Ma damx ma ħalla l-Mosta u qarreb lejn iż-Żebbiegħ. Il-karrozza ħallieha f’wesgħa quddiem ir-rixtellu tar-razzett, li kont tasal għalih minn mogħdija dejqa mġennbha minn siġar tal-frott irqiq. F’nofs dil- mogħdija, minn bejn is-siġar fuq in-naħa tal-lemin, lemaħ lil xi ħadd 89

P:91

b’mgħażqa f’idu. Kieli wkoll ra lis-Sur Gawdenz u f’leħħa t’għajn għib mid-dehra, hekk li n-nutar baqa’ bejn ħaltejn x’kien tassew ra. “Rajt sewwa?”, staqsa lil Katrin li fetħitlu l-bieb, “dehrli li kien hemm xi ħadd jagħżaq fl-għalqa.” “Għandu mnejn li kien tar-razzett ta’ ħdejna”, gidbitlu, “mhux l-ewwel darba li minn jeddu jaqbeż il-ħajt tas-sejjieħ li jifridna biex iqalleb xi ftit il-ħamrija. Jekk ma tkunx martu li tibgħatu jagħmel dan billi taf li waħdi b’tarbija mhinix inlaħħaq ma’ kollox.” Katrin ma kien jgħaddiha ħadd biex iġġib il-boċċa qrib il-likk. Qatt m’għaddielha minn rasha li Gawdenz ser iżurha llum fid-dawl tax-xemx għaliex li kieku kienet tibgħat lil Kieli bogħod ta’ mil mir-razzett. Imma xorta waħda żammet il-kalma u ma nkixfitx. Sabiex tkompli titbiegħed mill-kliem fuq ir-raġel bl-imgħażqa, Katrin għaddiet it-tifel lil Gawdenz filwaqt li qaltlu jgħaddi ftit taż-żmien jilgħab miegħu sa ma hi tqiegħed xi ħaġa tal-ikel fuq in-nar. Din kienet esperjenza ġdida għal Gawdenz li lanqas għaraf kif ser iżomm it-tifel, li kien għadu kif telaq jimxi, qrib tiegħu. Sejjaħlu b’ismu għal kemm-il darba biex jiġi ħdejh, imma t-tifel kien ħsiebu biss li jidħol taħt il-mejda fin-nofs tal-kamra. U hekk kif jersaq lejh Gawdenz ikun pront imur jiġri jinħeba wara sufan fir-rokna. Ma damx ma għejja Gawdenz b’dal-ġiri kollu, u sab ruħu bilqegħda fl-art bil-borża ta’ San Martin f’idejh. 90

P:92

Kien f’dan il-ħin li t-tifel resaq qrib tiegħu, issa li ma kienx għadu jiġri warajh. Dar xi darbtejn madwar Gawdenz, u meta ra li dan mhux ser iqum minn bilqegħda, niżel kokka fl-art hu wkoll. Gawdenz kien pront ħall ir-rabta tal-borża u għaddieha miftuħa lit-tifel. Malli ħadha f’idejh, dan ħares lejha minn barra u mbagħad daħħal idu fiha u ferra’ kulma kien fiha ma’ l-art. Għall-ewwel deher li l-aktar li għoġbitu kienet il-larinġa. Ma damx ma sab kif għaddas fiha l-ftit snien ta’ ħalqu u għasar ta’ fiha fuq ħwejġu kollha. Għoġbu x-xogħol li jagħmel mintna minnu nnifsu u għal ftit mhux ukoll minn Gawdenz li kellu jinġibed lura biex ma jinħasilx hu wkoll mill-għasir tal-larinġa. Il-lewż, il-ġewż u l-qastan xterdu mal-kamra kollha, u mbè fl-art it-tifel beda jiġri minn waħda għall-oħra, jiġborhom u jixħethom xi mkien ieħor. Gawdenz, li sadattant ħaseb li aħjar iqum minfejn kien sa ma l- għadam ta’ ġismu jħallih jagħmel dan, qagħad b’seba’ mitt għajn li ma jmurx jirfes fuq xi waħda u jeħodha għal tulu. Meta ġiet lura Katrin, ma’ din il-ħerba kollha lemħet ukoll lil binha jdaħħal ġellewża f’ħalqu bil-qoxra b’kollox. Bħal sajjetta marret fuqu u ħatfithielu minn ġo ħalqu, waqt li b’korla kbira ċanfret lil Gawdenz li ma kellux ħila jieħu ħsieb binha għall-ftit waqtiet li ħallietu miegħu. Għal darba, Gawdenz naqsu l-kliem u m’għarafx xi jwieġeb għal dil- ħasla, aktar w aktar li fil-ħin it-tifel fetaħ griżmejh fi twerżieqa tal- mniegħel. F’daqqa waħda qabdu ferħ ta’ ġenn li jitlaq lura mnejn ġie, u meta qal lil Katrin li kellu qadjiet oħra x’jagħmel dakinhar, hi ħatfitu fil- kelma u mingħajr ħafna ċerimonji writu l-bieb ta’ barra. 91

P:93

Fuq l-għatba tal-bieb, ta ħarsa ħafifa madwaru biex jara jilmaħx lil dak tal-imgħażqa, imma madwaru ħadd, u lanqas ħoss għajr il-ħanqa ta’ ħmar, x’aktarx tas-sienja. Hu u jiftaħ il-bieb tal-karrozza dehrlu li minn wara l-koxxa tar-rixtellu li kien għalaq warajh lemaħ berritta ta’ raġel li għibet fil-pront. F’dak il- waqt għaddielu minn rasu li Katrin setgħet kienet qed turih id-debba u tqabbiżlu l-ħmara. 92

P:94

17. Meta Leli daħal lura għax-xogħol, il-Ħamis ta’ wara l-laqgħa ma’ Lina f’Tal-Ħerba, bagħat għalih ta’ fuqu f’xi l-għaxra ta’ filgħodu. “Kif aħna sejrin, Balzan?” “Għandi għax naħseb li x-xogħol dħaltlu sewwa”, wieġbu Leli. “Naqbel miegħek. Qatt ma stennejt li ser titgħallem daqshekk malajr x’għandu jsir u kif tagħmlu... Fi ftit jiem oħra rrid inressaq quddiem il- Finanzi l-istimi għan-nefqa tas-sena d-dieħla. Taħseb li għandek xi proposti x’tagħmel dwar kif nistgħu ntejbu l-qagħda mingħajr ma jkollna nħaddmu aktar nies? Għadda minn għala widnejja li l-Gvern qed jaħseb li s-sena li ġejja jagħti żjieda fis-salarji sakemm ma jkollux jonfoq l-istess flus f’iżjed ħaddiema.” Wara li ħasibha ftit, Leli wieġbu li dan seta’ jkun possibbli jekk kulħadd ikun jaf mhux biss xogħlu, imma xogħol ħaddieħor ukoll. “B’hekk meta jonqos xi ħadd ix-xogħol tiegħu ma jaqax lura. Jekk niġbdu flimkien, ma jonqosx li naslu.” “Suġġeriment tajjeb dan, imma kif nistgħu nwettquh?” “Hux possibbli li ninġabru lkoll flimkien fl-aħħar sagħtejn ta’ kull ġimgħa, u kulħadd, wieħed wara l-ieħor, ngħaddu tagħrif fuq in-natura tax-xogħol tagħna flimkien ma’ rendikont ta’ fejn wasalna?” 93

P:95

“Prosit! Mingħajr ma taf ħloqt programm ġdid u ta’ siwi għad- dipartiment. Għandek il-barka tiegħi biex issa tibda twettqu. Kmieni biex ngħidlek tibda minn għada stess. Xi tgħid jekk nibdew bħal għada ġimgħa?” “Jekk ser inkun jien li mmexxi l-programm, jeħtieġli nitħejja sewwa. Ma nafx jirnexxilix inlaħħaq dan f’ġimgħa, imma nagħmel ħilti kollha.” “Inħalli f’idejk. Aktar ma nibdew malajr aktar naslu kmieni. Għall-bidu lili ħallini barra mix-xena sakemm iżżomm quddiem għajnejk li ssibni dejjem hawn f’każ ta’ bżonn.” Leli dejjem ħolom li t-taraġ tal-karriera jitilgħu kemm jista’ jkun malajr. Il-fiduċja li wera fih il-kap tad-dipartiment ftit xhur biss wara li beda fil- kariga wasslu biex jemmen li dan kien possibbli, u kif! Biex ma jonqosx lil ta’ fuqu mill-kelma li tah li jagħmel ħiltu kollha, minn dak il-waqt stess Leli warrab kull ħsieb ieħor minn moħħu għajr kif ser joħloq u jmexxi l-programm mill-ġimgħa ta’ wara. Mingħajr ma ttraskura x-xogħol tiegħu ta’ kuljum, sab ħin biex idur kull sezzjoni tad- dipartiment u jiġbor tagħrif fuq id-dmirijieti u l-funzjonijiet ta’ kull waħda minnhom u kif dawn jintisġu flimkien. Kulfejn tarah b’pitazz f’idu jniżżel noti ta’ x’ra, ‘l min ra, xi staqsa u x’weġbuh. Lura d-dar, l-ikel ħatfu biex ma jitlifx żmien li jitla’ f’kamartu ħalli jkompli jaħseb u jħażżeż fuq il-proġett li issa sab li rabat qalbu miegħu. Meta l-għada għamel l-istess, missieru kien ser jiftaħ ħalqu biex jgħaddi xi kumment fuq il-ħatfa tal-ikel, imma sab lil martu tħarislu mqarrsa biex ma jindaħalx. 94

P:96

“X’ridt tgħid biha li ma ħallejtnix inżommu milli jitlaq jiġri minn fuq il- mejda tal-ikel?” “Ma tarax li bħalissa Leli għandu ħafna fuq moħħu? Meta naddaft kamartu dalgħodu sibtlu fuq il-mejda ruxxmata karti miġbura bejn żewġ kartuniet marbuta bi spaga. Tant għandu x’jagħmel li qed iġib ix- xogħol miegħu d-dar.” Saħansitra matul tmiem dik il-ġimgħa Leli kompla ngħalaq f’kamartu, u kellha tkun ommu li l-Ħadd tfakkru li kien għadu ma semgħax quddiesa. L-aħħar waħda tal-ħdax laħaqha għadha ħierġa. Miġbur fih innifsu fi knisja għoddha battala min-nies, Leli bħal reġa’ ġie f’tiegħu. Moħħu tbattal mill-ħafna dettalji, li issa kien qorob biex jgħaqqad ilkoll flimkien fi proġett ta’ taħriġ li jagħmel sens, u għarrex f’oqsma oħra. Ftakar b’ħasda li naqas li jmur jiltaqa’ ma’ Lina l-ġurnata ta’ qabel fis-Santwarju Tal-Ħerba, u qalbu għamlet tikk. Kien qered in- nebbieta ta’ mħabba ta’ bejniethom minħabba l-ġenn li qabdu biex ifittex ilesti l-proġett? Kif ser ifehmha n-nuqqas tiegħu? Ilumha jekk jgħaddilha minn rasha li bejn ix-xogħol u bejnha ta’ l-ewwel jiġi fuq quddiem? Iblah li kien! Messu żamm saqajh aktar fuq l-art u mhux joħroġ minn sensih ma’ l-ewwel xamma t’avvanz fil-karriera tiegħu. Għamel bħalma kien għamel ta’ xi għaxar snin meta, fil-ħerqa li kellu biex jingħażel bħala solista mal-kor tal-parroċċa, spiċċa biex inħanaq daqs kemm-il darba kanta l-għanjiet b’leħen għoli bejn l-erba’ ħitan ta’ kamartu. U kellu jistenna staġun ieħor qabel ma wasal il-waqt li jaqta’ xewqtu. Ta’ lanqas f’dik l-okkażjoni spiċċa biex għaddiet tiegħu, u kien 95

P:97

għadu jiftakar sal-lum b’liema ħerqa kien jistenna li jasal il-Milied ħalli jsemma’ leħnu ma’ l-orgni tal-Bażilka fid-disat ijiem ta’ qabel il-Milied. Il-Milied ta’ dis-sena kien qed joqrob sew. Min jaf Lina tiġix għall- funzjonijiet tan-novena, il-quddiesa ta’ kmieni ħafna filgħodu u dik ta’ filgħaxija, it-tnejn bil-kant tat-tfal? Kif ser ikun jaf x’ser tagħmel jekk ma jsibx kif jerġa’ jaraha? Fi triqtu lura lejn id-dar, ħtieġlu jwarrab mal-ġenb tat-triq biex ma jintlaqatx minn karrozza miexja f’direzzjoni opposta minnu. Sa ma ġew biswit xulxin, kellu jitħaxken aktar mal-ħajt biex tgħaddi l-karrozza, issa misjuqa ħafna aktar bil-mod. Kien dak il-ħin li ntebaħ li riekba fuq wara kien hemm Lina. Hi għarfitu wkoll u sammret ħarsitha fuqu, b’rasha issa mdawwra lejh. L-istess hu, ħarstu ma qalagħhiex minn fuqha, u meta l-karrozza għaddietu għamel żewġ passi lura b’idu l-leminija mtawwla quddiemu fid-direzzjoni tagħha. Mhux kollox mitluf, ħaseb, u ħaffef il-pass lura lejn daru biex iħażżeż xewqatu lejha fuq karta li ma jmurx jinsa x’ried jgħidilha. 96

P:98

18. Karla qatt ma niżlitilha li mhix imħollija tidħol fl-istudju tan- nutar meta ma jkunx hemm hu. Sindikajra tal-prima u tħobb titkixxef fuq in-nies biex ikollha xi tqasqas, il-kurżità kienet tegħlibha dejjem. Imma hi, li kienet taf xtur in-nies ta’ nofs ir-raħal, kellha titqanna li ma tafx kollox fuq min iħaddimha. Biex jingħad is-sewwa kollu kemm hu - fuq dak li għadda u għaddej mingħalih minn mindu żżewweġ. Għaliex is-snin ta’ qabel kienu ktieb miftuħ għaliha. Daħlet taħdem ta’ seftura mal-familja tan-nutar meta kien għadu ħaj missier Gawdenz, li kien iġib ruħu magħha aħjar minn ibnu. Jista’ jkun minħabba li kien romol u kellu bżonnha tassew. Hi li hi r-raġuni, il- missier kien iħallasha aħjar u jħallilha kontroll sħiħ kif jimxu l-affarijiet fid-dar. Gawdenz kien imqarqaċ minn ċkunitu u meta tfarfar ma nbidilx. F’żogħżitu sab il-flus xi jroxx u ta għall-ħela. Karla tiftakar kemm-il brikkunata kellha taħbilu minn missieru meta kien għadu l-iskola, u kemm-il kelma b’oħra kellha tgħid biex taqilgħu mis-saram li jkun daħal fih ma’ din jew dik it-tfajla; kemm-il darba kellha tgħattilu li kien f’post u mhux f’ieħor. Imma f’dawk iż-żminijiet ukoll ħarġet minn taħt miegħu għax ma kienx jafulha li tagħmel miegħu. Il-qagħda marret għall-agħar mindu żżewweġ lil Imelda. Bħallikieku ried jurihom lit-tnejn li huma min hu tassew is-sid, ħa tista’ tgħid kollox f’idejh, mingħajr ma jħalli ‘l ħadd jindaħallu. 97

P:99

Saħansitra ‘l Lina kien iżomm taħt il-madmad tiegħu, għalkemm ma’ din kien ftit aktar idejh miftuħa għalli teħtieġ jew titolbu. Karla qatt ma fehmet sew x’kien li wasslu biex lil Lina jaċċettaha taħt is- saqaf tiegħu u jrabbiha bħala bintu. Xtaqet issir taf aktar dwar dan, imma minn fomm Imelda ma toħroġx kelma, u ħtiġilha toqgħod attenta li Imelda ma tiħux għaliha b’ħafna mistoqsijiet żejda jew barra minn lokhom. Imelda għalqet il-bieb fejn tidħol Lina. Ħabbitha daqskieku kienet tassew tagħha minn twelidha, u ma riedet taf b’xejn aktar. Daqskemm ma kienx ta’ l-għaġeb kif in-nutar laqa’ lil Pawlu taħt l-istess saqaf. Pawlu tiftakru jibda bħala xufier man-nutar meta dan daħħal karrozza mingħajr ma kien għadu jaf isuqha. Qabel l-inċident li ħallih mingħajr id-dawl t’għajnejh, Pawlu kien dħuli ma’ kulħadd u jmidd idejh għal kollox. Imelda, b’mod partikolari, kienet il-mimmi t’għajnejh. B’ġentilezza u ħlewwa bla qjies, kien iħuf madwarha ta’ kull ħin, ħerqan li jaqdiha f’kulma jkollha bżonn. Bis-saħħa tiegħu bdiet ta’ kultant tara wkoll ix-xemx ta’ barra meta kien joħroġha għal dawra bil- karrozza. Kienu jiġbdu lejn San Pawl il-Baħar u jibqgħu sejrin madwar il-kosta sa Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, ix-Xatt tas-Sliema u l-Gżira, u lura d-dar mill-wied tal-Imsida. Meta l-ħin ma kienx jippermetti, kienu jaslu biss sa l-Għolja ta’ l- Għargħar, fejn fiż-żmien il-familja tagħha kellhom dar antika, li llum twaqqgħet. Hawn Imelda tiftakarha fi tfulitha tgħaddi l-Ħdud timraħ u tiġri m’oħtha u ħbiebhom fix-Xagħra ta’ Santa Margerita, f’Wied Għomor sa tal-Minsija. F’imnifsejha kien għad fadlilha l-fwieħa tas- sagħtar u l-plejju meta mat-tfal l-oħra lagħabet fuq il-blat għeri ta’ 98

P:100

dawk l-inħawi. Mhux li għażlu li jibqgħu joqgħodu hawn minflok li bħal ħafna oħrajn niżlu għall-irdoss u l-kenn tal-wied ta’ Birkirkara. Darba minnhom, ftit qabel il-korriment ta’ Pawlu, għażlu li jtawwlu l- ħarġa billi ġibdu lejn il-Mosta u mbagħad għaddew miż-Żebbiegħ, l- Imġarr, il-Ġnejna u Għajn Tuffieħa, mnejn spiċċaw San Pawl il-Baħar u d-dawra tas-soltu. Dakinhar iddawwru li ġew lura u dan deher li għaddab sew lin-nutar li ried ikun jaf il-għala dan. Meta qalulu, aktar għamel buli u b’herra ġibed lil Imelda lejn kamritha, fejn taha ħasla papali kif wieħed seta’ jikkonkludi mill-agħjat li nstema’ ħiereġ mill- magħluq. Pawlu tal-lum, skont Karla, m’għandu x’jaqsam xejn ma’ Pawlu li kienet taf dak iż-żmien. Mhux għax ta’ min jistagħġeb, bix-xorti ħażina li messitu, li nagħlaq fih innfisu, imma xorta waħda ma tarax l-għala lilha ta l-ġenb għal kollox. Li ma kienx għalhekk, kienet tisilfu għajnejha biex iżomm kuntatt aħjar ma’ dak li għaddej fid-dinja ta’ madwaru, hi li kellha ħażna hekk kbira ta’ tagħrif fuq dan u l-ieħor, u dik u l-oħra. Meta s-sinjuri kien jmorru fid-dar tal-villeġġjatura f’San Ġiljan kienu jeħduha magħhom, imma qatt ma rifset l-għatba tar-razzett fiż- Żebbiegħ. Lanqas eżatt fejn qiegħed ma kienet taf. Mingħajr ma taf tispjega l-għaliex, xi kultant kienet tħossha għajjura għal dik li n-nutar ħalla f’idejha li tieħu ħsieb dar-razzett. Għajjura għax din – Katrin? – ma kellhiex tħabbat wiċċha ta’ kuljum man-nutar kif kellha tagħmel hi. Magħġuna flimkien, dawn il-kurżitajiet kienu jlewwnu xi ftit il- monotonija ta’ ħajjet Karla, rutina waħda ta’ xiri, faċendi u qadi 99

P:101

mingħajr wisq apprezzament u għożża minn dawk li kienet taqdi. Kienu wkoll iżommu ħsiebha ‘lbogħod minn monotonija oħra ta’ ħajja, meta terġa’ lura lejn darha u ma ssibx ma’ min tgħid kelma. Kien hemm żmien meta kellha zijietha toqgħod magħha. Imdaħħla sewwa fiż-żmien, din spiċċat biex kellha bżonn min jieħu ħsiebha l-ħin kollu. Karla ma setgħetx tagħmel dan mingħajr ma titlaq xogħlha ta’ seftura man-nutar. Imbagħad mnejn ser taqla’ x’tiekol? Iz-zija għalhekk spiċċat l-Imgieret. Karla nnifisha dan l-aħħar beda jkiddha ħsieb ieħor. Is-snin ġmielha kienet iġġemmagħhom, u issa bdew jagħmlu tagħhom. X’ser jiġri minnha meta ma tkunx għadha tiflaħ għax-xogħol? Xi ħaġa żgħira mfaddla kellha, imma mhux biżżejjed biex tlaħħaq mal-ħajja. In-nutar żammha lura wisq f’dil-ħtieġa. In-naqra ta’ paga li jgħaddilha fil-ġimgħa qajla setgħet twarrab xi ħaġa minnha. Imn’Alla li Imelda ma kinitx tixxaħħaħ magħha fil-flus li tgħaddilha għax-xiri. Bil-għaqal u l- melħ ta’ moħħha kienet issib kif iżżomm xi ftit minnhom għaliha meta tagħmel il-kont. Qalbha ma kinitx treqqha minn hekk. Fl-aħħar mill- aħħar ma kinitx hi li tiġġebbed f’kollox għal prezz aħjar? X’hemm ħażin li dak li tiffranka żżommu għaliha? Issa deher li xirfet kurżità oħra fuq ix-xefaq. Hi li dejjem emmnet li ma jgħarralha xejn, xammet li bejn Lina u t-tifel ta’ Vitor u Ġuża nibtet ġibda li qarrbithom lejn xulxin. Jekk le, x’kien li ġiegħel lil Lina tieħu daqshekk interess f’Leli fid-darbtejn li rifes l-għatba ta’ biebhom? Lina kien għadha ma fetħitx qalbha magħha dwar dan, imma tiha ftit żmien ieħor u tara kif issir taf aktar. Importanti li jiġri dan biex tkun taf 100

P:102

minn qabel kif ser iġġib ruħha meta kollox joħroġ fil-beraħ. Kif ser jeħodha n-nutar li Lina sabet ġuvni għaliha? U Imelda li b’hekk tispiċċa biex titlef l-ankra li żammitha fil-wiċċ f’dinja nieqsa tista’ tgħid minn kull emozzjoni għaliha? Ma’ min ser iżżomm f’każ ta’ konflitt biex issalva ġildha? Dawn il-konsiderazzjonijiet aktar milli ħassbuha, imlewha b’ħerqa li tfittex tikxef dak li deher għadu mistur. Tqanqil ta’ dix-xorta kien li jżommha tiffunzjona lil Karla. 101

P:103

19. Ħassejtni li dnibt meta qarrast wiċċi lejn ix-xbieha tal-Madonna tal-Ħerba s-Sibt ta’ meta kelli niltaqa’ ma’ Leli u dan ma tfaċċax. Xi ħtija kellha l-Madonna lanqas jien ma naf. U kif stajt? Għaliex kont daqshekk pronta li nippretendi li lil Leli ser iġġibuli hi? Forsi għaliex kont qtajtha f’qalbi li l-ġibda ta’ bejnietna twieldet fil-ġenna? Kien il- biża’ li għandu mnejn li għaġġilt wisq li emmint li kollox ward u żahar mill-ewwel għalina? It-tweġiba fittixtha l-għada mingħand Dun Karm qabel il-quddiesa tad- disgħa, f’riġlejn il-konfessinarju. “Nifhem li m’għadikx f’salib it-toroq milli qed tgħidli?”, fakkarni. “Le, Dun Karm, naħseb li sibt it-triq li rrid li naqbad.” “F’dak il-każ żomm quddiem għajnejk, binti, li kull imħabba li jixirqilha isimha trid tidwib fin-nar qabel tieħu l-forma fuq l-inkwina.” “Aħfirli li dnibt fis-suppervja tiegħi li ppretendejt bi dritt li l-Madonna tħoll id-dubju għalija.” “Qabli ħafritlek hi li tħobbna lkoll b’imħabba t’omm. Ma tagħmilx ħażin li tqiegħed quddiemha dak kollu li jtaqqal lil qalbek u li tħalli f’idejha li taqlagħlek mingħand binha dak li hu ta’ġid għalik.” Fid-dawl ta’ dal-parir, ilbieraħ dehrli qisu ma kienx. X’differenza mill- ħin li għaddejt barra għar-reżħa fil-ġnien meta wsalt lura minn Tal- 102

P:104

Ħerba. Mit-twegħir, tħaqqiq u nuqqas ta’ qbil li għaddew minn moħħi minkejja li Leli ma kienx hemm biex jismagħni. Mingħand ta’ ħdejna spiss jaqbeż qattus fil-ġnien tagħna, li miegħu għamilt ħbieb mill-waqt li tajtu x’jiekol. Ilbieraħ filgħaxija ġie jarani wkoll u qabeż f’ħoġri. Kien miegħu li ferrajt qalbi mweġġa’. Pawlu, jekk qatt seta’ jintebaħ x’inhu għaddej mingħalija – u kif seta’? - baqa’ sieket wara t-tieqa ta’ kamartu. Il-lejl anqas u anqas ma kien ħanin miegħi. Sa ma ġagħalt lili nnifsi nagħlaq għajnejja, fid-dawl tal-lampa ta’ ħdejn rasi, rajt f’kantuniera tas-saqaf tal-kamra, dik l-aktar bogħod mis-sodda, qatra ilma qed tifforma. Fakkritni li taħtha kont rajt roqgħa niedja fl-art jiena u nbiddel ħwejġi għas-sodda. Issa fhimt li s-saqaf kien qed iqattar wara x-xita li għamlet dakinhar filgħodu. Għada ngħarraf b’dan liz-ziju. Jew aħjar liz-zija? Jew lil Karla? Skont xi tkun il-burdata. Sadattant, il-qatra mtliet u waslet biex taqa’ taħt it-toqol tagħha stess. Bħal demgħa li tfur fi xfar l-għajnejn qabel ma’ ġġelben mal-ħaddejn. Minn dawn kelli ħafna llejla. Il-bqija tal-lejl sa ma wasal biex iserdaq il-jum għaddejtu nitqalleb f’soddti, u ma narax meta ser jgħaddi. U meta fl-aħħar għajni marret tassew bija, ħlomt li wasalt f’tarf mixja twila tul telgħat għoljin. Saqajja ħaffew il-pass u wiċċi tbissem issa li stajt nisma’ ilħna familjari resqin jitgerrbu ‘l isfel mat-telgħa. L-aħħar telgħa, u l-mixja nbidlet f’ġirja f’ferħ ta’ ġenn li nfittex nasal. Meta ħsibt li kont tlifthom, sibt jistennewni biex jilqgħuni liz-zija u z-ziju, lil Pawlu u ‘l Karla u, fuq 103

P:105

quddiemnett Leli b’dirgħajh miftuħa beraħ, ilkoll kemm huma bi dmugħ ta’ ferħ u sodisfazzjon iġelben ma’ ħaddejhom. Qomt f’burdata aħjar bis-saħħa ta’ dil-ħolma, u ġrejt lejn il-kamra tal- banju biex l-ilma jaħsilli kull ħjiel t’ansjetà li kien fadalli. Dakinhar, wara l-quddiesa tad-disgħa, iz-ziju kien ser jeħodni maz-zija ż-Żejtun għall-festa ta’ Santa Katerina. F’nofsinhar, konna mistednin għall-ikel fil-każin tal-Banda Beland għax il-banda tar-raħal, li tagħha z-ziju l- president, dis-sena ħadet sehem fil-festa f’ġieħ dil-qaddisa. Il-jum minn sbieħu jurik. L-ewwel fil-messaġġ f’ħolma li qawwieli qalbi li mhux kollox mitluf, imbagħad fid-duwa ta’ kliem ta’ maħfra minn fomm Dun Karm; u biex tassew li l-borma toqgħod fuq tlieta, fil-laqgħa ma’ Leli, jekk laqgħa tista’ ssejħilha, fi triqtna għaż-Żejtun. Ma nistax nemmen li, rekbin fuq quddiem, iz-zija u z-ziju ma ndunawx x’qed jiġri meta għonqi kont għoddni qlajtu minn postu biex ma nitlifx lil Leli mid-dehra, u meta kulma fadal min-naħa tiegħu kien li jiftaħ il- bieba tal-karrozza u jiġbidni ‘l barra miegħu. Kien li kien, wasalna ż- Żejtun bis-sliema mingħajr ma lissnu xejn dwar dan. Santa Katerina setgħet baqgħet fin-niċċa għalina għaliex ftit wara l-ikla fil-każin iz-ziju ħassu ma jiflaħx, u kellna nerġgħu lura d-dar qasir żmien. Ħsibt li kienet skuża tiegħu biex jeħles minn xi wħud madwar il- mejda li ma dehrux li niżlulu. Imma mhux hekk. Għall-ħabta tas-sitta kellu taqliba kbira, u Karla, li dakinhar daħlet għax-xogħol biex tħejji x’jiekol lil Pawlu kellha tiġri tmur tfittex tabib. Fil-fehma tat-tabib, iz-ziju kellu attakk qawwi ta’ appendiċite u ħtieġlu jmur l-isptar mill-ewwel. L-ambulanza, li sejjaħ it-tabib innifsu, waslet 104

P:106

wara xi għoxrin minuta u z-ziju spiċċa l-isptar San Luqa għall-kura li kellu bżonn. Qalbi ma tifraħx bl-inġustizzja, imma biz-ziju barra mid-dar, l-arja ta’ ġo fiha tbiddlet minn lejl għal nhar. 105

P:107

20. Meta kont tfal, kont nitkellem ta’ tfal, inħoss bħat-tfal, u naħseb bħat-tfal. Mhux aktar. Għadni nagħder, għadni nittama u nissaporti, imma mhux nemmen b’għajnejja magħluqa. Id-dehra tad-dinja mkebba fit-tajjar saret waħda fil-bogħod. Wara li ħadu liz-ziju l-isptar, iltqajna lkoll madwar il-mejda ta’ l-ikel, jiena, iz-zija, Pawlu u Karla. Iz-zija nsistiet li Karla tpoġġi magħna fuq il- mejda fejn soltu sservi l-ikel u tgħib mix-xena. Il-kliem li ngħad bejnietna kien mill-anqas, kulħadd medhi li jsib saqajh f’sitwazzjoni li ħadd ma stenna ser tinqala’. Iz-zija u Karla ftehmu li l- għada jaqbżu sal-isptar biex jaraw iz-ziju kif ikun għadda. Jien għażilt li nibqa’ lura għaliex f’moħħi beda jberren ħsieb kif nista’ nagħmel kuntatt ma’ Leli. U kif soltu nagħmel meta ma nafx x’naqbad nagħmel, hekk kif warrab kulħadd minn fuq il-mejda, tlajt f’ħoġor it-tieqa ta’ kamarti. Nhar ta’ Ħadd in-nies tinġabar f’darha kmieni aktar mill-ġranet l-oħra tal- ġimgħa. Minħabba f’hekk it-triq ta’ taħti kienet imneżża’ minn kull sinjal ta’ ħajja. Kellu jgħaddi ftit tal-ħin mhux ħażin biex f’kantuniera fin-naħa t’isfel rajt tnejn jitgħannqu u jitbewwsu f’roqgħa dell li għattiet ħafna minn għemilhom. Meta fl-aħħar infirdu mit-tgħanniq ta’ xulxin, hi ġibdet ‘il fuq, u hu reġa’ lura mnejn ġew. Lilha rajtha drabi oħra tiela’ u nieżla mit-triq fis-siegħat ta’ filgħaxija, imma qatt qabel ma kellha ‘l ħadd magħha bħal-lejla. Żbaljat Karla 106

P:108

meta darba ratha għaddejha minn din l-istess tieqa ta’ kamarti u pinġietha bħala mara tat-triq? Issa li t-triq reġgħet baħħ, ħarsti ntrefgħet lejn is-sema ta’ fuqi. Qamar tond ħeba fid-dija tiegħu kull kewkba li żammitlu kumpanija. Minn ħin għal ħin inħeba hu wkoll wara s-sħab miexi ħafif quddiemu. Minnu li l-qamar għandu f’idejh it-tmun ta’ kollha kemm hi n-natura? Ma nemminx bħal ħafna minn niesi li għandu setgħat speċjali u sopranaturali jew maġiċi. Li jkolli ngħid dak li hemm mistur fih hu s- seħer li għandu f’għajnejn il-maħbuba li jerfa’ ħarsithom lejn il-ġenna ta’ fuqhom u jżejjen bid-deheb u l-fidda l-ħolm tagħhom ta’ mħabba. Għal dawn, il-qamar jekk tfittxu, ifittxek, u jekk ma tfittxux, ma jfittxikx. Bħalhom, illejla nħares lejh bil-ħajra. Min jaf Leli ta’ qalbi hux diġà taħt il-frix? Min jaf hux jaħseb jew joħlom bija? Mindu nżajt il-libsa ta’ tifla biex xiddejt dik ta’ l-imħabba, qalbi dejjem għatxana għalih li seraqha. Ma tolqotnix ix-xemx binhar jew il-qamar billejl jekk ma nerfax għajnejja ‘l fuq u nara xbihetu. Riġlejja jogħtru u la nongħos u lanqas norqod jekk mhux fi ħsiebu. Grazzi, Mulej, li jassart qalbi fl-imħabba! Noħlom b’għajnejja miftuħa saħansitra taħt il-frix tas-sodda fejn sibt ruħi mimduda wara li għalaqt it-tieqa, l-arloġġ ta’ ħdejn rasi, għaddej itektek kull sekonda, għarrafni li kienu qarrbu l-għaxra ta’ billejl. Imma lanqas sinjal ta’ ngħas minkejja l-ħemda ta’ madwari, x’ħin dehrli li smajt bieb jitbexxaq. Tgħid iz-zija naqasha xi ħaġa? Karla marret lura 107

P:109

f’darha fuq insistenza taz-zija. Issa ma baqax ħliefi li ndur biz-zija f’każ ta’ bżonn. Meta qomt minn soddti u mxejt lejn, u bexxaqt, il-bieb ta’ kamarti, stajt nara li kienet tassew iz-zija li kienet ħierġa minn tagħha. Ma kinitx il-kesħa ta’ l-art taħt saqajja ħafja li ġagħlitni nagħmel pass lura, imma l-manjiera kif iz-zija, s’issa b’darha lejja, għalqet artab artab il-bieb ta’ kamritha biex ma tagħmilx ħoss. Kien x’kien li ħariġha mill-kamra, deher ċar li ma riditx li ħaddieħor ikun jaf. X’ħin erġajt ittawwalt minn bejn il-bieb imbexxaq biss pulzier, rajtha nieżla nkiss inkiss it-taraġ, tħares ‘l isfel biex issib kull tarġa fil-ftit dawl minn lampa mħollija tixgħel matul il-lejl fl-indana t’isfel. Il-kurżità għelbitni u, fuq ponot subgħajja, mxejt għal warajha, attenta li ma taranix u lanqas tismagħni. Minn fuq it-tarġa t’isfel rajtha tiġbed lejn tarf il-kuridur fid-direzzjoni tal-ġnien. Sejra tfittex fil-kċina xi ħaġa x’tiekol jew tixrob, ħsibt. Imma tqarraqt. Minflok fil-kċina daħlet fil- kamra ta’ Pawlu, u kien għadha hemm meta qtajtha li mmur lura f’kamarti. In-ngħas li ma riedx jasal, issa tarli għal kollox. L-arloġġ qalli li kienu saru l-għaxra u kwart ta’ billejl. Bil-bieb tal-kamra mħolli mbexxaq, bilqegħda fuq is-sodda b’dahri mserraħ fuq l-imħadda ta’ warajja, u b’widnejja miftuħa beraħ għal kull ħoss, rasi kienet ser tibda tixxengel ‘l hawn u ‘l hinn meta smajt bħal taħbita fuq il-puġġaman. Did-darba tirt mis-sodda u ħriġt niġri minn kamarti. Iz-zija kienet fuq l-aħħar tarġa sserraħ mal-puġġaman. 108

P:110

“Serraħ rasek, kont ser naqa’ imma ma ġrali xejn. Qomt nieħu tazza ħalib mill-kċina għax ma stajtx norqod”, gidbitli, “mur lura f’kamartek.” L-arloġġ issa kien juri l-ħdax u nofs ta’ billejl. Kemm hi twila l-mistennija ta’ matul il-lejl. Mhux li jfittex isir il-ħin għall-kolazzjon. Tgħid jirnexxili nisraq mingħajr ma nistaqsi xi ħjiel mingħand Pawlu jew iz-zija dwar l-avventura ta’ dal-lejl? 109

P:111

21. Gawdenz instab li kellu bżonn operazzjoni biex ineħħulu l-appendiċite li kienet iffjammatlu. Din kellha ssir l-għada u wara kien jeħtieġlu joqgħod ftit jiem oħra l-isptar sa ma jirkupra sew. Il-ħsieb li jmur taħt is-sikkiena m’għoġbux lil Gawdenz. Imma x’għażla kellu? Li seta’ kien jagħlaq kull xatba u bieb madwaru biex iżomm barra kull indħil fi ħwejġu. Imma fil-qagħda li kien ma setax. Li seta’, bħall-mogħoż tal-muntanji li jferrgħu l-boton u jerħu fix-xagħri l-frieħ tagħhom, kien jagħżel li jeħles mill-għawġ li żaru bogħod minn għajn in-nies. Imma kellu jitqanna li saħansitra jaqsam m’oħrajn is-sala tal- isptar. Biex itaffulu l-uġigħ, l-infermiera ġabulu xi pilloli x’jibla’. Dawn ukoll xtaq li seta’ jgħaddi mingħajrhom. Qabdu biża’ kbir li, mitluf minn sensih, kellu mnejn li jikxef l-ixtur li dejjem ħeba taħt it-tapit. U xi xtur! Fil-kexxun tal-komodina ta’ ħdejn rasu, qabel m’għadda għal dinja oħra b’konsegwenza tal-pilloli li bellgħulu, sab santa ta’ Kristu Ragħaj, li fuq wara kellha stampat il-kliem: Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin / u lil dawk ta’ qalbhom safja. / Imma ‘l dawk li jgħawwġu triqthom / jitlaqhom il- Mulej ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen. Għaliex ġieh f’moħħu Dun Karm hu u jaqra dawn il-kliem? L-aħħar li waqaf jgħidlu kelma fuq iz-zuntier tal-knisja d-diskors reġa’ waqa’ fuq dawk fil-bżonn. Hu tenna d-diska li fil-bżonn l-għażżenin biss, li ma jridux imiddu jdejhom biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom, li dejjem jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom. Did-darba Dun Karm għalaqlu 110

P:112

ħalqu b’silta mill-ittra ta’ San Pawl lill-Korintin: Kieku kelli d-don tal- profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu / kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba / jien ma kont inkun xejn. / U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità / u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba / xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid. “Dun Karm! Dun Karm! Għalfejn tinsisti li tniggiżli qalbi?” sab ruħu jhewden fuq soddtu. Ftit qabel ma daħħluh għall-operazzjoni, waslu jżuruh martu u Karla. Kien għadu storbjat u rasu ddur bih minħabba l-ħolm ikrah li ħolom. “Għalfejn qagħdtu tinqalgħu?” “Għal ftit ma ġejniex ta’ xejn”, wieġbet Imelda, “Qalulna li bħalissa mhux ħin tad-dħul għal dawk li jżuru l-morda. Tawna permess li narawk biss għal ftit minuti. Qalulna wkoll li wara l-operazzjoni ser iżommuk l-isptar għal xi ġranet.” “Imbagħad wieħed jara. Mhux ser noqgħod siegħa aktar milli nista’.” “Toqgħod kemm ikun hemm bżonn, sinjur”, indaħlet fin-nofs Karla. “Lilek ħadd ma staqsiek ... Lill-klijenti tuhom x’jifhmu li ma ndumx ma nkun lura d-dar, jekk le malajr ifittxu ‘l ħaddieħor.” “Tridna nġibulek xi ħaġa meta nerġgħu niġu narawk għada?”, staqsietu Imelda. “Ma jidhirli li għandi bżonn xejn. Tmiddu jdejkom fuq xejn fl-istudju tiegħi. Araw biss li l-klijenti li jiġu jarawni ma tgerrxuhomx.” 111

P:113

Fost dawk li marru jfittxuh aktar tard f’dik l-istess ġurnata, kien hemm wieħed li Imelda, sakemm setgħet tiftakar, qatt ma kienet middet għajnejha fuqu qabel. Deher ftit aktar insistenti mill-oħrajn u biex teħles minnu ħarbitilha li n-nutar kien jinsab l-isptar San Luqa għal operazzjoni. Meta ġie f’tiegħu mil-loppju, Gawdenz ittieħed lura lejn is-sala. Fis- sodda ta’ maġenbu, fuq in-naħa tal-lemin, kien hemm wieħed li kien jidher li jbiegħ is-saħħa. “X’kien li qiegħed hawn?”, ħaseb Gawdenz. Fuq in-naħa l-oħra kien hemm xiħ akka, li diffiċli tgħid hux ħaj jew mejjet, ħlief meta taħrablu xi karba. Ma’ dawn ma ħassx li għandu jkollu x’jaqsam. Min jaf mnejn ġejjin? Jekk mhux ukoll il-qixx u l-mixx bħal ħafna mill-isqaq ta’ quddiemu. Għaliex kellha tmissu x-xorti ħażina li jsib ruħu taħt l-istess saqaf bħalhom? Għamel f’moħħu li meta tiġi l-infermiera jerġa’ jistaqsiha jekk tbattlitx xi kamra ta’ wieħed. Anzi mhux lilha jistaqsi imma lit- tabib tas-sala. Bejn żewġ professjonisti kien hemm aktar possibiltà li jiftehmu. Ma damx ma seħħ li Gawdenz intebaħ li kien fuq binarju żbaljat. Moħħu kien għadu jberren li l-Mulej jitlaq ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen lil dawk li jgħawwġu triqthom. Kien qara sewwa? Biex ikun ċert fetaħ il-kexxun tal-komodina. Is-santa kien għadha hemm, imma flimkien magħha folja karta bi tħażżiża fuqha li regħditu minn ġewwa: LIL KATRIN INSIHA. U TERSAQX AKTAR LEJN IŻ-ŻEBBIEGĦ GĦAX B’RASEK IDUR. “Skużani, ma nafx x’jismek”, staqsa lil dak fuq in-naħa tal-lemin. 112

P:114

“Valent Borġ.” “Valent, għalli jista’ jkun ġie xi ħadd jarani meta kont fis-sala tal- operazzjoni?” “Ma jidhirlix. Li naf li resaq ‘l hawn fattiga, kemm farfar il-komodina u llixxa s-sodda.” “Il-komodina u s-sodda tiegħi biss?” “Għax tgħid dehritli ftit stramba li tiegħi u l-oħra ta’ ħdejk qabiżhom. Ħsibt li minħabba li inti ta’ l-affari tiegħek aktar minna.” “U baqa’ ma reġax ġie lura dan il-fattiga?” “Dik id-darba biss rajtu b’għajnejha. Naqsitek xi ħaġa, sinjur?” “Le ... xejn, xejn!” Dan kien jonqsu Gawdenz, li mill-ewwel għaraf li dak il-fattiga ma kien fattiga xejn, imma xi ħadd li wassal it-theddida li sab fil-kexxun. Kif saret taf daqshekk malajr Katrin li qiegħed l-isptar, jekk min wassal it- theddida għamel hekk f’isimha? Kienu għaddew biss ftit ġranet mill- aħħar li mar jaraha, u għalkemm ma laqgħetux bil-banda, lanqas ma tagħtu x’jifhem li nqala’ xi ntopp bejniethom. Minnu li fl-għaġġla kien nesa jeħdilha l-flus li kien imissu jagħtiha, imma kien hemm drabi oħra li ġara dan u dejjem għamel tajjeb fl-iqsar żmien li seta’. Qatt ma naqas minn kelmtu magħha. 113

P:115

Il-flus li kien imissu jagħtiha! Dawk ħallihom fuq l-iskrivanija fl-istudju tiegħu b’isimha miktub fuq l-invilopp. X’barbuljata daħal għaliha jekk xi ħadd isibhom hemm fl-assenza tiegħu. Gawdenz seħet is-siegħa u l-mument li sab ruħu f’daqshekk twegħir, u bla ħila li jdawwar is-sitwazzjoni favorih minn qiegħ is-sodda tal-isptar, bħalma soltu jagħmel. 114

P:116

22. Għaliex m’għaddilix minn rasi minn qabel li lil Leli stajt nitkellem miegħu bit-telefon? Ma nafx kellux telefon id-dar, imma żgur li kellu wieħed fuq ix-xogħol. Biz-ziju barra mis-saqajn, xejn aktar ma kien ser iżommni li lil Leli nagħtih telefonata. Stennejt li z-zija u Karla jmorru jaraw liz-ziju l-isptar, u kien għadhom fuq l-għatba tal-bieb li fil-but tal-ġlekk taz-ziju, imdendel ma’ pożambrella fl-intrata, sibt iċ-ċavetta ta’ l-istudju. Ħadli aktar żmien inqalleb fid-direttorju tat-telefon biex insib in-numru tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Meta sema’ leħni, Leli ma riedx jemmen lilu nnifsu. Fl-istess ħin intebaħ li ma kienx prudenti li nitkellmu fuq linja ċentrali. “Ibqa’ fejn inti”, qalli, wara li staqsa għan-numru tat-telefon tad-dar tagħna. “Inċempillek jien fuq linja diretta. Ħu nota tagħha kemm-il darba terġa’ ċċempel għal li ġej.” Domna nitkellmu ‘l fuq minn kwarta, b’kompetizzjoni bejnietna min ser jiskuża ruħu l-aktar għal kemm konna baħnana li ma ħsibniex f’dan qabel. “Narak illejla”, għidtlu fi tmiem id-diskursata, mingħajr ma ħabbilt rasi kif ser nagħmel biex noħroġ mid-dar. “Kif? Fejn?” “Nistenniek fil-ħamsa, ħdejn il-bieb ta’ l-istazzjon tal-ferrovija, int u ġej lura mix-xogħol. Tonqosx li tkun hemm fil-ħin.” 115

P:117

“Tħabbilx rasek. Inkun hemm fil-ħin.” Miexja fuq l-isħab waqt li kien għadni bilqegħda wara l-iskrivanija taz- ziju, ma ndunajtx li l-bieb ta’ l-istudju tbexxaq u Pawlu tawwal rasu ‘l ġewwa. “Lina?” Kemm kien ilu hemm wara l-bieb? Tgħid sema’ kollox? “Jien kollni kemm jien, Pawl.” “Qaltlek x’ħin ser tasal lura z-zija?” “M’ilhomx wisq li ħarġu. Nistenna li ma jkunux hawn qabel nofsinhar. Nista’ nkunlek ta’ xi għajnuna?” “Tħabbel rasek xejn. Meta tlajt fuq u ma sibtekx f’kamartek ħsibt li mort magħhom int ukoll. Ma nfissirlekx kemm hu tqil għalija li nsib ruħi kompletament waħdi d-dar.” Waħdu? Mhux hekk iqatta’ ħafna mill-ħin ta’ ħajtu? Jew kien li wara l- kumpanija li sab il-lejl ta’ qabel naqsitu xi ħaġa li s’issa kien jgħaddi mingħajrha? “It-temp mhux mgħarraq, Pawl, għax ma mmorrux it-tnejn li aħna sal- ġnien?” Pawlu ħatafni fil-kelma, u mkebbin aħjar bi ġgieget tas-suf, sibna rwieħna bilqegħda fuq bank fil-ġnien, imrekknin qrib xulxin. 116

P:118

Ma’ Pawlu dejjem ħassejt li stajt niftaħ qalbi. Dak fommu sieket. Mhux bħal Karla li żaqqha tesa’ ħobża u kelma li hi kelma ma tesagħhiex. U b’differenza wkoll miz-zija, li qatt ma ridt ngħabbi b’aktar ħsibijiet milli kellha u li fhimt kienu jirritawha. Issa kien hemm raġuni oħra li ressqitni biex lil Pawlu ntarraflu xi ħjiel dwar x’għaddej bejni u bejn Leli – Pawlu nnifsu kellu sigriet tiegħu x’jaħbi. Xejn ma jwebbilni xort’oħra wara dak li rajt il-lejl ta’ qabel. Sigriet b’sigriet sibna rwieħna pari. Mhux hekk? “Stennejtek ser tistaqsini x’kont qed nagħmel fl-istudju taz-ziju.” “Ma tarax! Xi dritt għandi li nilħaqlek salibek?” “X’hemm ħażin li nafda fik?” “M’hemm xejn li jġagħlek tagħmel dan.” “Nagħmlu minn jeddi u għax irrid, Pawl. Nixtieqek tkun taf li sibt ġuvni li jħobbni u nħobbu.” “M’hawnx għalik. Li kont missierek, nagħtik il-barka tiegħi. Int tfajla b’rasha fuq għonqha, u m’għandux jonqos li għamilt għażla tajba.” “Hekk taħseb?” “Hekk hu... Ħallini naqta’. Mhux jewwilla dak li ftit ilu ġie jgħin lil missieru jiżbor is-siġar tal-larinġ u l-lumi?” “Kollu kemm hu. Kif taf?” 117

P:119

“Ejja ngħidu li qalbi ħebritni meta smajtkom titkellmu mit-tieqa tal- kamra tiegħi.” “Sibtni fl-istudju għax kont qed inkellmu bit-telefon, u wegħdtu li llejla mmur niltaqa’ miegħu.” “M’għandekx bżonn il-parir tiegħi.” “Għandi, għax liz-zija ma nafx kif ser naqbad ngħidilha.” “X’hemm isbaħ mill-verità?” “Ikiddni l-ħsieb li meta jsir jaf iz-ziju wara li joħroġ mill-isptar jeħodha magħha.” “Li jkolli ngħid, wasal iż-żmien li z-ziju ma tibqax tgħaddi dejjem tiegħu. Darba jew oħra xi ħadd jeħtieġ li jiqaflu.” “Imma z-zija? Daqskemm hi ġwejda dik!” “Qatt tħares biss lejn il-qoxra ta’ barra. Mara miċħuda warrab kusek minnha!” Din ta’ l-aħħar dehret li ħarbitlu ‘l Pawlu għax waqaf ħesrem milli kien qed jgħid u waqa’ fil-muta. Sa ma reġgħu lura z-zija u Karla, bqajt intella’ u nniżżel kif ser ngħid lil ta’ l-ewwel, mingħajr ma tkun taf l-oħra, x’kien beħsiebni li nagħmel illejla. Il-kliem ma jqumx flus, sibtni ngħid lili nnifsi. Sa ma xi ħadd jitkellem ma’ ħaddieħor, jibqa’ l-kuntatt bejniethom. Imma jekk jagħżlu li jżommu kollox mistur, jaslu biex jagħlqu kull bieb fuq xulxin u 118

P:120

jibnu ħitan ogħla li jifirduhom. Mhux sew li jiġri hekk bejni u bejn dik li ħabbitni bħal bintha, hekk li sirt insejjħilha ‘ma’. Wara li trejjaqna għall-ħabta tan-nofs siegħa, ġbidt liz-zija minn dirgħajha fid-direzzjoni ta’ l-istudju u għalaqt il-bieb warajna. “X’fettillek tiġi hawn mid-dar kollha. Ma tafx li z-ziju ma jrid lil ħadd jidħol fl-istudju?” “Għalissa lil dak ħallih fejn jinsab. Hemm xi ħaġa xi rrid ngħidlek, ma, li ma tistax tistenna. Minn ftit żmien ‘l hawn ħabbejt ġuvni li llejla wegħdtu li ser immur niltaqa’ miegħu.” “Hekk malajr? Fejn? Kif?” “Tħabbilx rasek. Mhux ser nitbiegħed ħafna mid-dar u nkun lura qabel jidlam.” “Napprezza li qed tiftaħ qalbek miegħi, imma ma taħsibx li qegħda tgħaġġel xi ftit?” “Ma, jekk ma nagħmilx bħalma qed tgħidli qalbi, żgur li jisgħob bija.” “Ma rridx li nkun jien li nweġġagħlek qalbek billi nġagħlek tibdel fehmtek. Fejn iltqajt ma’ dal-ġuvni? Tgħidlix li ilek tafu minn żmien il- kulleġġ?” “Temminni jekk ngħidlek li ltqajt miegħu taħt dan l-istess saqaf? Li minn dakinhar ‘l hawn kull darb’oħra rajtu l-knisja u mkien ieħor?” Iz-zija m’għarfitx tweġibni, imma stajt nara li f’moħħha bdiet tpinġi ‘l Leli, li ma kinitx għadha qatgħet li kien hu, bħala ġuvni sewwa. Jien 119

P:121

kont pronta li dil-pawsa nużaha bħala kunsens mingħand iz-zija li stajt immur niltaqa’ ma’ Leli. Wasalt ħdejn il-venda tal-karrozzi tal-linja ta’ Birkirkara meta kien għadhom il-ħamsa neqsin kwart. Ma kellix sabar nistenna li jsir il-ħin li nara ‘l Leli. Sa ma jgħaddu l-ftit minuti li kien fadal, waqaft quddiem it- teatru tar-Roxy u għamilt ta’ birruħi li qed nara x’films kien hemm għall-wiri. Wieħed mill-kartelluni spiċċa biex ġibidli l-attenzjoni – ‘The Sound of Music’. Ftakart li meta dal-film intwera għall-ewwel darba kellu suċċess enormi. Kulħadd jgħid fuqu, imma mhux iz-ziju li kien idawwrilna d-diskors kull meta jien u z-zija wrejna x-xewqa li mmorru narawh. Nara kif jaħsibha Leli, għaddieli minn moħħi. Għandu mnejn li ma jgħidlix le jekk nistaqsih iridx li niġu narawh flimkien. Leli wasal u sabni nistennih nieżel mill-karrozza tal-linja. Spalla ma’ spalla, mingħajr ma nafu ‘l fejn qed tmexxina qalbna, ġbidna lejn ir- rixtellu ta’ dak li fl-imgħoddi kien l-istazzjon tal-ferrovija. Dħalna u mxejna lejn bank vojt, taħt il-kampnar u s-saqaf imwaqqa’ tal-knisja l- qadima. Sadattant konna għadna lanqas lissinna kelma. Bilqegħda fuq il-bank taħt siġra għolja li min jaf kemm kennet maħbuba oħra qabilna, tajna ħarsa madwarna, u meta rajna li ma kien hemm ħadd aktar fil-qrib, ħadna jdejna f’idejn xulxin. “Nixtieq li dal-waqt ma jtemm qatt.”, qalli kollu mistħi Leli, “Ma bsartx li ser jasal u għadni bilkemm irrid nemmen li qegħda ħdejja.” “Lina tiegħek mil-lum m’għadhiex li kienet. Sal-bieraħ kont dejjem intella’ u nniżżel kif ser inġieb ruħi maz-zijiet meta jasal il-waqt. Il-waqt 120

P:122

deher li wasal meta ħadu z-ziju l-isptar, u qtajtha li mhux ser inħallih jaħrabli. Miz-zija, il-Bambin iberikha, ma sibtx xkiel.” U bqajna niftħu qlubna, mingħajr ma nidħlu fid-dettal xi nħossu għal xulxin, għal madwar nofs siegħa. Meta ntbaħt li beda jidlam u ftakart li kont wegħedt liz-zija li nkun lura d-dar qabel ix-xemx tkun niżlet għal kollox. Imxejna flimkien, mhux aktar id f’id milli qrib ta’ xulxin, sa fuq il-pont tal-wied meta dehrilna li jkun aħjar li kulħadd jibqa’ sejjer għal rasu biex ma nagħtux fil-għajn. Imma mhux qabel ma ftehmna li fi tmiem il-ġimgħa mmorru naraw flimkien ‘The Sound of Music’ fil-wirja ta’ wara nofsinhar. Qatt ma bsart li sa ma jasal dakinhar ser narah hekk twil. Imn’Alla li kien hemm it-telefon biex ta’ lanqas darba kuljum iġiebna flimkien. 121

P:123

23. L-operazzjoni ġiet u għaddiet b’wiċċ il-ġid, għarrfuh it- tobba. Erbat ijiem oħra u Gawdenz jerġa’ lura d-dar. B’dankollu, dan lilu ma serraħlux moħħu. Kien għadu ma jafx kif ser jiffaċċa t-taħbila ta’ Katrin. Meta kien għadu tfal, meta n-nemel jibda ħiereġ mill-bejta wara l- aħħar xita tar-rebbiegħa biex isib ħażna ġdida ta’ ikel, kien joqgħod għassa li l-ewwel waħda minnhom li jilmaħ joqtolha. B’hekk, kien jemmen, din ma tmurx lura lejn sħabha u tgħarrafhom fejn sabet l-ikel biex wara huma wkoll jagħmlu bħalha. Hekk għix ħajtu. Malli jxomm l-għawġ riesaq ikun pront jaqtagħlu rasu, skont hu. Issa beda jintebaħ li kull darba li jiġri dan, kellu jħallas prezz, dejjem fl- istess munita – parti minnu nnifsu. Naqqas u erġa’ naqqas ser jispiċċa li ma jibqax jagħraf lilu nnifsu, u kien jaf li fl-aħħar ser jispiċċa battâl għal kollox, bil-brimb jinsġu l-għanqbut fil-ħofra ta’ qalbu. Il-qtigħ il-qalb niżel fuqu bħal sħaba sewda, u sogħob bih li ma kienx id- dar qrib il-flixkun. Għalkemm deher ċar li minn hawn ‘il quddiem xejn mhu ser jeħilsu mill-kundanna ta’ ħajja nieqsa minn kull sens ta’ valur. Ma’ martu għażel li jgħix driegħ ‘ilbogħod minnha għax ried hu. Kienet il-fissazzjoni żejda tiegħu – le? - li snin ilu wasslitu jemmen li kienet qed tagħti wisq wiċċ lil Pawlu, hekk li ra kif għamel biex ivvendika ruħu minnu. Xi ħtija kellha li ma setgħatx ikollha tfal? Jekk xejn, kienet 122

P:124

tassew bla ħażen li qatt m’għarfet li kien imbroljha m’oħtha qabel iż- żwieġ. Li ma kienx għal għajn in-nies, u l-fatt li Ġannina webbset rasha li tiżżewweġ lil Nikol, kien jaf jieħu lilha minflok lil Imelda. Kien hemm waqtiet meta twebbel li, minn wara dahar Imelda, ikollu jerġa’ x’jaqsam ma’ Ġannina, imma din qatt aktar ma tagħtu wiċċ wara l- bawxata ta’ qrib il-Buskett. Illum, anqas jekk tħallsu ma jħares lejha, li għotrot u dbielet taħt it-toqol ta’ tarbija wara oħra. Katrin xort’oħra. Fiha dejjem fittex il-pjaċir l-ewwel u qabel kollox, mingħajr irbit ta’ xejn, bħan-naħla li ma tixbax iddur mal-warda u ma tfittixx ħaġa oħra ħlief il-warda. Kien jisker fis-sbuħija ta’ żogħżitha u fis-saħħa ta’ ġisimha. Kienet hemm biex taqdih, lilu biss u kif xtaq hu. X’jaqbad jagħmel mingħajrha jekk tinsisti li taqta’ ż-żarda? X’kien li ma qagħadx aktar attent biex ma toħroġx tqila? Għandu mnejn li mingħajr il-piż tat-tifel ma kien jinbidel xejn bejniethom. Kien wara li welldet li deher li bdiet tagħtih il-ġenb. Kos! Kif inhi l-ħajja! Twarrab minn martu għaliex ma setgħatx ikollha tfal, u dik li qaltlu li tagħtu tifel issa ma tridx taf aktar bih. Ma’ min kien li kixfet kollox dwaru? Min kien li wassallu l-messaġġ waqt li hu kien taħt is-sikkina għall-operazzjoni? Is-sodda ta’ l-isptar ma kinitx t’għajnuna biex tħaffiflu dawn il-ħsibijiet. Xtaq li kien x’imkien fejn seta’ jiżen ħajtu mingħajr aljenazzjoni ta’ ħadd u xejn. Ġieh f’moħħu ż-Żebbuġ f’Għawdex, fejn fi tfulitu missieru kien jikri dar għal ħmistax fis-sena. Ftakar li x’ħin ix-xemx tkun nieżla wara l- għolja ta’ Ġurdan, kienu jitilqu għal Għajn Melel, u jinżlu l-Qbajjar jew 123

P:125

ix-Xwejni, u hemmhekk igawdu l-ħemda u l-kwiet. Mhux li jista’ jreġġa’ ż-żmien lura! Lina baqgħet ma ġietx tarah l-isptar. Bil-guffaġni tiegħu spiċċa li magħha żbalja wkoll. Qatt ma rat fih missier kif kienet ix-xewqa tiegħu meta laqagħha f’daru. Skop ieħor f’ħajtu li ma rnexxielux, xhieda li ma kienx maħluq li jġib ruħu ta’ missier. Lina, madankollu, kien għadha għalih bħal qatra għasel f’ġarra ħall, u sogħob bih li ħallsitu qares f’din l-okkażjoni wkoll. Il-baħar ta’ mrar li kien għaddej minnu deher li ser ikompli jfawwar meta jumejn wara l-operazzjoni ġie jarah Dun Karm. Mad-dehra tiegħu widnejh semmgħuh il-mota li ddoqq wara ta’ l-imwiet. Għal xi raġuni, Dun Karm dejjem kien isewwidlu qalbu bi kliemu. Kliemu kien ħa mkien il-kuxjenza li tilef, u kien iniggżu. “Mela qtajtha li wasalt fl-aħħar?” “Tiddarrasx, Gawdenz. Hekk tilqagħhom il-ħbieb? Jekk tagħżel li mmur lura, arani sejjer.” “Ma tarax! Iġbed siġġu u oqgħod bilqegħda ħdejja.” “Hekk aħjar. Kif tħossok?” “Bħal ruħ mitlufa. Dejjem emmint li l-isptar l-għawġ ikabbru, imma qatt ma ħsibt li daqshekk.” “Titlifx is-sabar u ssib li hu l-aħjar mediċina.” “Min ikun fil-borma bħali jkun jaf xi jħoss.” 124

P:126

“Mela għadek muġugħ? Għandu mnejn li mistqoqsija żejda din li ilek biss jumejn li għamilt l-operazzjoni. Tiġrix biex tasal, ħalli tasal qabel.” “Lanqas li rrid ma nista’ niġri. Għamluli ftit ponti mhux ħażin u sa ma jagħlqu sew bilkemm iriduni niċċaqlaq.” “Nerġa’ ntennilek: titlifx is-sabar. Il-paċi tal-qalb hi bħas-sufra li żżomm fil-wiċċ in-nassi mmażrati.” “Xi jġagħlek taħseb li qed negħreq?” “Dak int qed tgħidu, imma jekk hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel biex intaffilek mit-toqol li għandek, tibqax lura.” “Grazzi tal-ħsieb. Int għandek biżżejjed fuq idejk biex taħli ħinek miegħi.” “A propositu ta’ kemm għandi x’nagħmel. Il-Kumitat tal-Festa għaddielhom ħsieb li għall-Milied, li għoddu magħna, jagħmlu presepju mdaqqas fil-qalba tar-raħal. Sabu ‘l tal-Mużew biex jagħmlulhom il- pasturi u ‘l Vitor Balzan biex jibni l-grotta u r-raħal ta’ Betlehem tal- karta pesta. Jonqos biss fejn ser jitqiegħed il-presepju.” “Mhux fl-intrata tiegħi!” “Neħħiha minn rasek. Talbuni ngħaddilek tarf ta’ kelma biex il- presepju nagħmluh fis-sala tal-każin tal-banda. Qabel jidħol Mejju l- banda ma jirriżultalix li għandha mpenji, u għalhekk il-presepju ma jkunx fin-nofs.” “Jidher li diġà għamiltuha fatta. Le?” 125

P:127

“Mhux jekk ma jaqbilx il-president ukoll.” “U l-oħrajn ta’ madwari? Taf kif jaħsbuha?” “Li tgħid int jgħodd għalihom.” X’għażla ħallielu Dun Karm ħlief li jbaxxi rasu u jgħid iva? B’hekk seta’ wkoll jeħles minnu qabel jerġa’ jistaqsih jekk riedx li jiskorri. Żgur li mhux għandu! 126

P:128

24. Karla ġietha x-xoqqa f’moxtha li ddur dawra mal-istudju tan-nutar mingħajru mas-saqajn. Ma kellhiex għaġġla biex tagħmel dan għax ġurnata qabel ma n-nutar kellu joħroġ mill-isptar, iddennewlu xi ponti u ma kinux ser iħalluh joħroġ qabel tgħaddilu l-infezzjoni. Bin-nutar l-isptar, Lina kienet ta’ spiss ħierġa u dieħla fl-istudju. Dan l- aġir ta’ Lina wkoll qajjmilha kurżità. Ma kellha l-ebda rimors li tersaq qrib tal-bieb biex tara tistax tissemma xi ħaġa u tkun taf x’inhu għaddej. Wieħed u wieħed jagħmlu tnejn, minn kliem Lina fuq it- telefon – żgur li ma kinitx qed titkellem magħha nfusha! – Karla fehmet li Lina għandha namrat. Issa jibqa’ li ssir taf min hu. It-tieni darba li kienet qed tilħaq salib Lina, għal ftit ma qabdithiex Imelda. “Sinjura”, qaltilha biex tgħatti xtura, “meta nista’ ndaffaf waħda sewwa l-istudju?” “Meta ssib il-ħin.” “Kont ser nibda issa, imma dehrli li smajt leħen xi ħadd ġej minn hemm ġew.” “Dik Lina li qed tuża t-telefon. Ħalliha tispiċċa u mbagħad ara x’għandek tagħmel int.” Lina ma damitx ma ħarġet; u bl-ixkupa u barmil bi ftit ilma, flimkien ma’ ċarruta tat-tfarfir f’idejha, Karla ħaffet daħlet hi minflokha. Biex 127

P:129

ma tagħtix ħafna fil-għajn, ħalliet il-bieb imbexxaq, biżżejjed li ma jarawhiex minn barra kif ġab u laħaq, u fl-istess ħin bħallikieku li m’għandha xejn x’taħbi. Ħadet il-ħin tagħha biex tfarfar l-iskrivanija, mhux għax kellha twarrab xi ħafna affarijiet biex tagħmel dawn, imma għax qagħdet attenta li terġa’ tagħmel kollox f’postu wara li tkun flietu sewwa. F’kantuniera tal-ġilda li żżomm il-kartaxuga kien hemm invilopp li għal ftit ma qabżilhiex. Mat-tieni daqqa t’għajn, rat li kien hemm kitba fuqu b’ittri ftit kbar li jispellu l-isem ta’ “Katrin”. Għajnejha nfetħu beraħ, u wara li tat daqqa t’għajn lejn il-bieb biex isserraħ rasha li ma kien hemm ħadd jara x’qed tagħmel, ħadet l- invilopp f’idejha u fetħitu. Fih kien hemm kemxa flus ġmielha. Mur obsor, ħasbet bejnha u bejn ruħha, mela lil dik iħallasha wkoll ta’ xogħlha? Il-ftehim ma kienx li talli tieħu ħsieb ir-razzett tgħix fih mingħajr kera, u li tiekol b’xejn milli tiżra’ u tħawwel fl-art u l-annimali li trabbi? Kulħadd xortih, mhux bħalha li kellha tgħaddi ħajjitha kollha tqanqaċ mill-aħjar li tista’. X’taqbad tagħmel? Naħa minnhom, moħħha qallha biex tgħin ruħha għall-flus li sabet. Imma jekk tagħmel dan żgur li tinqabad. Tgħid lis-sinjura x’sabet? Imbagħad tinkixef li qed tindaħal fejn ma jesagħhiex. Għażlet fl-aħħar li tgħin ruħha għal ftit mill-flus u tqiegħed l-invilopp lura fejn sabitu. Il-kaxxen tal-iskrivanija kienu magħluqin biċ-ċavetta u ma setgħetx issir taf x’hemm moħbi fihom. U għarrxet kemm għarrxet wara l-kotba fil- vetrini u fuq l-ixkaffi ma sabet xejn li jinteressaha. Mhux hekk imma l- bagalja fir-rokna tal-kamra fuq il-lemin tal-iskrivanija. Dik ma ftakritx li 128

P:130

qatt ratha qabel, u ma kinitx sura li tgħid li kienet tan-nutar. Min jaf x’fiha? Qabel ma kellha l-ħin li taqta’ l-kurżità, resqet lejn il-bieb Imelda li staqsietha l-ikla ta’ nofs inhar hiex lesta. “Tini kwarta oħra u tistgħu tibdew tieklu.” Il-bagalja tistenna li tifliha bir-reqqa ħin ieħor la x-xitan ried hekk. 129

P:131

25. Imelda wkoll kienet rat l-invilopp bil-flus fl-istudju ta’ żewġha, kif ukoll il-bagalja fir-rokna tal-kamra. Ma kinitx taf x’taqbad taħseb dwarhom, persważa biss li żewġha kien qed jaħbi minnha aktar milli qatt fehmet. Bilqegħda wara l-iskrivanija tħares fil-vojt, ħassitha għal darb’oħra togħdos ‘l isfel f’diqa tal-moħħ li saret iżżurha ta’ spiss. Is-sintomi dejjem l-istess: kibi u swied il-qalb flimkien ma’ sensazzjoni ta’ qtugħ mill-għeruq, bħallikieku għaddiet għall-għarrieda f’dinja oħra li ma tafx, fejn l-imgħoddi ma jagħmilx sens u li ġej mistur fid-dlam. L-agħar kien is-swied il-qalb li ma jħallihiex tirraġuna miegħu u lanqas twarrbu. Fl-aħħar tinfexx tibki u meta d-dmugħ jieqaf tħossha battâla u mingħajr ħeġġa għal ebda faraġ. X’ħin tħares fil-mera taraha xjieħet u mkidda. Fit-triq tħossha barranija, oġġett tad-daħk għal dawk għaddejja. Ħtieġet l-imħabba u ma kellhiex ħila tesprimiha. Kull kriżi kienet tiekol ftit aktar minnha u tressaqha aktar qrib lejn il-kexxun tal-mediċina, fejn il-flixkun tal-kalmanti jinbixha bi staħjil ta’ nisi. Issa agħar li waslet biex titlef ukoll lil Lina. Lina kienet bħas-sufra tan- nassi mmażrati li żżommha fil-wiċċ. Marbuta magħha, għomot saħansitra f’baħar imqalleb tul dawn l-aħħar snin, aktar w aktar mindu Lina spiċċat il-kulleġġ u kienet ma’ djulha l-ħin kollu. 130

P:132

X’jibqagħlha? Kollox sar jidhrilha li llum hawn u għada mhux. Ma kienet saret temmen fl-ebda rabta, żgħira jew kbira. Ftit jiem ilu, marret b’ħafna biża’ tgħaddi ftit ħin ma’ Pawlu. Meta wasslitu lura f’kamartu wara l-ikla ta’ filgħaxija kien wera x-xewqa li terġa’ tmur tarah wara li kulħadd ikun f’soddtu. “X’hemm ħażin li ngħaddu ftit ħin flimkien illum li nistgħu għaliex żewġek mhux hawn biex jilħaq salibna? Nixtieq nemmen li ta’ darba għal-lanqas hemm int biex meta nkellmek tismagħni, biex insibek qrib tiegħi meta ntawwal idejja lejk. Mhux bħall-ħolm li noħlom, meta nsibni nistenna ‘l xi ħadd ġej u darba jiġi jibqa’ għaddej. Sirt nemmen li lanqas neżisti.” “Jekk nasal li niġi, mingħajr l-ebda rabta?” “Bla rabta, bla wegħda u mingħajr ebda skuża jew ġustifikazzjoni.” Ma sogħob bihiex li qaltlu iva. Pawlu saħħarha bl-istejjer li qalilha. Xejn ma jgħodd li ħafna minnhom qalagħhom minn żniedu biex iżommha għal ħin itwal qrib tiegħu. Mhux għax kellu għalfejn jitħabat wisq għax hi wkoll għoġbitha l-kumpanija tiegħu. Mhux biss, imma ħassitha ħielsa li tiftaħ qalbha miegħu aktar mill-konfessur. U baqgħet b’ħalqha miftuħ kemm il-problemi dehrulha eħfef wara li qaltlu bihom. Għaddew bħal ħolma dawk il-waqtiet ma’ Pawlu. Hekk li ħassitha ngannata minn dehra qarrieqa meta nfirdet minn ħdejh: illużjoni, fantasija ta’ moħħi, impressjoni falza, ħaslet tikkonvinċi lilha nnifisha. 131

P:133

Għax ma tfittix li ssir taf hux minnu jew le? Għax ma terġax tixrob mill- istess għajn, issa li Gawdenz ser ikollu jqatta’ aktar jiem l-isptar? Illejla. Illejla stess, qatgħetha. Meta dehrilha li kien ħin xieraq, reġgħet għaddiet ‘il ġewwa mill-bieb ta’ Pawlu. Din id-darba damet aktar ħdejh u resqu aktar qrib ta’ xulxin, hekk li f’ħin minnhom sabet ruħha tmidd rasha fuq spalltu. Il-ħtiġijiet ta’ qalbha mċaħħda għal daż-żmien kollu ressquha f’tarf l- irdum, imma meta Pawlu tawwal wiċċu lejha hekk li ħasset nifsu jonfoħ fuq tagħha, inġibdet lura minnu. “Daqshekk għal-lejla, Pawl. Ma rridx li meta nqumu filgħodu nħossuna ħatja t-tnejn li aħna u jisgħob bina.” “Kun af li jekk ma tiġix int, niġi jien.” “Naf.” “Tobgħodni?” “Kif qatt nista’ nobgħodok? Imma ma rridx li tisħet lilek innifsek minħabba fija.” Għall-ewwel darba minn meta setgħet tiftakar, emmnet fiha nnifisha. Hi li taħseb, hi li tħoss, hi li tibża’, hi li taf; u dak il-lejl raqdet mistrieħa mingħajr ma ħolmot. 132

P:134

26. Mingħajr twissija ta’ xejn, Fredu wasal lura mill-Awstralja. Lil ommu fittixha, imma ma marx joqgħod magħha, għax kien ġie għal ftit xhur biss, qalilha. Li ma qallhiex kien li, imdorri kif kien fl-Awstralja f’dar kbira bil-kumditajiet kollha, ma niżlitlux li jmur joqgħod fil-gabuba t’ommu fl-isqaq. Lanqas ma qalilha għaliex diż-żjara tiegħu mhux mistennija. “Tgħidx kemm keddejtni li ma bqajtx tiktibli.” “Ġietni opportunita’ ta’ xogħol fi Queensland, in-naħa ta’ fuqnett ta’ l- Awstralja u ma ħassejtx li għandi nitlifha. Fl-aħħar mill-aħħar, ix-xogħol li kien sabli z-ziju tliftu għaliex il-fabbrika li kont naħdem magħha għalqet.” “Imma z-ziju qalli li kont iltqajt ma’ xi tfajla u mort magħha.” “Ma qallekx ħażin, imma ‘l dik tlaqtha għal rasha meta wasalna MacKay u ma rajthiex aktar b’għajnejja. Bejna ma kien hemm l-ebda rbit.” “Xorta stajt tibqa’ tiktibli xi ittra.” “Sa ma drajt il-post fejn mort noqgħod u x-xogħol il-ġdid, kelli ħafna ġiri u taħbit. Imbagħad, taf int, ħaġa taqla’ ‘l oħra, u dejjem ser insib il- ħin u qatt ma sibtu. X’hemm aħjar li tarani wiċċ imb’wiċċ?” Li ġara kien li qabel ma qatagħha li jinżel Malta, Fredu kien mar jara ‘l zijuh Melbourne. Dan għarrfu bil-mewt ta’ missieru, u Fredu - li bil- ħabi t’ommu sar jaf min hu meta kien għadu jgħix Malta - ried li jara 133

P:135

b’għajnejh stess x’kien ġara. Lil missieru qajla kien rah sitt darbiet b’kollox. L-aħħar darba li rah, dejjem minn wara dahar ommu, kien qabel telaq lejn l-Awstralja. Kien żaru f’kamartu, u qabel telaq, missieru urih bagalja. “Meta nagħlaq għajnejja, ta’ ġewwa fiha tiegħek u t’ommok, inkluż roqgħa art li writ mingħand missieri.” Il-bagalja baqgħet f’xi rokna ta’ moħħu, imma qatt ma ta każ aktar tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, x’seta’ kellu missieru tallâb? Dik tar- roqgħa art, b’dankollu, issa li missieru ħalliena, qajmitlu nteress, aktar u aktar għax bis-sold li kien warrab ħolom li jibni dar f’Malta, ħalli ma joqgħodx fiha hu. Biex itella’ l-ġebla kellu, imma mhux biex jixtri l-art li, minħabba l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-aħħar snin f’Malta, saret tiswa d- deheb. It-tieni darba li mar jara ‘l ommu, Fredu kien deċiż li jwaqqa’ d-diskors fuq missieru. Għalkemm għamel ta’ bir-ruħu li ma ntebaħx, ommu ma kienet lissnet xejn dwaru l-ewwel darba li ltaqgħu. “Ma, żgur li m’għandek xejn x’tgħidli?” “Lanqas naf mnejn nibda daqskemm kien ilni ma narak.” “Ma jkunx aħjar li ma noqgħodux induru mal-lewża? X’ġara minn missieri?” “Lil dak lanqas biss nafu. Ħalliek meta bilkemm kont tlaqt timxi, u lili miegħek. Għalija qisu m’eżistiex. Kif tridni nkun naf x’ġara minnu?” 134

P:136

“Ma kellekx għalfejn tmur wisq ‘ilbogħod biex issibu, ftit bibien ‘il ġewwa fl-isqaq. Taħseb li ma sibtux jiena wkoll? Sibtu ngħid, ftit qabel ma tlaqt għall-Awstralja.” “La taf daqshekk għalfejn qed tistaqsi lili?” “Xtaqt li tkun int li tgħidli. Meta sibtu jien qalli b’kollox, imma wissini li ma niftaħx fommi miegħek jekk ma tkunx int li tqajjem is-suġġett. Missieri sogħob bih milli għamel, u kont nistenna li int tagħmel l- istess.” “Xi ħtija qatt kelli?” “Ħtija jew le, stennejt li jiġi minnek li tgħarrafni min tassew jien. Għaliex taħseb li ħallejtek hekk ħabta u sabta? Ma kellix qalb nibqa’ ngħix taħt l-istess saqaf miegħek li żammejtni fid-dlam.” “Issa li għadda għadda, ibni. Lil missierek mhux ser inqajjmuh mill- qabar.” “Ma ridtx taf aktar bih f’ħajtu, u nistenna li l-istess wara mewtu?” “Xi trid tgħid biha din?” “Tibqax tinħeba wara d-diskors, ma! Possibbli li missieri ma ħallielek, jew aħjar ħallielna, l-ebda tifkira tiegħu?” Gejta issa fehmet li binha kien jaf aktar milli ħasbet, u wara waqfa ta’ ftit sekondi biex terġa’ tiġi f’tagħha, talbet lil Fredu joqgħod bilqegħda biex tirrakontalu kollox. 135

P:137

Qaltlu kif kien li ltaqgħu hi u missieru, l-indħil minn omm Nenò li wassal biex infirdu, il-biża’ li dejjem kellha li xi ħadd jisirqilha ‘l binha, u l- għebusija ta’ qalbha li ma ħallithiex taħfirha lil żewġha. Qaltlu wkoll li wara li Nenò ntelaq bil-mod li ntelaq, stħat li tikxef li kien żewġha, u stkerrħet aktar li n-nies issir taf li kien missier Fredu u ‘l binha jibdew jgħadduh biż-żmien. “Fi ftit kliem”, qaltlu, ”il-kobba spiċċat biex tħabblet daqshekk li għażilt li jkun aħjar li ma nqajjimx ħama.” B’ħarsitha msammra fuq Fredu biex tfittex tara kif qed jinżillu dan kollu, meta ħasset li beda jimmolla, qaltlu wkoll bil-flus li ħalla warajh missieru. “In-nutar qalli li m’għandix indum nistenna li jkolli l-flus f’idejja. Ngħid f’idejja għaliex meta ma stajtx insibek kelli nagħmel rikors lill-Qorti biex il-flus neħodhom jien. Issa li qiegħed hawn, naħseb li ser ikolli nibda kollox mill-ġdid.” “Tħabbilx rasek dwar il-flus. Dawk żommhom kollha int li għandek bżonnhom aktar minni. Imm’ inti żgurha li missieri ma ħallilniex xi ħaġa oħra?” “Ħadd m’għarrafni b’xejn aktar. Ma nagħmlux ħażin, b’dankollu, li mmorru flimkien nistaqsu lin-nutar. Xorta waħda jeħtiġilna narawh dwar ir-rikors.” Meta spiċċaw għand in-nutar, dan kien għadu kif ħareġ mill-isptar u ma setax jagħtihom ħafna ħin. Qallhom li ser jara x’jeħtieġ li jagħmel biex 136

P:138

iwaqqaf ir-rikors u jitlob li l-wirt ta’ Nenò jgħaddi għandhom. Imma hu kien jaf biss bil-flus u b’xejn aktar. Huma u ħerġin mingħandu, Fredu lemaħ il-bagalja ta’ missieru fir- rokna tal-istudju tan-nutar u għajnu għokritu. Jumejn wara, Fredu mar waħdu għand in-nutar. Fetħitlu l-bieb tfajla sabiħa f’surtha u ħelwa fil-għajn. Fredu nnifsu, raġel sabiħ u għadu fl- aħjar tiegħu, kien mitluf fuq in-nisa. Id-dehra ta’ Lina niżlitlu għasel, hekk li bilkemm fehmha tgħidlu li n-nutar ma setax jarah għaliex kellu jmur lura l-isptar minħabba xi kumplikazzjonijiet ta’ wara l-operazzjoni. “Għal li jista’ jkun, int ma taf b’xejn dwar bagalja qadima li n-nutar għandu fl-istudju?” “Xi jżomm fl-istudju tiegħu n-nutar mhix biċċa tiegħi”, u għalqitlu l-bieb f’wiċċu bil-herra. Fredu dejjem emmen li jkun aħjar li ma ddendilx kusek miegħu. L- għada reġa’ mar għand in-nutar, u did-darba fetħitlu waħda mdaħħla fiż-żmien. Din ukoll qaltlu li n-nutar għadu l-isptar, u meta staqsa lilha wkoll dwar il-bagalja, weġbitu li hi kienet is-seftura u basta. 137

P:139

27. Leli u Lina nqdew bl-assenza ta’ Gawdenz biex iltaqgħu għal kemm-il darba, dejjem bil-barka ta’ Imelda. Imelda ħin bla waqt ħarġet minn qoxritha. Ħadet f’idejha b’entużjażmu t-tmexxija tad-dar, u kellha f’rasha li issa xejn aktar mhu ser ibiddillha fehmtha, lanqas l- istess Gawdenz li ħasset li kienet ġerrħitu biżżejjed. Il-film ‘The Sound of Music’ għoġobhom ħafna lil Leli u ‘l Lina. Għalkemm kien xi ftit itwal minn films oħra, ma xtaquhx jispiċċa. Jagħfsu jdejn xulxin għal kull tqanqila li ġabilhom f’qalbhom, ma tilfux kelma jew kwadru wieħed milli raw fuq il-liżar. L-imħabba, il-ħlewwa, l-innoċenza, il-qerq, l-hena, il-qsim ta’ qalb, u l-patrijottiżmu tal-ġrajja żżewwġu mat-tqanqil tal-qalb li ħassew għal xulxin, hekk li daqu min- nida tas-smewwiet u l-frott ta’ l-art. Xerrdu kemm-il demgħa, hi xi ftit aktar minnu, b’għoqla fi griżmejhom it-tnejn li l-ġrajja tal-familja Trapp tfittex tintemm b’wiċċ il-ġid. U ssaħħru bil-kant tat-tfal u ta’ Julie Andrews, u l-mużika fl-isfond ta’ l- istorja, l-aktar bl-għanja ‘Edelweiss’, li, lura d-dar, Lina daqqet fuq il- pjanu b’qalbha tiżfen mal-għaxqa ta’ dal-valz. Imelda ddakkret minn Lina taraha hekk ferħana. Mhux li Pawlu kellu d- dawl t’għajnejh! Li kieku, kienet tmur miegħu tara hi wkoll ‘The Sound of Music’. Minflok, laqgħet l-istedina ta’ Karla li jmorru t-tnejn flimkien. 138

P:140

Karla, min-naħa tagħha, kienet ukoll għal qalbha li saret taf min hu l- maħbub ta’ Lina. Għin mhux ftit li rat kif taħsibha s-sinjura dwaru biex hi wkoll tat il-barka tagħha, bħallikieku x’taħseb u tgħid hi kellu x’jgħodd! Gawdenz deher mill-ewwel li kien għadu mhux f’sikktu meta ġie lura d- dar mill-isptar, minkejja li minn erbat ijiem li kellu joqgħod spiċċaw biex żammewh għal ħmistax. Id-deni ma riedx jinżillu għal kollox, u jumejn wara li reġa’ lura d-dar, it-tabib qatagħha li jkun aħjar li jgħaddi ftit jiem oħra taħt il-kura tat-tobba u l-infermiera. Barra mid-deni, lil Gawdenz semgħalu tmermira f’qalbu li xejn m’għoġbitu, imma lilu ma qallu xejn dwar dan, għalkemm ħaqqaq fuq li ħaqqaq miegħu li għandu jwarrab kull tbaqbiq u għejja. Minħabba f’hekk, Imelda u l-oħrajn qatgħuha li jżommu l-kliem mill- anqas fil-preżenza ta’ Gawdenz, bħallikieku ma kien inbidel xejn fl- assenza tiegħu. Ħassew li setgħu jagħmlu dan għal ftit jiem, imma għal kemm aktar ma kellhomx ħjiel. Kien għalhekk li ntrefgħet toqla minn fuqhom li, b’Gawdenz mill-ġdid l-isptar, rebħu ftit jiem oħra biex iħejju minn qabel il-pjan tat-taqbida. L-ilma kien kompla ddardar bl-insistenza ta’ Fredu li jkun jaf x’fiha l- bagalja l-qadima fl-istudju. Kemm Lina u kemm Karla, li laqgħuh fil- bieb, ħassew li għandhom jgħidu b’dan lil Imelda. Ras ma’ ras it-tlieta li huma, spiċċaw biex għarblu dak li kien fiha l-bagalja. Stagħġbu mhux ftit li kulma sabu kienu għadd ta’ karti qodma, uħud minnhom tal- ġurnali. 139

P:141

Lina qalet b’dan lil Leli waqt pasiġġata fit-triq ta’ San Anton. B’moħħhom mistrieħ li ma kellhomx iħabbtu wiċċhom maz-ziju meta jmorru lura, dakinhar idawwru aktar mis-soltu. Meta waslu d-dar kien dalam u ma kont tara ‘l ħadd fit-triq. Lina, li l-bagalja baqgħet tredden fuq moħħha, meta ġew biex jinfirdu quddiem il-bieb, ġibdet lil Leli minn driegħu u daħħlitu ġewwa. “Ejja ħalli nurik il-bagalja”, qaltu. Bejn ħaltejn x’jaqbad jagħmel, Leli daħal warajha u marru dritt fl- istudju. Malli Lina wrietu l-bagalja, “Dik rajtha qabel”, qalilha. “Fejn?” “Għand Nenò t-tallâb”, weġibha. Vitor u Ġuża saru jafu bl-istorja ta’ bejn Leli u Lina minn fomm waħda mill-ġirien tagħhom, li qaltilhom li rat lil Leli ma’ tfajla r-Roxy għall-film tas-Sibt wara nofsinhar. Sa dak il-ħin, Leli ma kienx fetaħ qalbu magħhom, imma meta dak it-Tnejn ommu laqgħetu fil-bieb meta ġie mix-xogħol, wiċċu ħmar nar qabel ma fetħet fommha. Ħass li kien jaf biex ġejja, u ħaseb li jkun aħjar li jgħidilha hu qabel tgħidlu hi. “Jaqaw qalulek?” “Għaliex għandi nisma’ mingħand in-nies?” “Ma ridtx niġri biex ngħidlek għaliex għadna fil-bidunett. Il-Bambin inixxifli lsieni, imma x’jiġri jekk, allaħares qatt, ma nkomplux?” “Lil missierek għadni ma tarraftlu xejn. Imiss lilek li tgħidlu.” 140

P:142

“Tiħux ħsieb, illejla stess wara l-ikel. Lina tfajla tajba, ma. Serraħ moħħok.” Ġuża xtaqet ħafna li sserraħ moħħha, imma sabitu diffiċli li tagħmel dan. Mhux għax ma xtaqitx li Leli jiltaqa’ ma’ tfajla ta’ l-affari tagħha. Hi u Vitor mhux ser jgħixu għal dejjem, u kien ikun aħjar għal Leli li jinġabar f’daru ma’ min iħobb. Imma l-ħsieb li titilfu minn taħt is-saqaf tagħha daqshekk malajr keddha bis-sħiħ. X’jiġri jekk ma tkunx taqbel mal-mara li jagħżel? Imbagħad bla dubju li titilfu għal kollox. Vitor ħasibha xort’oħra. Malli sema’ mingħand Leli li kien sab tfajla għal qalbu, mill-ewwel ħolom li ma jdumx ma jgħaddi ż-żmien u jerġa’ jkollhom xi qrempuċ jew qrempuċa ma’ saqajhom. Jalla ta’ l-aħħar għaliex hu dejjem xtaq li jkollu wkoll tifla barra mit-tifel li kellu. Meta fetaħ qalbu ma’ martu dwar dan, wara li qalu r-rużarju fis-sodda, u qabel m’għajnhom marret bihom, Ġuża malajr dawwret fehmtha. “Li jkollu jkun minn Alla, minflok nitilfu tifel nakkwistaw tifla u wliedhom magħhom.” Dak il-lejl it-tnejn li huma ħolmu b’ġonna miżgħuda bi tfal ċkejknin jilgħabu qalb il-fjuri, ħfif bħall-friefet u wiċċhom għax-xemx. F’wieħed mill-ġonna, Vitor ra wkoll il-grotta li kien qed iħejji għall-presepju tar- raħal. Dehrlu li f’wiċċ il-Madonna lemaħ lil Lina, li kien għadu lanqas biss jafha, u f’dak ta’ San Ġużepp lil Leli. Malli stenbħu f’żerniq il- għodwa ħassew li l-Milied kien wasal kmieni għalihom it-tnejn. 141

P:143

28. Kien it-8 ta’ Diċembru, jum il-Kunċizzjoni. Wara li qaddes tad-disgħa, Dun Karm sab ftit ħin għalih innifsu biex jgħid il- brevjarju. Imbagħad ħaseb li jaqbeż sal-każin tal-banda biex jara kif inhuma sejrin it-tħejjijiet tal-presepju. Fi triqtu għall-każin, waqaf jgħid Ave Maria quddiem l-istatwa tal- Kunċizzjoni fil-kantuniera ta’ dar faċċata tal-Bażilka. Xtaq li, bħalma għamlu dakinhar xi wħud minn sħabu tal-kleru, hu wkoll mar Bormla għall-festa tal-Madonna mnissla mingħajr ħtija, b’turija tar-rabtiet ta’ ħbiberija li minn żminijiet imbegħda l-Karkariżi kellhom mal-Bormliżi. Qatt ma fehem għaliex illum il-Karkariżi u l-Bormliżi jirreferu għal xulxin b’mod xejn meqjus bħala tan-naħa l-oħra. Suppost li kien għadu frisk f’moħħ kulħadd li matul l-aħħar gwerra l-Bormliżi fdaw f’idejn il-Kapitlu ta’ Santa Liena l-egħżeż teżori għalihom – l-istatwa tal-Kunċizzjoni u l- kwadru nkurunat ta’ Marija Immakolata. Kif suppost li ħafna għadhom jiftakru li dawn ittieħdu lura Bormla f’pellegrinaġġ li Malta qatt ma rat bħalu. Mur ifhem moħħ il-poplu! Xhieda oħra din ta’ kemm it- twemmin iressaq lin-nies lejn xulxin u s-saħna tal-politika tifridhom. Messu ħasibha aħjar qabel ma qatagħha li ma setax imur għall-festa tal-Kunċizzjoni. Imma ma’ fejn ser jibda jlaħħaq? Ġimgħa oħra u tkun fuqu n-novena tal-Milied. Dis-sena mess lilu li matul dawn id-disat ijiem iqaddes il-quddiesa tal-Pater Noster meta jkun għadu lanqas sebaħ u li jiċċelebra s-servizz ta’ filgħaxija. Fiż-żewġ okkażjonijiet jieħu sehem il-kor tat-tfal, immexxija mill-organista tal- 142

P:144

Bażilka. Ried jieħu ħsieb li lit-tfal tal-kor ipattilhom tat-taħbit tagħhom billi wara kull quddiesa ta’ kmieni filgħodu jittrattenihom bil-qagħaq ta’ l-għasel u pasti tal-ħelu; u li lejlet il-Milied jippremmjahom b’rigal kull wieħed. Ilbieraħ, bl-għajnuna ta’ soċji tal-Mużew, żera’ l-ġulbiena biex iżejjen l- artal tal-Bambin fil-jiem tal-Milied. Magħha żergħu wkoll l-iskalora. Ma tieqaf qatt, dejjem sejjer minn ħaġa għall-oħra, kien qed jgħid lilu nnifsu Dun Karm fuq l-għatba tal-każin. Imn’ Alla li f’dan l-istaġun tal- festi seta’ jserraħ fuq tal-Mużew, l-iżjed fejn jidħlu l-pasturi maħduma mill-fergħa tan-nisa. Kellhom idejhom taz-zokkor! Meta ftit jiem qabel urewh dawk li kienu lestew, ma setax ma jistagħġibx b’liema reqqa ta’ dettal ħolqu kull wieħed minnhom. Li mhux għad-daqs tagħhom, setgħu jgħaddu b’nies ta’ veru, bil-fattezzi ta’ wiċċhom u l-ilbies ta’ fuqhom. Tat-tafal, kien hemm għadd ta’ anġli; ir-ragħajja u l-bhejjem tagħhom; l-imgħaġġeb – għal quddiem l-għar - għarkubbtejh, bil-kappell f’idu u dirgħajh miftuħa; l-għannejja mgħannqin bħal aħwa; id-daqqaqa taż- żaqq u t-tabal; il-furnara nieżla mill-mitħna biċ-ċurniena tad-dqiq fuq rasha; u l-iġmla u t-tliet Slaten Maġi. Il-Bambin għamluh tax-xema’, kif l-istess in-nagħaġ. Imiss lil Vitor issa li joħloq il-blat tal-kartapesta; u l-ftit djar, xi ħnejja u mogħdijiet tal-kartun. Fuq sehem Vitor għal ftit ma kienx hemm min tlewwem għaliex kienu tal-fehma li minflok il-kartapesta jużaw il- gagazza. Vitor ma ħaqqaqhiex magħhom. “Ġibuli l-gagazza”, qalilhom, 143

P:145

“u nagħmluh tal-gagazza”. Imma ħadd minnhom m’għaraf jixħet dawl fejn isibu l-gagazza. Lil Vitor, Dun Karm sabu għaddej jofroq il-boroż tas-siment u jgħoddos il-karta li jieħu minnhom fil-kolla tal-mastrudaxxa. Kien diġà għatta bl- injam wiċċ il-mejda mdaqqsa, li madwarha kien jiltaqa’ l-kumitat, u li fuqha kien ser jibni l-presepju. Qagħad attent ħafna li l-mejda ma tiġrilhiex ħsara. Jgħinuh fix-xogħol tiegħu kien hemm żewġt irġiel oħra, iħarsu għal ħin twil mingħajr ma jmiddu jdejhom, hekk li setgħu baqgħu d-dar. Vitor ma ħabbilx rasu dwar dan. Ma xtaqx nies mas-saqajn għax kien magħmul li tiegħu biss tajjeb, u ma riedx min ifixklu. Ma’ min jgħid kelma jew iġiblu xi kafè, u xejn iżjed. “Bonġu, Dun Karm.” “Kif miexi x-xogħol, Vitor?” “Tajjeb ħafna. Sa ġimgħa oħra nistenna li nkun lest.” “Tista’ tgħid mal-bidu tan-novena, mela. Aħjar hekk biex dawk li jiġu għaliha nistgħu nħajjruhom jaslu wasla s’hawn ukoll, bit-tfal tagħhom magħhom.” F’dak il-ħin, Dun Karm ra lilu nnifsu id f’id ma’ missieru quddiem il- presepju ta’ Ġanni t-Twajjeb, meta missieru kien għadu ħaj u hu kien għadu tfal. Ftakru jixxabbat bejn in-nies miġbura biex ikun jista’ jara sew, qabel kollox it-tarbija ser ittir bil-ferħ lejn ħdan ommha. Kienet tolqtu wkoll il-furnara. 144

P:146

“Pa, dik x’qed tagħmel hemm?”, darba staqsa ‘l missieru. “Dik tagħmel l-għaġina u ssajjar il-ftajjar biex it-tfal jifirħu u l-foqra jitfarrġu.” Dak iż-żmien, il-presepju tiegħu Ġanni kien jixgħelu bix-xemgħat fix- xfar u l-irkejjen. L-aħħar li rmah, wieħed mit-tfal li ġew jarawh laqat waħda mix-xemgħat u, f’kemm ilni ngħidlek, kollox ħa n-nar. Imn’ Alla li ma nħaraq ħadd. Imma, m’għandniex xi ngħidu, il-presepju ta’ Ġanni ma reġax qam mill-imwiet. Alla jaħfirlu, Ġanni llum m’għadux magħna lanqas hu. Dun Karm fi tfulitu kien tilef għaqlu fuq il-presepju, u minkejja t-taħbit li ġablu dak li twebbel li jtella’ fil-każin tal-banda, ħassu kburi jara l- ħolma tiegħu terġa’ titwettaq. Wara li taptap fuq spallejn Vitor għal kemm-il darba u feraħlu tax- xogħol tiegħu, kien qed jaħseb biex jitlaq lura, meta għaġeb tal- għeġubijiet jasal il-president tal-każin. “Ara ‘l min qed nara bla ma kont nistenna”, laqgħu Dun Karm, “Ikun imbierek Alla li rġajt fuq saqajk, nutar.” “Tiġrix taħseb li għaddieli kollox, Dun Karm. Illum l-ewwel darba li qed nara d-dawl ta’ barra.” Dun Karm lanqas għaddielu minn moħħu li jaħseb li n-nutar ġie f’tiegħu. Wiċċu kien musfar, deher li tilef ħafna mill-piż, u hu u miexi kien jitbandal fuq saqajh. 145

P:147

“Kollox irid iż-żmien tiegħu sa ma jgħaddi. L-importanti li ma naqtgħux qalbna. Kemm ilek indispost, ftakart fik kemm-il darba waqt il- quddiesa.” “Nafulek minn qalbi. Hawn kif inhu sejjer ix-xogħol?” “Tajjeb, kif tista’ tara b’għajnejk. Wara li żortok l-isptar u int qbilt mat- talba biex il-presepju jsir fil-każin, ma tliftx żmien biex għarraft lil Vitor ħalli jibda jarmah. Għadu kif qalli li fi żmien ġimgħa oħra jaħseb li jlesti.” “Nittama li dawk li jiġu jarawh ma jagħmlux ħerba mill-post.” “Biex ma jiġrix dan, mhux ser jitħallew jidħlu tfal waħedhom.” In-nutar ġibed siġġu u qagħad bilqegħda biex ma jogħtorx fuq saqajh. Dun Karm seta’ ma kienx maġenbu għaliex ħarstu, tiġri min-naħa għall- oħra tas-sala, uriet biċ-ċar li ħsiebu kien band’oħra, u mtaqqal għall- aħħar. Biex jingħad kollox, il-wasla tiegħu sal-każin kienet skuża biex jaħrab mill-atmosfera mqanqla f’daru, fejn dehrlu li ħin bla waqt kulħadd kien dar kontrih, fuq quddiemnett Lina li ma ħallitlux dubju li riedet li tgħaddi tagħha, jew terġa’ lura għand ommha. Qatt ma basar li l-każin ser isib lil Vitor, missier Leli, li Lina rabtet qalbha miegħu. Veru li x-xjaten ta’ l-infern qamu lkoll kontra tiegħu, li ma jista’ jsib sabar imkien! 146

P:148

29. Katrin sabet li waslet f’salib it-toroq. Ir-relazzjoni tagħha ma’ Kieli kienet daħlet ‘il ġewwa. Minnu li kien ilhom żmien jgħixu flimkien bħallikieku kienu miżżewġin, imma ħin bla waqt Kieli beda juri li mhux għal qalbu li jkomplu kif sejrin. Kien hemm is-sogru li titilfu jekk ma tagħtix widejn ta’ malajr għat-tanbir tiegħu biex jibdlu triqthom, u jidhru f’għajn in-nies bħala koppja miżżewwġa, li kien għadhom mhumiex. Fis-sigħat kesħin ta’ bejn nofs il-lejl u sbieħ l-għodwa, għajnejn Katrin, imtaqqla bi ngħas, ma ridux jingħalqu. Kieli, min-naħa l-oħra, kien rieqed maġenbha, sielem u moħħu mistrieħ daqs tarbija. Qatt kemm kien ilhom jafu ‘l xulxin ma kien ħabbha bla hedu u bl-istess ħrara daqs dal-lejl. Fl-eqqel tiegħu, il-mewġ ta’ tqanqil mela u far b’qawwa li ħalliethom it-tnejn mifluġa u bla nifs. Katrin qatt qabel ma kienet ta’ qalb kbira u tal-pjaċir ma’ Kieli daqs dal- lejl. Qatt daqs dal-lejl m’għinitu jagħti xhieda ta’ rġulitu. Qatt daqs did-darba kliemhom ma kien fgat fl-isfog ta’ ħlewwa u xenqa għal xulxin. Imma qatt, bħalissa, f’ħajjitha kollha ma ħassitha ħin bla waqt maħkuma u mgħaddsa ‘l isfel mid-dwejjaq ta’ x’ser jiġri wara dan. Wara li ħabbew lil xulxin, Kieli tniehed b’nifs qawwi, għaddas rasu fl- imħadda u raqad mill-ewwel. Mingħajr twissija u sliem, telaqha taqdef għal rasha fis-saltna tal-baħħ. Bħallikieku, wara li laħqu l-eqqel ta’ mħabbithom, kien imiss lilha li ssib it-triq ‘il barra mix-xagħri. 147

P:149

Il-biża’ li ħakmitha meta sabet ruħha f’din is-sitwazzjoni werwritha. Dejjem fehmet li kellha tħallas prezz tal-pjaċir, u qalbha ħebritha li did- darba l-prezz seta’ jkun ogħla milli felħet tħallas. Kieli, minkejja li s’issa għażel li jgħix minn dak li jaqa’ minn fuq il-mejda, ma kienx jixraqlu li jgħix il-bqija ta’ ħajtu żagħżugħa b’dan il-mod. Għadu fl-aħjar tiegħu, b’saħħtu u ħelu fil-għajn, ma kellux jonqos li, kemm-il darba jħoss il-ħtieġa, isib f’ħakka t’għajn lil ħaddieħor biex tieħu mkien Katrin. Mhux hekk hi, li għalkemm żagħżugħa bħalu u mhux ta’ min jarmiha, tgħabbiet b’toqol kbir wisq xi ġġorr waħedha. B’tarbija minn Kieli u l- irbit mar-razzett u sidu, kif qatt toħlom li tista’ taqbad triq oħra? Imma safejn tasal dit-triq li qegħda fiha? L-imħabba ta’ dal-lejl saħħet fehmtha li lil Kieli ħtiġitu maġenbha, tkun liema tkun it-triq il-ġdida li taqbad. F’dak il-ħin, Kieli ċċaqlaq kemm-kemm u dar bħal qattus imreżżaħ bil- bard ifittex il-kenn għar-rdoss tagħha. Għemil f’ħolma, imma li niżlilha ħelu aktar mill-kliem waqt li tawwlet dirgħajha madwaru u ressqitu aktar qrib tagħha. Sa ma żżommu mgħannaq magħha jibqa’ tagħha. X’kuntrast ma’ lbieraħ filgħaxija. Wara li kielu u raqqdu lit-tifel, intasbu t-tnejn li huma fuq sufan wiesa’, hi fuq naħa u hu fuq l-oħra, mingħajr ma jgħidu kelma. Katrin xammet mill-ewwel li dak is-skiet kien is-skiet ta’ qabel il-burraxka. U meta waslu l-irwiefen, waslu fil-qilla kollha tagħhom. “Għadek m’għidtlix x’ser tagħmel biex in-nutar jismagħha minn fommok li ma tridx taf aktar bih”, beda biex qalilha. 148

P:150

“Ħadd ma qabbdek tmur tiġri tfittxu biex tgħidlu. Kulma tlabtek ftit ħin biex naħsibha meta u kif l-aħjar li nagħmel dan. Imma int le, bqajt li meta ma sibtux id-dar, mort saħansitra tfittxu l-isptar. Min qabbdek? Jewwilla ma kontx taf għaliex dieħel meta għażilt li tiġi tgħix miegħi?” “Din l-istorja twalet iżżejjed. Kemm ser indumu ninħbew min-nies u nqarqu bihom?” “Sa ma rak hawn barra n-nutar l-aħħar li ġie ma kellekx din l-għaġġla kollha.” “Irringrazzja ‘l Alla li l-imgħażqa li kelli f’idi ma kissirthiex fuq rasu.” “Imbagħad tara!” “Għadek ma tafx x’ifettilli nagħmel jekk nitlifha għal kollox. Jibgħatuni l-ħabs? F’ħabs qiegħed digà, imma jekk nispiċċa Kordin int tiġi miegħi għax nikxef kollox”, waqt li qam minn bilqegħda fejn kien u beda jdur mal-mejda ta’ l-ikel, iħabbat idejh fuqha u jgħolli u jsabbat ma’ l-art is- siġġijiet. Katrin ħasbet li ser twaqqfu billi tgħolli leħinha aktar minnu, imma spiċċaw li bl-agħjat tagħhom qajjmu lit-tifel, li kellha tmur ħdejh f’soddtu sa m’għaddielu mit-twerżiq li beda jwerżaq. Kieli min-naħa tiegħu erħilha lejn is-sodda ta’ tnejn, fejn sabitu Katrin wara li rnexxielha terġa’ traqqad it-tifel. Flimkien mill-ġdid fis-skiet u l-ġabra ta’ soddthom, ma damux ma ħafruha ‘l xulxin. L-għada sebaħ bit-tnejn li huma għadhom f’dirgħajn xulxin, hi bin- ngħas aktar minnu, li kienet ħarbtet il-lejl kollu li għadda. 149

P:151

“X’lejl imqalleb kelli”, qatlu bi ħlewwa li kien għoddha nsiet li kellha, “malli nsibu l-ħin, illum stess, naqbel miegħek li niftehmu x’ser nagħmlu. Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk.” Weġibha mingħajr kliem billi għannaqha miegħu għal darb’oħra. 150

P:152

30. Kelmti żammejtha. Fommi baqa’ magħluq sa ma z-ziju ħareġ it- tieni darba mill-isptar. Tellajt u niżżilt kemm-il darba jekk għandix immur narah l-isptar dit-tieni darba, imma għażilt kull darba li nżomm lura għaliex m’afdajtx lili nnifsi li nibqa’ siekta u ma ngħidlux bl-istorja tiegħi ma’ Leli hekk kif nara ‘l wiċċu. U ma xtaqtx li jieħu tbaqbiqa, kif ħassejtni ċerta li jiġri, fuq is-sodda ta’ l-isptar. Leli kien għarraf lil tad-dar dwarna, u qalli li ħaduha tajba. B’hekk issa kulħadd kien jaf minbarra z-ziju. Aktar ma ntawwal biex ngħidlu, aktar bdew jikbru f’għajnejja s-saħna u l-għadab tiegħu. Ma’ Leli ftaħt qalbi dwar dan meta f’waħda minn dawn il-ġranet mort niltaqa’ miegħu ħiereġ mill-uffiċċju. Il-karrozza tal-linja waqqfitni quddiem Putirjal, u mxejt tul Strada Rjali sa ħdejn il-Palazz, fejn ftehmna li niltaqgħu. Leli ħareġ f’ħinu u, id f’id, qbadna Strada Merkanti fi triqtna lejn il-Barrakka ta’ Fuq. It-temp ma kienx tajjeb wisq, imma stkennejna fuq bank taħt waħda mill-ħnejja faċċata tal-Port il-Kbir. Leli deher li hu wkoll kellu xi ħaġa fuq rasu. Meta staqsejtu, serraħli rasi li dak li kien qed iħassbu ma kellu x’jaqsam xejn miegħi. Kienet ommu li kienet fi ħsiebu. Il-ġurnata ta’ qabel ġrat ħaġa li qatt m’emmen li tista’ tiġri. Ommu, mara ġwejda fuq li ġwejda, kellha xi tgħid ma’ waħda mill-ġirien. Din ta’ l-aħħar, rasha sħuna fuq il-politika, daħħlet fin-nofs lill-knisja. Għand tal-merċa fetħitilha b’kemm kellha garġi li hi lejn il-knisja ma tersaqx aktar. S’hawn omm Leli ma fetħetx 151

P:153

fommha, imma meta l-ġara bdiet teħodha qatta bla ħabel kontra Dun Karm, ma felħitx aktar. “Ma messikx tistħi”, qaltilha, “dak qaddis miexi fuq l-art. “Forsi għalik u għal żewġek Vitor, li ġmielu jdabbar sold mix-xogħol li jgħaddilu Dun Karm, li refgħu minn xagħru. Lili lanqas l-assoluzzjoni ma ried jagħtini.” “Sinjal li kellu għaliex.” “Ngħidlek x’kellu! Qabda oqbra mbajjda li intom”, u bilkemm ma ħebbitx għal Ġuża, li ma kinux tnejn oħra fil-ħanut li żammewha lura. “Din il-mniegħel politika wasslet saħansitra biex tifred lill-familji”, għidt lil Leli. “Mhux sewwa! Kont ħsibt li l-qiegħa qagħdet xi ftit wara li lkoll deher li qbilna dwar il-ħelsien ta’ Malta mill-Ingliżi. Imma għarrali, għadna għaddejjin minn żmien ta’ konflitt li ma jagħmlilniex ġieħ bħala nazzjon.” “Imma ommok għaddietilha t-tbaqbiqa li ħadet?” “Hekk qaltli qabel ma ħriġt għax-xogħol dalgħodu. Nittama li issa ħadd ma jdaħħal f’rasu li jagħmlilha xi vendikazzjoni.” Imbagħad għaddejt biex ngħidlu jien x’qed jinkwetani. Leli, ħa jdejja l- leminija bejn it-tnejn tiegħu u ħares f’għajnejja. “Dak li ġabna flimkien f’qalb waħda b’saħħtu aktar minn kull xkiel li ser niltaqgħu miegħu. Ma taqbilx?” 152

P:154

Kif stajt ma naqbilx. L-aktar meta jitlifni mid-dinja fil-ħarsa t’għajnejh! Biex ikompli jserraħli rasi, qalli mbagħad li għandu mnejn li jista’ jkun hemm xi jrattab ftit qalb iz-ziju. Meta kien rah l-ewwel darba, iz-ziju kien ħerqan li Leli jgħinu jfittex jieħu l-ħlas ta’ l-art li l-Gvern ħadlu biex jgħaddi triq barra n-Naxxar. “B’xorti tajba, illum mess lil min hu nkarigat minn dal-qasam fid- dipartiment li jħarreġ lill-bqija tagħna fix-xogħol tiegħu. Ħtaft l- opportunità u staqsejtu dwar ħlasijiet li waqgħu lura, u hu assigurani li sal-aħħar ta’ Marzu li ġej, jiġfieri qabel tmiem is-sena finanzjarja, dawn il-ħlasijiet iridu jsiru kollha.” Lejlet il-Kunċizzjoni. Issa sar jidlam kmieni. Ix-xemx kienet inħbiet fejn tmur tistaħba matul il-lejl; u l-qamar, mat-titwiliet tiegħu bejn sħaba u oħra, urina l-baħar ta’ quddiemna mgħargħar f’dawl tal-fidda. Madwarna l-ħemda miksura ta’ kultant mid-daħk ferrieħ ta’ maħbuba oħra bħalna fil-qrib. Għal ftit m’għalaqniex għajnejna, meta qajjmitna b’ħasda mill-ħolm is-sirena ta’ vapur fil-port. Il-vendikazzjoni, jew ma nafx x’naqbad insejjħilha, minflok lill-familja ta’ Leli, dehret li saret liz-ziju, jew aħjar mal-bieb tal-garaxx fejn iżomm il-karrozza. Xi ruħ tajba kitiblu fuqu l-kelma ‘ĦALLIEL’, b’żebgħa ħamra u b’ittri kbar daqsiex. Ġie jgħarrfu b’dan sbieħ il-għodwa s-surġent tal- Pulizija, li staqsih jekk kellux xi ħjiel minn seta’ kien dal-vandalu. Iz-ziju m’għarafx jgħidlu. Waqt il-kolazzjon ma setax jonqos li l-ewwel kliem jaqa’ fuq dil- viljakkerija. 153

P:155

“Tridni mmur insib lil xi ħadd biex inaddfilna l-bieb mill-kliem biż- żebgħa?”, staqsietu z-zija. “Fejn ser issibu? Ma tafx li llum festa kmandata?”, ipprova jagħlqilha ħalqha. “Kelli f’moħħi lil Vitor ta’ ħdejna. Dak mill-ewwel qdik meta ridt tiżbor is-siġar.” Brava z-zija! Ġabitni pass eqreb li ngħidlu dwari u dwar it-tifel ta’ Vitor. U ma tliftx l-okkażjoni. “Darba qed insemmu l-Vitor”, bdejt b’nofs tlaqliqa, “tajjeb li tkun taf li qed noħroġ ma’ Leli tiegħu.” “X’inhu dan li qed nisma’? Mur ġib li għalaqt għajnejja għal kollox, x’kontu tagħmlu minn wara dahri!” “Lil Leli nħobbu u hu jħobbni, zi. Tkunx int li tidħol bejnietna.” “U mhux hekk! Għadek bilkemm ħriġt mill-uniformi ta’ l-iskola u diġà qed titkellem bħallikieku wasalt biex tiżżewweġ.” “Nerġa’ ngħidlek, zi, li jkun aħjar li nkompli bil-barka tiegħek. Jekk le, lesta li mmur lura għand ommi.” “Int x’taf fuq dan?”, did-darba l-mistoqsija saret liz-zija. “Lina għandha l-eta’ tagħha, u jmiss lilha li tiddeċiedi x’tagħmel b’ħajjitha. Mhux hekk kont taħsibha int meta tlabt idejja lil missieri? F’did-dar kulħadd għandu d-drittijiet tiegħu. Daħħalha f’rasek darba għal dejjem.” 154

P:156

Iz-ziju bħal intebaħ dak il-ħin li fuq l-istess mejda kien hemm ukoll Pawlu, u appena ‘l ġewwa mill-bieb ukoll Karla, din ta’ l-aħħar b’widnejha miftuħin beraħ. “Ma nippermettix li żżebilħuni saħansitra quddiem il-barranin”, u wara li sabbat b’herra s-sarvetta fuq il-mejda, ħareġ jiġri ‘l barra mill-kamra. Iz-zija stennietu jgħib qabel ma qalgħet għajnejha minn fuq il-mejda biex dawwrithom dawramejt lejna lkoll, bi tbissima malizzjuża tleqq fihom. Mhux li seta’ jaraha Pawlu wkoll. Ma kienx jonqos li jkun kburi biha. Tlajna l-ewwel tarġa, ħsibt bejni u bejn ruħi. Irbaħna battalja, imma s’issa mhux il-gwerra. U mingħajr ma kelli għalfejn nuża dak li kelli fil- komma bis-saħħa ta’ Leli. M’għaddiex wisq ħin li smajna liz-ziju ħiereġ mid-dar. Min jaf fejn kien sejjer? Mindu ġie lura mill-isptar barra kien għadu ma rahx. U li jgħaġġel daqshekk li joħroġ għandu mnejn li ma jagħmillux tajjeb. Imma mur żommu. Kien jonqos biss li jerġa’ jiġi Fredu jistaqsi għall-bagalja biex tkompli tagħqad il-borma. Lanqas kien laħaq rifes l-għatba tal-bieb meta wasal lura mill-isptar li Karla ma kinitx pronta qaltlu dwar dan. Għandu mnejn li aħjar hekk. Ta’ lanqas kien jaf x’jistenna jekk jerġa’ jiġi jarah Fredu. Dakinhar lil Leli rajtu tard filgħodu għall-quddiesa tal-għażżenin. Tgħidx x’għoqla qala’ minn fuq qalbu meta għarraftu x’kien ġara. 155

P:157

Imma deher li ħsadtu meta għidtlu wkoll li z-zija xtaqet li jkun magħna għall-ikel l-għada filgħaxija. 156

P:158

31. Ix-xniegħa ġriet mar-raħal kollu li xeħtu ż-żebgħa ħamra mal-bieb tal-garaxx tan-nutar Taliana. Uħud minn dawk li saru jafu li ż- żebgħa ntużat ukoll biex jakkużawh li kien ħalliel, għorku jdejhom, l- aktar jekk kienu daqu l-kont ta’ xi qadja mingħandu. Fost dawn kien hemm Wenzu z-Żigli, li xi xahrejn qabel mar jagħmel kuntratt għand in- nutar għall-bejgħ ta’ mezzanin li kien wiret. “Ħalli ngħidlek, tixraqlu”, qatagħha ma’ sieħbu Karmnu f’ħanut tax- xorb f’misraħ il-knisja. “Ogħqod attent x’tgħid”, widdbu Karmnu, “li l-Pulizija ma taħsibx li kont int li ħammiġtlu l-bieb biż-żebgħa.” Fredu ta’ Gejta semagħhom jitkellmu, resaq lejhom u staqsihom x’kien li ġara. Qalulu u tawh x’jifhem li l-Pulizija ma kellha l-ebda ħjiel dwar min seta’ wettaq dal-vandaliżmu. Nittama li ta’ lanqas in-nutar jista’ jaqta’ x’ġara u l-għaliex, qal lilu nnifsu. Ma kellux għalfejn iħabbel rasu għax in-nutar ħadu l-messaġġ. Min seta’ kien ħlief Fredu li ried il-bagalja għax kienet ta’ missieru u, għalhekk, tmiss lilu. Imn’ Alla li Karla kienet qaltlu mill-ewwel dwar dan. B’hekk sab il-ħin li jerġa’ jifli bir-reqqa x’kien fiha l-bagalja u jserraħ rasu li m’hemm xejn iżjed x’jinteressah. Il-mappa tas-sît ta’ l- art kien ilu li ħbiha f’wieħed mill-kxaxen ta’ l-iskrivanija. Jekk Fredu ried il-bagalja, jista’ jiġi x’ħin irid u jeħilsu minnha. 157

P:159

Fuq l-art tas-Swieqi kien stħarreġ u sab li kienet tagħmel parti minn art moxa, magħrufa bħala ‘Tal-Poplu’, bi storja pjuttost twila. Fi żmien il- Kavallieri, l-art inagħtat bi qbiela ta’ sitt skudi fis-sena, li wara tnaqqset fis-snin li l-affarijiet marru għall-agħar, lil xi bdiewa biex jirgħu fiha l- bhejjem. Fl-istess seklu sbatax, l-art waqgħet b’ċens perpetwu f’idejn xi kunsillieri ta’ B’kara, li jidher li qasmuha bejniethom. Kif kien li l- familja ta’ Nenò, jekk minnu li kien qed jaħseb hu, spiċċat biex tiret parti minn din l-art kien għadu misteru. In-nutar qatagħha li dak iħollu meta jkun il-waqt u l-qiegħa tkun birdet. Għalissa kellu aktar xi jżommu mħasseb, saħħtu nkluża. Ħass li t-tabib ma kienx qed jgħidlu kollox. Li ma kienx hekk, għalfejn dik l-insistenza kollha biex jieħu l-affarijiet bil-kalma? Faċli għat-tabib li jagħmel dit- talba, imma mhux għalih li kellu jħabbat wiċċu ma’ kull xorta ta’ saram. Wara l-kedda li kien ħa filgħodu, kompla għarraq kollox billi lanqas resaq lejn il-mejda ta’ l-ikel. Fuq stonku vojt, il-moħħ aktar kibes u tbaqbaq. U jekk ħaseb li bogħod minn dawk li tawh it-tbaqbiqa ser jibred xi ftit, għarralu bl-ikrah. L-aktar li stagħġeb kien b’martu. X’kien li ħin bla waqt ħarġet minn qoxritha daqshekk determinata li tieħu tagħha? Minnu li kienet qed taqbeż għal Lina u mhux għaliha nnifisha, imma x’jgħidlu li l-bidla fiha ma kinitx waħda sħiħa? Ser jiġri li minn issa ‘l quddiem ikollu juriha b’kollox? Ħajtu mibnija kollha kemm hi fuq il-gideb, ma setax jara kif issa ser iħoll il-kobba. X’jaqbad jagħmel? Jiqfilha? U jekk thedded li tħallih bħalma hedditu Lina, u bħalma jistenna li ser tagħmel Katrin meta jqawwi qalbu li jmur jaraha? Minkejja kburitu, ta’ waħdu ma kienx. 158

P:160

Ġie x’jgħidlu li jekk ser jibdel ħajtu, il-bidla fiha nnifisha tkun il-prezz li jkollu jħallas biex jibqa’ jgħix. Sadattant il-ġuħ għamel tiegħu. Qabditu lefliefa li saħansitra l-istonku beda jgerger. Inkiss inkiss, ittawwal mill-bieb imbexxaq ta’ kamartu biex jara l-oħrajn x’ġara minnhom. Ħoss ta’ xejn. Deher li kulħadd kien inġabar. Dejjem fuq il-ponot ta’ subgħajh, qasam għan-naħa l-oħra tal-kuridur u tektek qajla qajla fuq il-bieb ta’ Karla s-seftura, mingħajr ma kien jaf hux ser isibha hemm. B’xorti tajba għalih, kienet. Meta fetħitlu l-bieb, kien għoddha waqgħet mejt f’riġlejh bir-rogħda li qabditha meta ġiet wiċċ imb’wiċċ miegħu. Karla l-ewwel m’għaddielha minn moħħha kien li n-nutar ġie biex jeħodha magħha li kienet serqitlu l-flus minn fuq l-iskrivanija, imma bidlet fehmtha meta hu wiżinha minn dirgħajha biex ma taqax fl-art. “Skużani ndejjqek daqshekk tard, imma, għal li jista’ jkun, ma baqax xi ħaġa biex nitrejjaq? Għandi ġuħ ma jarax art.” “Mur fil-kċina sa ma nitfa’ xi ħaġa fuqi. Issa nara x’nista’ nraqqa’ għaliex li l-ikel li baqa’ ma ttikilx, intrema.” F’kemm trodd salib, Karla, imlefilfa sa ‘l isfel minn irkobbtejha f’ġakketta tas-suf li kienet xtrat b’iħis mis-suq ta’ Marsaxlokk xhur ilu, qegħditlu quddiemu l-platt, sikkina, u furketta, flimkien ma’ ġenba ħobż tal-ġurnata, qatgħa ġobon frisk, u żewġ tadamiet. Staqsietu wkoll jekk riedx li taqlilu żewġ bajdiet, u ma qalx le. 159

P:161

Bil-ġuħ li kellu, kollox niżillu għasel, sal-qatra nbid li Karla newwlitlu wkoll fuq il-mejda, waqt li ma warrbitx minn ħdejh u lanqas lissnet kelma, xi ħaġa li kien ilha li tgħallmet li ma togħġbux, sa ma dam jiekol. “Nagħmillek kikkra kafè?”, staqsietu meta rat li kien kiel u xorob. “Le, grazzi. Għal-lejla biżżejjed. Stonku vojt ma kienx iħallini norqod, imma jekk nimlih iżżejjed aktar w aktar ma jħallinix.” “Mela, jekk m’għandek bżonn xejn aktar, aħjar li nirtira għaliex għada għandi ġurnata xogħol quddiemi.” “X’kien hekk? Ħsibt li għada jmissek li tmur lura d-dar.” “Hekk kont mingħalija jien ukoll, imma s-sinjura bidlitli l-programm. Għada stiednet lin-namrat ta’ Lina biex jiġi jiekol magħna, u talbitni biex barra milli nħejji l-ikel nagħti tindifa sewwa lid-dar.” Jekk Gawdenz kien għadu ma fehemx, jew għażel li ma jridx jifhem, li f’daru kollox inbidel bħal-lejl min-nhar kemm dam l-isptar, issa neħħa kull dubju. Fuq dahru fuq is-sodda, b’ħarstu ċassa fuq is-saqaf tal- kamra, u bil-kutra maqbuda bejn idejh donnu lest li jiġbidha ‘l fuq biex jgħatti wiċċu u jinħeba għal kollox minn ta’ madwaru, moħħu waqaf zobtu taħt it-toqol ta’ ħsibijietu. U meta l-imbid li kien xorob għamel tiegħu u għajnu marret bih, ħolom u ħolom ikrah. Sab ruħu f’dgħajsa bil-qlugħ, daqs qoxra ta’ ġewża, fuq il-baħar bejn sema u art. Kien ħall il-qala’ u refa’ l-mażżra biex jaqbad iż-żiffa u joħroġ fil-beraħ iżiġġ fuq l-ilma. 160

P:162

Ferħan ser itir, bix-xemx ħamra nar fuq wiċċu, b’bandiera tperper mill- arblu tal-qlugħ, u f’widnejh id-daqq ta’ qanpiena mill-kampnar tal- knisja li tħares fuq il-bajja, erħilha ‘l barra sa ma baqax jara l-art. Meta f’daqqa waqgħet dalma kbira madwaru, b’nitfa dawl wieqaf fil-bogħod, ‘il fejn dehret li kienet miexja d-dgħajsa mal-mewġ li ftit ilu kien għadu ħafif, imma li issa beda jitqanqal xi ftit. Ma damx li ż-żiffa nbidlet f’riħ qawwi, u l-mewġ mela sidru u beda jħabbat mad-dgħajsa minn kull naħa. Fuqu s-sema nxtegħlet minn ħin għall-ieħor bil-beraq ileħħ bla hedu bir-ragħad u s-sajjetti. Id-dawl fil- bogħod intefa. Il-qlugħ tad-dgħajsa tqaċċtu, u taħtu nfetaħ fondoq li hedded li jibilgħu. ‘L isfel, dejjem ‘l isfel, sa ma ra l-qiegħ u l-għarqa. Il-ħolma tajjritlu n-nagħsa qasira u mqallba. Mill-ġdid b’għajnejh miftuħa, seta’ jisma’ x-xita nieżla bi qliel, did-darba mhux aktar fil- ħolm, it-tifqigħ tas-sajjetti jdamdmu s-saqaf ta’ fuqu, u l-buffuri qliel ta’ rjieħ jonfħu donnu l-mniegħel ħarġu mill-infern. Mhux f’qalbu biss it-tempesta! Għada jsib li t-toroq imtlew b’irqajja’ ta’ għadajjar, li n-naqal u t-tajn tal-ħamrija mill-ftit għelieqi fin-naħa ta’ fuq tar-raħal inġabar ma’ kull naħa tat-triq. Għada jsir jaf li ċedew ħafna ħitan tas-sejjieħ, twaqqgħu jew tqaċċtu xi siġar, u knaten tgerrbu għal nofs it-triq. Għada s-skiet wara t-tempesta. Jew le? 161

P:163

32. Taħt sema sewdieni, bi sħab fuq sħab ilebbet, xrift f’ħoġor it- tieqa. L-eqqel tal-maltempata kien għadda. In-nies bdiet ħierġa minn darha - min sejjer għax-xogħol, min sejjer jixtri, u min sejjer il-knisja. Min-naħa t’isfel tat-triq, jimbotta karretta b’żewġt ibramel kbar fiha u xkupa tal-lanżit imserrħa fuqhom, rajt tielgħa ‘l Furtu l-kennies. X’kien ħareġ jagħmel illum Alla biss waħdu jaf, imma ma tlumux, ħobżu ried jaqilgħu fix-xitwa wkoll. F’ħoġor il-kantuniera ta’ faċċata, waqaf iħażżem qalzietu, u joħroġ mill-but sigarett biex idaħħnu, sigarett li kien baram hu stess. Lanqas laħaq xegħlu li ma waqafx ħdejh Wistin, ta’ l-aħħar ħiereġ mill-isqaq. B’leħen għoli li stajt nisimgħu, Wistin staqsa ‘l Furtu kienx ħa xi tixriba l-lejl ta’ qabel. Furtu wieġbu, fl-istess ton, li mn’Alla li nġabar kmieni għax kien jieħu bexxa ġmielha. Daqshekk smajt mingħandhom għaliex fil-pront tfaċċa Leli ta’ qalbi, ħiereġ għax-xogħol. Li ħoġor it-tieqa kien aktar baxx, kont naqa’ għal isfel daqs kif ixxabbatt biex nurih li kont hemm. Hu rani u resaq għal taħt it-tieqa. “Kellek lejl tajjeb?”, staqsejtu. “Irqadt qiesni tarbija minkejja l-maltemp.” “L-istess jien. Ma narax li jasal il-lejla biex nerġgħu nkunu flimkien.” “Min jistenna jithenna!”, u kompla għal għonq it-triq wara li reġa’ seraq qalbi bi tbissima ta’ l-anġli. 162

P:164

X’inhi l-qalb mingħajr imħabba? Ħuttafa li ttir bla ma ssib il-beraħ ta’ l- għelieqi u d-dell ħanin tas-siġar? Ċerv li jfittex u ma jsibx l-għadira biex jixrob minnha taħt il-qilla tax-xemx li tifilġu? Mindu Leli daħal f’ħajti, żogħżiti resqet lejn ġenna, fejn il-ħolqien mimli ward u żahar, u tfal jiġġerrew bħan-naħal mal-ġonna bit-tbissma fuq fommhom. Quddiem għajnejja ma narax ħlief ħmura ta’ jum qed jifrex l-ewwel dija fi tlugħ ix-xemx, l-ikħal tas-sema mifrux sa suq il-baħar li ma’ kull żiffa jersaq ibus ix-xatt u jerġa’ lura. “Ġejt biex narak u nħaddnek miegħi”, nisimgħu jtennili, mingħajr ma jbexxaq fommu, kull darba li niltaqgħu. U jien, biex inserraħ qalbi mill- għeja tat-tnehid, ninħall fil-ħarsa t’għajnejh u l-bieb miftuħ ta’ qalbu. Xofftejna għadhom ma ltaqgħux. U t-tħaddin tagħna ma jasalx aktar minn għafsa t’id. Imma kemm nixtieq li jgħannaqni bejn dirgħajh felħana, li jiksi xofftejja u ħaddejja b’bews jaħraq waqt li b’subgħajh f’xagħri jinseġ nokkla bil-ħlewwa. Kemm nixtieq li mmidd rasi fuq qalbu biex nismagħha tħabbat għalija, li nqiegħed idejh fuq tiegħi biex imellisha, u li f’dirgħajn xulxin nistrieħu fin-nagħsa ta’ l-imħabba. X’jimporta jekk ta’ kultant inxerrdu demgħa li tfur minn qalbna u ġġelben ma’ ħaddejna? Mhijiex jewwilla dik bħal bikja ta’ tarbija li fiha ma taħbix la semm u lanqas ħtija? Xtaqt il-kenn u sibtu f’qalb Leli. Issa ma jgħoddx kemm domt interraq fix-xagħri niexef u nbaħħar f’baħar mingħajr qiegħ biex sibtu; kemm qtugħ il-qalb, kemm iljieli mingħajr ma nagħlaq għajn m’għajn. Jimporta biss li sibtu. 163

P:165

Min ilumni li ma rridx noħroġ minn dil-ħolma? U min ser joħroġni minnha? Iz-ziju? Hekk kif ħsiebi ħadni f’din id-direzzjoni, ħassejt tkexkixa bard. Għalaqt it-tieqa, dħalt niġri ‘l ġewwa, biddilt l-ilbies ta’ fuqi, u nżilt fuq il-mejda ta’ l-ikel għall-kolazzjon. Kien għad hemm Karla biss fil-kċina, iddur mal-borom u t-twaġen fuq in-nar; tgħalli stanjata kafè; u tħejji l- iskutelli għal dawk minnha li kienu jħobbu jfettu xi bezzun, kisra ħobż, jew ftit galletti fihom. Ma nafx għaliex fakkritni f’nhar Lapsi f’xatt il-baħar. Il-kċina stħajjiltha l-blata f’San Ġiljan, li konna mmorru nistkennu warajha mis-sħana tax- xemx, għar-reżħa ħelwa ta’ l-ilma, waqt li madwarna n-nisa jibnu l- kwiener bil-ħaġar u ċ-ċagħaq, u jkebbsu n-nar għat-tisjir. Ħawtelin bħal Karla, arahom imbagħad ifittxu fil-ġwielaq, iċ-ċrieren u l-qfief li jkunu ġabu magħhom sa ma jsibu dak li ser iqegħdu fil-platti. Għaliex iz-ziju qatt m’għamel bħal żwieġ dawn in-nisa? Dawk kienu jxammru l-qmies u l-qalziet biex jaraw kif jaqbdu xi ħaġa mill-baħar, jitfgħu xi lenza ‘l barra għal xi ferħ ta’ ċerna, idendlu x-xlief għal xi mazzun, jew jarmaw bis-sufrun għal xi kaħlija. Oħrajn jintwew tnejn biex isibu xi mħara jew artikla, jekk mhux ukoll xi rizza. Indur kemm indur mal-lewża, liz-ziju ma stajtx naqilgħu minn ħsiebi. Issa aktar u aktar li kien hu li jmiss li jiġi joqgħod madwar il-mejda. Ħarist lejh minn taħt il-għajn. Dehrli li għajnejh ma kinux għadhom jibru bir-rabja bħal-lbieraħ. “Meta ser jaslu l-oħrajn?”, staqsa lil Karla. 164

P:166

“Ma naħsibx li jiddawwru, sinjur.” Wara pawsa li dehret li ma ser ittemm qatt, dar lejja u qalli, “Kuntenta issa?” “Skont x’tifhem biha.” “Jewwilla ma kontx int li ġagħalt liz-zija tistieden lil Leli għall-Ikel?” “Xi jġagħlek taħseb hekk?” Mistoqsija b’mistoqsija, ħsibt li ser naqtagħlu l-għatx bil-perżut. Fl-istess waqt ħadt pjaċir insir naf li xi ħadd diġà qallu dwar l-ikla tal-lejla. “Iz-zija ma kinitx ser tieħu inizjattiva bħal din minn jeddha.” “Liz-zija ħalliha barra. Hi ma taħti xejn. X’hemm ħażin li Leli jkun magħna għall-ikel? Jew tippreferi li nagħmlu kollox minn wara dahrek?” “Qed tiġru wisq. U taf x’jgħidu dwar il-qattusa għaġġelija?” “Ta’ l-istess eta’ tiegħi ommi kellha żewġt itfal. Għaġġlet hi wkoll? F’każ li hekk, għaġġlet aktar minni.” “Nittama li ma tridx li tispiċċa bħal ommok”, din weġġgħatni u wrejtu kemm f’ħarsa biċ-ċiera li tajtu, “mhux għax ommok għamlet għażla ħażina, tifhimnix ħażin. Imma li ħasbitha ftit ieħor u m’għaġġlitx daqshekk, kieku llum għandha mnejn tista’ tgħix aħjar.” Kont sejra mqarrqa? Jew kien minnu li deher li beda jimmolla u jrattab fehmtu? 165

P:167

Biex inkompli nħajjru fit-triq it-tajba, għarraftu x’kien qalli Leli dwar il- flus li l-Gvern kellu jagħtih ta’ l-art li ħadlu fil-limiti tan-Naxxar. “Jekk niftakar sew, qalli li l-flus teħodhom qabel l-aħħar ta’ Marzu li ġej. Wara kollox, Leli jaf aktar dwar dan u tista’ tistaqsi lilu meta tarah illejla.” “Ħudha ma’ saqajk, zi!”, dan għidtu biss f’qalbi, imma xejn ma jneħħili minn moħħi li hu qrali fi ħsiebi. F’dak il-ħin waslu z-zija u Pawlu, imwieżen minnha minn driegħu tax- xellug. Pawlu deher li ma kienx f’tiegħu. Fejn soltu jsib waħdu fejn ser joqgħod bilqegħda, illum ħalla li z-zija taqla’ s-siġġu barra mill-mejda u tniżżlu hi qajl qajl bilqegħda fuqu. Wara sirt naf li kien minħabba li Pawlu ma riedx li jkun magħna għall-kolazzjon – wara li ġara lbieraħ - li ddawwru t-tnejn ma waslu fuq il-mejda. Iz-zija kellha tħaqqaqha miegħu għal ħin twil sa ma dawwritlu fehmtu. Mal-wasla tagħhom ilkoll kemm aħna waqajna fis-skiet. Għajr għaċ- ċekċik ta’ l-imgħaref u l-kuċċarini, widnejna ma semgħu xejn ħlief wieħed lill-ieħor jieħu n-nifs. L-itqal li nstema’ kien taz-ziju, li x’aktarx kien l-aktar imbarazzat fostna. Karla kellha seba’ mitt sena li nfittxu nlestu biex tkun tista’ toqtol u tnittef żewġ kapuċċelli u tħallihom itektku fil-brodu, waqt li taqdi l- faċendi l-oħra li kien baqagħlha tagħmel. Kien ilha fuq saqajha minn x’ħin idden is-serduq, u l-għeja sarrfitha diġà fi qtugħ il-laħam. Stkerrħet taħseb x’ser jibqa’ minnha sa tmiem il-għodwa. 166

P:168

33. Li għadda nafuh u li ġej nobsruh, tgħallmet Ġuża mingħand ommha żmien ilu. Mhux għax Ġuża qatt għaddielha minn rasha li tfittex xi saħħara biex taqralha xortiha, fl-aħħar mill-aħħar minn dawn ma kienx hemm fir-raħal. Imma kellha ħabta temmen f’li toħlom. U meta titħawwad b’xi ħolma li jkollha, araha tqatta’ xagħrha bil-ħsieb sa ma ssib dik li tkun dehritilha bħala l-aħjar spjegazzjoni. U meta toħlom ikrah, tibqa’ fuq ix-xwiek sa ma jgħaddi ż-żmien u l-ħolma ma sseħħx. Minn mindu Leli tfarfar, ftit li xejn kien għadha tgħaddi minn dawn il- waqtiet ta’ qtigħ il-qalb. Għandu mnejn li qalbha straħet li binha għadda minn kull prova b’wiċċ il-ġid, u li llum sar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Min jaf? Kienet taf biss li, issa li Leli ltaqa’ u ħabb lil Lina, il- ħolm imqanqal reġa’ refa’ rasu. Lil Ġuża kulħadd kien jafha bħala mara tal-ġabra. Mhux biss ma tħallix neqsin lil żewġha u binha, imma ħsiebha l-ħin kollu lil min ser tagħti daqqa t’id. Irbit ma’ ħadd għaliex ma kellhiex għalfejn, imma dejjem sejra. Lil din tgħinna twasslilha t-tfal l-iskola, lil dik tonxrilha l-ħasla biex ma tixxabbatx għaliex qed tistenna tarbija, u lill-oħra ttellgħalha l- borma fuq in-nar sa dik li tkun tlaħħaq ma’ xi qadja oħra. Il-majjistra tar-raħal talbitha li llum tagħtiha daqqa t’id waqt il-ħlas ta’ Pina, li kienet toqgħod aktar ‘il ġewwa fl-isqaq. Pina bajd u beċċun! Kull sena tarbija oħra. Kellha ‘l ommha armla biex tgħinha, imma waħedha din ma setgħetx tlaħħaq ma’ kollox. Barra minn hekk ommha ma kinitx iġġerraħ li tara lil bintha bl-uġigħ tal-ħlas. Ħalli tieħu ħsieb it- 167

P:169

tfal l-oħra, imma mhux min ġej jew ġejja sa ma jasal fid-dinja. Ġuża min-naħa l-oħra ma kienx idejjaqha l-ħin tat-twelid. Tgħaxxiha bil-ferħ kull l-ewwel twerżiqa ta’ tarbija ħierġa minn ġuf ommha. Mhux li setgħet ikollha aktar tfal hi stess! Il-majjistra għaddiet għandha fi triqtha għal għand Pina. Qaltilha li ma kellhiex għaġġla li tmur tiltaqa’ magħha għaliex l-uġigħ tal-ħlas kien għadu fil-bidu. “Ħalli daqs siegħa oħra u mbagħad ejja tini daqqa t’id.” Ġuża ħaffet tlesti li kienet qed tagħmel, inħaslet mill-aħjar li setgħet, u libset tibdila ġdida. Minħabba li l-aħħar li żaret lil Pina m’għoġobhiex in-nuqqas ta’ ndafa li rat b’għajnejha, qegħdet f’basket taċ-ċarruta liżar abjad ġdid u żewġ xugamani ta’ l-istess lewn indaf xummiema, u ħadithom magħha. Fuq il-għatba tal-bieb ta’ Pina sabet lil ommha Dolor tqandel f’ħoġorha tarbija ta’ sena. It-tarbija ma dehritx f’sikkitha. Madwar rasha maktur abjad tal-għażel kien jaħbi ħafna minn wiċċha, isfar lelluxa, u ma stajtx tgħid kinitx ħajja jew mejta jekk tħares lejn għajnejha nofshom imbexxqin. U n-nanna tbennen u tbennen lit-tarbija fuq dirgħajha x- xellugi, waqt li b’idha l-leminija tmessilha l-ftit xagħar li kellha, u tgerrex id-dubbien minn xfar għajnejha u minn fuq xofftejha. “Misħut ta’ dubbien kemm hu fitt!”, qaltilha Dolor. “Lanqas ix-xita li għamlet ma qatlitu. Reġa’ ħareġ minn fejn mar staħba.” 168

P:170

Qabel ma kellhom ħin jgħidu kelma oħra, waqfet quddiemhom Madlien bil-ġewlaq tax-xirja, li kienet għadha kif għamlet, f’idejha. “X’hemm, Dolor. X’minnha t-tifla?” “Magħdura, Madlien”, waqt li għamlitilha l-qrun b’idejha taħt il-fardal, “li rajtha jumejn ilu kien donnha ħawha. Qishom seħtuhielna!” “Għax ma turuhiex tabib?”, u baqgħet sejra. “Bħallikieku taqa’ u tqum mit-tarbija dik”, gergret Dolor, “Għajni togħkorni minnha. Ħadd ma jneħħili minn moħħi li kienet hi li għajnithielna. Ftit ġranet ilu, smajtha jien stess b’widnejja tistagħġeb xi ġmiel ta’ tifla għandha Pina. Lanqas dawwret wiċċha li t-tifla bdiet tibki biki tal-ġenn. U minn dakinhar ma tridx titrejjaq.” “Xejn ma jgħaġġibni, Dolor”, weġbitha Ġuża, “Mulejja aħfirli, hawn nies li jgħiru u li jisħtu kulma jaraw b’għajnejhom ... Pina ħadt aħbarha?” “Ma nafx sewwa fejn waslet. Il-warda li qegħedtilha maġenbha fuq wiċċ l-ilma fi platt fond kien għadha ma fetħitx l-aħħar li ttawlitli l- majjistra. Sa ma tiftaħ dik, it-tarbija ma titwilidx. Hekk dejjem tgħallimt.” “Aħjar inħaffef biex nagħti daqqa t’id.” Sa ma telgħet fuq ħdejn Pina, it-tarbija kienet waslet biex titwieled. Il- majjistra talbitha tnewwillha friskatur ieħor bl-ilma fietel, u sa ma waslet lura bih rat it-tarbija f’idejha, miżmuma rasha ‘l isfel minn riġlejha. 169

P:171

“Għandna tifel did-darba.” U xi ġmiel ta’ tifel! Xi ħlewwa! Miss issa li jnaddfu lit-tarbija u ’l omm, u swew tajjeb il-liżar u x-xugamani li ġabet magħha Ġuża. Fis-sodda mifruxa mill-ġdid, Pina straħet mifluġa mill-kedda li ħadet, u Ġuża, wara li serrħet rasha li ma kienx hemm aktar bżonnha, ferħitilha u mxiet lejn il-bieb ta’ barra, fejn Dolor kien għadha fuq l-għatba. “Nifirħilkom, Dolor. Pina welldet tifel il-ġmiel tiegħu.” “Imbierka l-ħniena t’Alla!” “Mhux biċċa tiegħi, Dolor, imma ma tagħmlux ħażin jekk tħarsuh minn xi magħmul biex ma jiġrilux bħal oħtu. Jien minn dejjem emmint f’werqa żebbuġa fuq ibni meta kien għadu tfal. Jekk m’għandkomx, ċerta li Vitor isibilkom ftit weraq taż-żebbuġ.” Vitor, Alla jagħtih is-saħħa, kien wasal biex jiġi lura mix-xogħol ħalli jitrejjaq għal nofsinhar. Illum kien imissu li jaħrat il-ġonta tiegħu, u kien ħareġ mid-dar meta bilkemm kien għadu jbexbex biex jilħaq ilesti li għandu jagħmel qabel ma terġa’ x-xita. Li kellu jsir jaf għalfejn riedet il-weraq taż-żebbuġ kien jitmasħan ma’ martu għaliex hu ma kienx jemmen fil-għajn. Xi domna tal-Madonna mehmuża mal-flokk ta’ taħt, jew imdendla f’ġiżirana ma’ l-għonq, kollox sew. Dik devozzjoni. Imma mhux werqa ħaxixa bla ruħ ta’ xejn. Hu li hu, Ġuża ħasset li jkun aħjar li toqgħod b’seba’ mitt għajn fuq Leli, li ma jmurx jgħajnuhulha. Ma ġarax hekk meta għadda għal-Liċeo. Lanqas meta qagħad għall-eżami ta’ Oxford. U anqas u anqas meta 170

P:172

resaq għall-eżami taċ-Ċivil. Imma min jaf x’jista’ jkun hemm moħbi wara l-kantuniera? Fl-isqaq kulħadd kelma waħda - x’xorti tajba kellu li ltaqa’ ma’ tifla tat- tajjeb, u xi ġmiel ta’ tfajla għażel. Ma setax jonqos li kien hemm min jgħir għalih. U forsi wkoll li jisħtu f’qalbu? Ġuża herriet qalbha taħseb dwar dan. Li ma ntebħitx kien li moħħha għażel li jġagħalha tedha b’dawn il-ħmerijiet biex ma jlaqqagħhiex ta’ spiss mal-għafsa ta’ qalb li kienet taqbadha kull meta tiftakar li Leli ma jdumx ma jħalliha għal mara oħra. Ħabbet kemm ħabbet lil Lina, kienet tħobb aktar lil binha. Għalxejn li Vitor il-ħin kollu jfakkarha li mhux ser jitilfu tifel imma jirbħu tifla. Kemm ser issib x’tgħidlu ‘l Dun Karm fil-qrara li jmiss! 171

P:173

34. Dejni ma’ Fredu mħallas, ħaseb Gawdenz. Hekk mingħalih ta’ lanqas. Fredu ġie jarah kif stenna. Wasal għandu għal xi l-ħdax ta’ filgħodu meta Karla kien għadha fuq l-għatba tal-bieb wara li ħarġet tixtri l-ħobż u ftit galletti mingħand wieħed minn Ħal Qormi, li kien jieqaf quddiemhom bil-van, darba iva u darba le. Qalbha għamlet tikk kif rat lil Fredu, u ħaffet daħħlitu ġewwa u marret tiġri tgħid lin-nutar. “Kif nista’ naqdik?”, laqgħu n-nutar. “L-aħħar li ġejt narak m’għidtlix l-istorja kollha.” “Xi trid tfisser biha din?” “Fl-istudju tiegħek rajt bagalja, li jien ċert li kienet ta’ missieri.”, u wara li ta ħarsa madwaru, “Hemm. Dik hi! Ma semmejtli xejn dwarha.” “Kif rajt b’għajnejk stess, ma ħbejthiex minnek. Minnu li sibtha fejn kien joqgħod missierek, imma wara li l-Pulizija ħadet kulma dehrilha xieraq li tieħu, u tatni ċ-ċavetta tal-kamra. Jekk tridha l-bagalja tiegħek. Nassigurak li ma ser issib xejn fiha. Kien għalhekk li ma ħassejtnix li għandi nsemmihielek. Ma nafx x’kien li ma rmejthiex maż- żibel. Ħudha, nerġa’ ngħidlek.” Fredu għamel li qallu n-nutar u ħareġ ‘il barra bla kliem u bla sliem. Baqa’ sejjer għand ommu fl-isqaq bil-bagalja taħt għabtu, u fetaħha wara li staqsiha jekk kinitx taf biha jew jekk qattx ratha qabel. Ommu 172

P:174

fakkritu li minn meta telqet lil żewġha qatt aktar ma rifset l-għatba ta’ biebu. Li kull meta jiltaqgħu fit-triq lanqas biss kienu jħarsu lejn xulxin. Kif setgħet tkun taf bil-bagalja? Qalleb kemm qalleb fil-bagalja, Fredu kellu jaqbel man-nutar li ma kien hemm xejn ta’ valur fiha. Folji fuq folji ta’ karta stampata, u xejn aktar. Imma x’kien li ġiegħel lil missieru jżomm dil-bagalja u ta’ fiha? Xi jqartas ħafna wieħed ma jifhimx li kellu. Tgħid kien fl-istess bagalja li l- Pulizija sabet il-flus li ħalla warajh? “Ma, il-Pulizija qatt semmewlek xi ħaġa oħra li sabu għand missieri minbarra l-flus li ħalla?” “Le, ibni. Lanqas bil-flus ma kont inkun naf li m’għarrafnix in-nutar.” “Kien hu li qallek qabel il-Pulizija?” “Ħadd aktar ma ġie jħabbatli l-bieb jew ifittixni. Nista’ nkun naf għalfejn dawn il-mistoqsijiet kollha?” Ma setax jonqos, ħaseb, li n-nutar kien jaf aktar milli kien qallu. Li ma kienx hekk, għalfejn dik il-ħerqa kollha li jgħarraf lil ommu?” “Meta rajtu qabel tlaqt għall-Awstralja, missieri semmieli li kien hemm roqgħa art f’Tas Swieqi, li xtaq li wara mewtu jħalliha lili. Fejn spiċċaw il-karti tagħha?” “Ma nafx ngħidlek, ibni. Mingħandek, u għall-ewwel darba, qed nisma’ dwar din l-art.” 173

P:175

Fredu qatagħha li jmur jistaqsi l-Għassa tal-Pulizija biex isir jaf jekk il- flus li ħalla missieru sabuhomx fil-bagalja. X’kellu x’jitlef? Is-surġent, li sabu waħdu wara l-skrivanija fuq xi xogħol ta’ kitba, deher sorpriż meta semmielu l-bagalja. Għoddu nqabad li l-bagalja qabżitilhom meta fittxew fil-kamra ta’ Nenò. “Il-flus kienu mqarrsta fil-karti, u sibnihom f’kexxun tal-gwardarobba.” Ma qatax qalbu Fredu, u l-għada mar jistenna lin-nutar, mhux aktar qrib daru imma maġenb il-garaxx fejn kien iżomm il-karrozza. Gawdenz inħasad meta sabu hemm. “Kemm ser iddum tilħaqli salibi?” “Int żgur li fil-bagalja ma sibt xejn aktar?” Mill-bixra ta’ wiċċ in-nutar għal din il-mistoqsija, Fredu fehem li n-nutar kellu x’jaħbi għalkemm baqa’ jinsisti li fil-bagalja ma sab xejn aktar. “Lanqas xi karti dwar art li kellu missieri?” Mill-ġdid wiċċ in-nutar sar vampa,u mhux b’rabja, ħaseb Fredu. Mhux jgħidli s-sewwa. “Kun af li b’mod jew ieħor insir naf jekk qed taħbili. U mbagħad b’rasek idur. Aħsibha sew. Jekk għandek x’tgħidli taf kif issibni.”, u ħallih ħesrem b’dal-ħsieb qabel ma seta’ jwieġbu. Aktar tard dakinhar, Karla lemħet lin-nutar, minn bejn il-bieb ta’ l- istudju mbexxaq, jimla nvilopp b’xi karti, jagħlqu sewwa u jqegħdu fl- ewwel kexxun ta’ l-iskrivanija, li sakkar b’ċavetta. Ratu wkoll jaħbi ċ- 174

P:176

ċavetta taħt wiċċ l-iskrivanija. Tellgħet fuq li tellgħet għandix tfittex l- invilopp x’kien fih, u jekk tgħinx ruħha għal darb’oħra jekk kien fih il- flus. Fl-aħħar mill-aħħar id-darba ta’ qabel għaddietha lixxa. Imma le, aħjar ma tissograx! Illum ħadd ħlief Pawlu ma kien ser ikun id-dar għall-ikla ta’ filgħaxija, li biex tieħu ħsiebu kien hemm Karla. Lina qablet li tmur maz-zijiet għand l-Avukat Galea, li stedinhom għall-ikel fid-dar tiegħu ta’ Triq Mannarino. Ma qalitx le biex meta l-għada jmiss lilha li toħroġ ma’ Leli, iz-ziju ma jagħmlilhiex bsaten fir-roti. Stagħġbet għalhekk Karla li xi siegħa wara li telqu semgħet ħsejjes ġejjin min-naħa ta’ l-istudju. X’nesa warajh in-nutar biex ġie lura daqshekk malajr? Mhux ser tibqa’ ma tkunx taf, u għalhekk marret tara. Fl-istudju rat dehra li qatgħetha minn saqajha. Iqalleb fuq l-iskrivanija b’dahru lejha kien hemm raġel b’wiċċu mgħammad, li setgħet tara minn surtu li ma kienx in-nutar. Qabadha biża’ kbir u kienet ser taħrab mnejn ġiet, meta min kien qallha biex tidħol ħdejh jew jisparalha. Ma kellhiex għażla. “Fejn insib iċ-ċwievet ta’ l-iskrivanija?”, kompla staqsiha, waqt li resaq qrib tagħha u qiegħed xi ħaġa kiesħa m’għonqha. Karla rat lilha nnifisha diġà taħt it-trab, u dehrilha li aħjar ma tħaqqaqhiex miegħu. Tawwlet idejha taħt wiċċ l-iskrivanija fejn f’xaqq mal-ġenb sabet iċ-ċavetta li kien ħeba n-nutar. 175

P:177

Imġagħalha toqgħod bilqegħda sa ma l-ħalliel iqalleb il-kxaxen, obdiet mingħajr kundizzjoni. Minn dak kollu li sab, il-ħalliel deher li nteressah l-invilopp li n-nutar qiegħed fl-ewwel kexxun. Fetħu, u wara li għarblu ftit, hedded lil Karla li ma tiftaħ ħalqha ma’ ħadd fuq dak li rat. U bil-karta f’idu, mexa b’lura lejn il-bieb, li fetaħ beraħ b’minkbu. Jistennih wara l-bieb kien laħaq Pawlu, li ħaddan lill-ħalliel minn qaddu u refgħu mill-art bħal xkora tiben. Imbagħad sabbtu mal-koxxa tal-bieb b’saħħtu kollha. Mifxul, il-ħalliel waqqa’ l-invilopp li kellu f’idu b’kulma kien fih, u lebbet ‘il barra b’kemm Alla ħalqu. “F’ħajjitek, Pawl, li ħriġtni minn dal-għawġ.” “Dak kif sabu ruħu hawn ġew? Imn’Alla li ġejt nagħmel żewġ passi fl- intrata u l-kuridur għaliex kieku ma kontx nintebaħ x’qed jiġri.” Issa li reġgħet ġiet f’tagħha, Karla ftakret li meta t-tlieta l-oħra ħarġu għall-ikla għand l-Avukat, qaltilhom li jħallu f’idejha, issakkar hi warajhom. Kellha kull ħsieb li tagħmel hekk, imma qabel riedet li toħroġ tiknes taħt l-għatba ta’ barra, kif għamlet, u baqgħet nieżla b’dak li kinset sa tliet bibien ‘l isfel wara li serrħet rasha li mingħaliha ħadd ma kien qed jaraha. Mniegħel li hu, min daħal għandhom kien għażel dak il-ħin! Pawlu kien għadu qed jistenna tweġiba mingħandha, u meta din ma waslitx, staqsiha x’kien li baqgħet b’fommha magħluq. “Magħmula tiegħi”, u qaltlu b’dak kollu li kien għadu kif għadda minn moħħha. 176

P:178

“Xi spiċċa li ħa miegħu min daħal? Għamel xi ħsara li tista’ tara fl- istudju?”, staqsiha. “Kulma laħaq ħa kien invilopp mill-kexxun ta’ l-iskrivanija, imma dak ukoll waqgħalu minn idejh meta int heżżiżtu mal-kantuniera tal-bieb. Sa fejn naf jien, ħareġ b’idu f’idu.” “F’dak il-każ, ara li kollox imur f’postu mill-ġdid u agħmel ta’ bir-ruħek li qatt ma ġara xejn. Jien mhux ser niftaħ fommi.” Fredu ma deherx aktar fir-raħal minn dakinhar, u ftit jiem wara ommu Gejta qalgħet lill-ġirien li kien fi triqtu lura lejn l-Awstralja. 177

P:179

35. Għaġeb ta’ l-għoġbijiet, il-Ħadd fuq il-Kunċizzjoni, qabel il- quddiesa kantata, iqerr għand Dun Karm mar in-nutar Gawdenz Taliana. Dun Karm ma riedx jemmen ‘l għajnejh, imma fl-istess ħin ma kienx hu li jagħżel min imur iqerr għandu. “Aħfirli, Dun Karm, imma aktar minn hekk, għejni nsib ftit paċi miegħi nnifsi u ma’ dawk ta’ madwari.” “Hu għalhekk li nistqarru ħtijietna fil-qrar, biex darba jisgħob bina minnhom ma jkomplux itaqqluna.” Gawdenz wasal biex ħass li ħajtu ma kinitx tagħmel aktar sens. Fl- għebusija ta’ qalbu u l-ġenn ta’ moħħu, tilef, jew qorob li jitlef, lil min ħares lejha li żżommu żagħżugħ, lil martu li dejjem għattietlu xturu minn għajn in-nies, u lil Lina li mliet il-vojt li martu ma setgħetx ikollha tfal. Mifni mir-rabja u l-mistħija minnu nnifsu li kien naqashom ilkoll, ma sabx ħajt ta’ kenn ieħor ħlief li jdur fuq Dun Karm, li ħin bla waqt dehrlu li t-tingiż tiegħu kien maħsub li jurih it-triq it-tajba. Dun Karm semgħu jferra’ qalbu mingħajr ma waqqfu. U meta dehrlu li kien qal kulma ġie biex jgħidlu, staqsih bil-ħlewwa, “U issa, Gawdenz? X’ser tagħmel?” “Immur ngħix għal rasi bħal eremita ‘l bogħod minn kulħadd!” “Żgur li lest li tagħmel hekk?” “X’għażla baqagħli?” 178

P:180

“U tħalli warajk familja, professjoni, u karigi. Mhux hekk?” “Warajja nħalli ħajja li xtaqt u li kelli qalbi marbuta magħha.” “Mhix l-aħħar tad-dinja! Ma taħsibx?” “Le, imma t-tmiem tan-nutar Gawdenz Taliana.” “L-għaliex?” “Għaliex m’għadux jeżisti. Sempliċiment isem u libsa fuqu.” “Tassew li tħossok hekk, Gawdenz?” “Dak li jien, Dun Karm. Għaraftu meta marti lbieraħ fetħet qalbha miegħi kif tħossha. Fil-presenza tagħha ħassejt li ma jien xejn, raġel tat-tiben. Mingħajr twemmin, mingħajr xewqat, mingħajr saħansitra l- ħeġġa li nitlef il-boxxla. Stagħġibt li bqajt daqshekk kalm quddiemha.” “Attent li dik mhix il-kalma ta’ qabel it-tempesta! Il-qanpiena li tħabbar twegħir fil-qrib. Ir-riskju li tobgħod u tistmerr lilek innifsek, li taqta’ jiesek, li ssib ruħek waħdek u bla ħila. Imbagħad tibda tiġri, u tkompli tiġri sa ma tħabbat rasek ma’ ħajt, jew taqa’ minn irdum, jew issib ruħek tilheġ f’gandott u taħbi rasek f’idejk min-nies. Emminni ngħidlek li dan rajtu jiġri b’għajnejja.” “F’dak il-każ, m’għandekx għalfejn tarah jiġri lili wkoll.” “Ma baqgħalix għażla issa li int ftaħt qalbek miegħi. Ismagħni - qatt ma nistgħu nreġġgħu lura għal kollox d-deni li nkunu għamilna għaliex minn daqqiet ma nistgħux nibdlu l-konsegwenzi. Butna mhux kbir biżżejjed biex inħallsu d-dejn li jakkumula u jasal li jħallina bla sold 179

P:181

aktar ma nwebbsu qalbna. Jeħtieġ li naħfru u nitolbu maħfra kemm jista’ jkun malajr. Barra minn din m’hemmx triq oħra ħlief dik tad- dannazzjoni. Ismagħni nerġa’ ngħidlek, Gawdenz. Tobgħodx lilek innifsek, obgħod biss in-nuqqasijiet tiegħek. ” “Mhux li nista’, Dun Karm!” “Tista’! Tista’! Li ma kienx hekk, x’ġejt tagħmel għandi? Tlabtni biex ngħinek issib il-paċi, u dak li fittixt li nagħmel. Issa jmiss lilek li tgħin lilek innifsek.” Il-qniepen tal-knisja, idoqqu ferħanin u jħabbru l-wasla fil-qrib tal- Milied, Gawdenz semagħhom x’aktarx għall-ewwel darba dan l-istaġun fi triqtu lura d-dar. B’qalbu mserrħa għal waqt li beda biex jistqarr dnubietu, ħaseb li wara l-ikla ta’ nofs inhar imur jara ‘l Katrin biex jagħlaq kont ieħor li kellu miftuħ. Did-darba ma ħebiex minn martu fejn kien sejjer. Qallha biss li xtaq li r-razzett jikrih lil Katrin biex tagħmel bih dak li jidhrilha xieraq. Ma kienx baqgħalu ħeġġa jew ħerqa li joqgħod tiela’ u nieżel iż-Żebbiegħ, u sa kien lest li ma jħaqqaqhiex magħha fuq kemm tħallsu kera. Li kien għadu ma ħallx f’moħħu kien x’ser jiġri mit-tifel kemm-il draba Katrin ma taqbilx li żżommu hi. Wasal iż-Żebbiegħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs, u ħalla l-karrozza bħas- soltu barra mir-rixtellu. Meta ħabbat fuq il-bieb ta’ barra u ma fetaħlu ħadd, għaddielu minn moħħu li kien ġie ta’ xejn, meta ftakar li miegħu dejjem kien iġorr muftieħ tal-bieb. La wasal s’hawn aħjar li jagħti 180

P:182

titwila u jara b’għajnejh stess isibx tarf tat-theddida li wasslulu meta kien l-isptar. Tgħid ġara li Katrin qabżitlu mis-sunnara u telqet bit-tifel b’kollox mir-razzett. Li hu hekk, ser isibha bi tqila li jsir jaf fejn marret għaliex ma setax jagħmel ħafna mistoqsijiet mingħajr ma jikxef djulu ma’ kulħadd. Fl-ewwel kamra ma kienx hemm sinjal ta’ ħajja, imma minn taħt il- għajn fuq is-sufan ra vavalor tat-tifel u maġenbu ġugarell li kien xtralu meta kellu biss xi tliet xhur. F’imnifsejh waslitlu wkoll ir-riħa ta’ kafè msajjar m’ilux. Jekk ma kinux hemm, ma kienx ilhom li ħarġu, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Biex jissokta jaqta’ l-kurżità, ġibed lejn in-naħa tal-kċina u hemm, imrekknin kokka wara siġġu, sab lil Katrin u ‘l binha, hi bil-pala ta’ jdejha ma’ ħalq it-tifel biex ma jinkixfux. “X’inti tagħmel hemm?”, staqsiha. “Fittex mur mnejn ġejt li ma jarakx Kieli.” “Kieli? Kieli min hu?” “Ikun jaqbillek li ma ssirx taf. Fittex mur mnejn ġejt nerġa’ ngħidlek.” “Ma ġejt biex neħodlok xejn. Mhux biss, imma kelli f’rasi li sakemm tgħidli x’ser isir mit-tifel u taqbel li jien m’għandix għalfejn nersaq ‘l hawn, lest li noffrilek ir-razzett b’kera li trid int.” “X’jiġri mit-tifel mhux biċċa tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar dak mhux ibnek!” 181

P:183

“X’inhu? Minn meta m’għadux ibni?” “Qatt ma kien ibnek. Missieru Kieli, li ħalef li joqtlok jekk jerġa’ jarak hawn. Isma’ minni, fittex mur lura mnejn ġejt qabel ma jasal Kieli u tqum xi waħda.” Dak li kien għadu kemm sema’, lil Gawdenz sammru ma’ l-art. Kif jaqbad jeħodha li t-tifel ta’ Katrin ma kienx tiegħu, kif kienet tagħtu x’jifhem minn qabel ma twieled? L-ewwel m’għaddielu minn moħħu kien li jħaqqaqha magħha, imma malajr intebaħ li din l-aħbar ħallitlu l- aħħar kobbla mħabbla li wasal hawn biha. “Hawn it-tieni muftieħ tal-bieb ta’ barra. Iddeċiedi int x’tagħmel bir- razzett, imma li kont minnek ħudu b’kera, ħalli ma tħallasnix. Hekk ikollok rasek aktar mistrieħa. Jiddispjaċini biss li kont għajnejja daqshekk magħluqa li ma ntbaħtx mill-ewwel int tassew min int.” Bil-kemm laħaq spiċċa s-sentenza li, wara ħarsa misruqa lejn it-tifel u ħolma oħra li fallietlu, mexa lejn il-bieb ta’ barra. Kien qorob biex joħroġ mir-rixtellu meta daqqa minn wara ta’ xi ħaġa tqila fuq il-kozz t’għonqu medditu mal-art. Meta reġa’ ġie f’tiegħu sab ruħu fuq sodda, b’Katrin maġenbu b’xugaman niedi f’idejha timsaħlu ġbinu u ħaddejh. “Titkellimx għalissa sa ma tistejqer għal kollox. Jekk tibqa’ tħossok li m’intix fiha, tista’ torqod hawn illejla, jew tħalli lil Kieli jsuqek hu sad- dar.” 182

P:184

Kieli ma kienx fejn seta’ jarah. Barra minn Katrin fil-kamra kien hemm biss it-tifel iġebbed ma’ djulha, b’ġażaża bejn xufftejh u l-bżieq iqattar minn ħalqu. Imma kien Kieli li saqu lura sa Birkirkara u li għinu jdaħħal il-karrozza l- garaxx. Fit-triq kollha ma qalux kelma, u lanqas issa li waslu biex jinfirdu minn xulxin. Mill-garaxx sad-dar, Gawdenz ħass saqajh ser jogħtru taħtu kemm-il darba u rasu għadha ddur bih. Demm ma kienx xerred, imma bi truf subgħajh seta’ jħoss il-girfa li ħallewlu minn għonqu sa spallejh kif ukoll in-nefħa. Żewġ pulzieri ‘l hinn mnejn laqtuh u kien jibqa’ tal-post. Xortih tajba? Taqtax! Ta’ lanqas, imma, kien ħeles minn saram ieħor, għandu mnejn darba għal dejjem, tqil kemm kien tqil il-prezz li kellu jħallas. 183

P:185

36. Meta nasal biex inħalli d-dar taz-zijiet, l-akbar indiema li jkolli tkun li ma nkunx nista’ nieħu miegħi t-tieqa ta’ kamarti. Hawn, fejn nixref bard jew sħana, fejn inferra’ l-ferħ u n-niket ta’ qalbi, u mnejn inħares ‘il fuq u ‘l isfel u nara l-ħajja għaddejja. Hawn, fejn jiltaqgħu sema u art, tajjeb u ħażin, faqar u mhux, u jintisġu l-ġrajja ta’ nies fil-qalba tagħhom irżina, ferħana li jaqilgħuha u jikluha, u xejn aktar. Hawn fejn erġajt sibt ruħi llejla flimkien mal-maħbub ta’ qalbi. Min kellu jgħidilna li f’dik, li issa dehret ħakka t’għajn, ħajjitna t-tnejn kellha tinbidel mil-lejl għan-nhar u mhux bil-kontra? Min qatt seta’ jwebbilna li l-muntanji li ħsibna li ser ikollna nitilgħu ma kinux ħlief ftit għoljiet imxaħxħa u mwittija minn twapet bellusija; li l-ibħra li kellna noforqu ma kinux imqallba, u li fit-triq kullimkien mgħargħar f’dawl tal- fidda? Rabbejna l-ġwienaħ it-tnejn li aħna u tirna ‘il fuq f’sema safi, ‘il fuq mill- wied li baqa’ għaddej taħtna, jitkagħweġ u jingħi ma’ ġnub it-triq fi triqtu biex jinseġ in-newl ta’ ħajtu. Konna mħejjija li naqilgħu minn żniedna, li nivvintaw u nħarrfu, u li saħansitra ngħidu kelma b’oħra biex ma jbegħduniex minn xulxin; u li naħbu, ngħattu u nżommu f’qalbna. Imma ġara li ma kienx hemm għalfejn. 184

P:186

Leli, maġenbi f’ħoġor it-tieqa bi driegħu marbuta madwar qaddi, kien xhieda ħajja li ma kienx hemm għalfejn. Ħin bla waqt waqa’ kull ħajt li ħsibna li ser ikun ta’ xkiel fi triqtna. Bħallikieku z-zija sabet kif tisħaq ras is-serp. Għamlet bħall-mara tal- leġġenda tal-qedem. Id-dmugħ li xerrdet matul is-snin għaliex ma setgħetx ikollha tfal tagħha ġabritu f’qolla sa ma l-qolla mtliet. Imbagħad sqiet id-dmugħ lill-art għatxana. U l-qtar tad-dmugħ fetħu ġuf l-art, li welldet tifel b’setgħat tal-għaġeb. B’martell tqil tal-azzar merfugħ minn driegħu felħan, it-tifel fittex lill-mostru li kien seraq il- prinċipessa u ħbieha f’għar, waqt li bidel b’bhejjem lil dawk kollha li marru biex jeħilsuha. U darba sabhom, it-tifel tqabad sa m’għaffeġ ras il-mostru u ħeles lill-prinċipessa, u ‘ l ta madwarha bidilhom mill-ġdid fi bnedmin. Ir-rebħa fuq il-mostru kienet ħarxa u bla qalb hekk li warrbet kull biża’ li jfittex li jitħallas lura bi tpattija. Għoġobtu lil Leli b’din it-tixbiha, aktar u aktar li l-prinċipessa issa setgħet timraħ miegħu, fil-beraħ għad-dawl tax-xemx, fuq kull għolja, wita u wied; ħfief bħall-qlugħ ta’ sħab abjad fis-sema, bħaż-żiffa f’jum ta’ Mejju, u l-ilma ġieri fi triqtu għan-nixxiegħa. Ftit ilu, u konna bħal żewġt għasafar f’gaġġa. Mhux aktar! “Issa qiesna żewġ naħliet fi ġnien miżgħud bil-fjuri”, qalli, “jew id-daqq ta’ qanpiena li jaħrab mill-kampnar u jtir ‘il fuq ‘il fuq lejn ix-xemx bi nhar, u l-qamar bil-lejl; u li fi triqtu ‘l isfel jidħol minn kull tieqa li jsib imbexxqa.” Ftit ilu, u x-xitwa rajnieha qerrieda. Mhux aktar! L-ilma li ġġib magħha jimla l-bjar għax-xhur tas-sajf, l-għera tas-siġar matulha tħejji t-triq għal 185

P:187

weraq ġodda, u r-reżħa li żżommna ġewwa timliena b’xenqat għar- rebbiegħa. Minn misraħ il-knisja nstema’ riesaq għana ħelu ta’ tfal li dis-sena, minħabba li l-Milied kien ser jiġi fil-jum tat-Tnejn, intalbu li l-purċissjoni bil-Bambin jagħmluha s-Sibt ta’ qabel. Leli fakkarni li sa ħames snin qabel kien għadu jerfa’ ‘l-Bambin f’dil- purċissjoni. Li kien għal ommu u missieru, ma waqaf qatt li jieħu sehem. “Dak għax xtaquk li ma tikbirx daqshekk malajr”, għidtlu, “għax imbagħad ma jkollhomx lil min ifissdu.” “Taħseb?” “Mhux naħseb, hekk hu. L-istess iz-zijiet miegħi. Li kien għalihom għadni nilgħab bil-pupi.” “U issa l-pupa int”, nibixni. “Pupa timxi u titkellem, f’dak il-każ, u warrab rasek jekk ma tgħaddix tagħha.” “Tassew?” “Għadek ma tafx biex tgħabbejt!”, inbixtu jien did-darba. “Ikun aħjar li tgħidli qabel ikun tard.” “U x’tagħmel imbagħad? Tħallini?” 186

P:188

Ħin bla waqt, dal-logħob bil-kliem ma niżillux aktar lil Leli. Il-ħarsa t’għajnejh tqalet u ma baqgħetx tleqq bħal qabel, u geddumu niżel xiber ‘l isfel. “Xi ġralek?”, staqsejtu. “Naf li konna qed ngħaddu ż-żmien. Imma taħseb li qatt jgħaddilek minn moħħok li tħallini?” X’naqbad inwieġbu? Inkompli ninkih? Ma dehrlix xieraq, li ma jkunx li mingħajr ħsieb ta’ xejn nibdew fuq sieq ħażina. “Ma tarax, ja iblah li int! Trid saħħa ta’ ljunfant biex tinqata’ mir-rabta miegħi.” Leli għafasni aktar miegħu, sammar għajnejh f’għajnejja, u minn taħt l- ilsien lissen, “Inħobbok!” Għax waslu jumejn qabel il-Milied, jew kien minnu li f’widnejja nstema’ l-għana tal-anġli neżlin fuqna mis-sema. Qlubna t-tnejn waqfu biex iduqu u jgħożżu kollha kemm hi l-ħlewwa ta’ dak il-waqt. Bħallikieku riedu jimxu u ma kellhomx saqajn, riedu jixorbu u ma kellhomx xufftejn. U meta reġgħu bdew iħabbtu u ħadna n-nifs, xtaqna li t-tqanqil ta’ fina naqsmuh f’għajta li tismagħha t-triq kollha. Ftit ilu, u t-telfien tiegħi fis-solitudni kien għoddu wassalni biex nisma’ lil ruħi titqalleb mill-qiegħ. Mhux aktar! Issa l-qawsalla nfirxet fuq storja ta’ mħabba, u jien imdendla magħha ngħarrex mill-għoli li nsir naf kollox. 187

P:189

“Kif pinġejtni f’moħħok qabel ma sirt tafni?”, staqsejtu. “Kulma niftakar hu li qabel ma ltqajt miegħek kont bdejt inħoss qalbi titniehed ta’ kull xejn, u battâla hekk li setgħet tassorbi fiha orkestra sħiħa ta’ xewqat u xbiehat li fil-verità ma kinux jeżistu. Tidħak bija jekk ngħidlek li l-aktar li fittixtek kien fl-anġli mpittra mas-saqaf tal-knisja?” “U meta jien ħriġt fil-beraħ mid-dell tal-kalkoli tiegħek?” “Sibtek isbaħ minn kull immaġni f’moħħi.” “Tiġbidlix saqajja.” “Lanqas jgħaddili minn moħħi li nagħmel dan. Ma tarax!” “Li jsewwidli qalbi ta’ kultant hu l-ħsieb li ma mmurx qed ngħix f’ħolma.” “M’intix tgħid ħażin. Ħolma għalija wkoll, imma waħda li nixtieq li ttul ħajjitna kollha; li ma ssirx duħħan malli niftħu għajnejna.” “Mela għajnejna magħluqin?” “Li jkolli ngħid magħluqin għall-bqija tad-dinja, imma mhux għal xulxin.” “U x’jaraw għajnejk miftuħa meta tħares lejja?” It-tweġiba tiegħu ma stennejthiex. Ġibidni ftit ‘il ġewwa minn ħoġor it- tieqa, dawwarni kollni lejh, għannaqni fi ħdanu u biesni fuq xufftejja, waqt li b’idejh il-leminija melles xagħri bi ħlewwa li niżlitli għasel bħall- bewsa taħraq li tani. 188

P:190

Qatt qabel ma kien biesni. Id f’id, xi tmellisa fuq ħaddejja u xi għafsa t’id iva, imma l-bqija le. Ma nġbidtx lura. Xufftejh ħassejthom jaħarqu fuq xufftejja, u ridthom jibqgħu mwaħħlin hemm sa ma s-sħana tan-nar iddewweb kull tqanqila fina. X’regħxa meta nfridna mit-tgħanniqa! “Aħfirli. Għaġġilt wisq”, qalli, kollu mistħi minni. “Tkunx iblah!”, u rġajt trekkint miegħu f’ħoġor it-tieqa biex inwarrablu kull ħsieb li b’xi mod kien naqasni. U biex jifhem li l-bewsa ssiġillat imħabbitna. Meta dħalna mnejn konna biex niltaqgħu ma’ l-oħrajn, sibnihom ilkoll bilqegħda madwar il-mejda ta’ l-ikel, iz-ziju mhux aktar f’ras il-mejda, imma fuq l-istess naħa taz-zija u qribha. Lilna ħallewlna post fejn xulxin faċċata tagħhom, f’ras naħa waħda tal- mejda qegħdu ‘l Pawlu, u s-siġġu ta’ quddiemu refgħuh għal Dun Karm, meta jasal. Karla wkoll kellha post maġembna, imma s’issa kien għadha b’żaqqha mal-fuklar tħejji l-bqija tal-ikla. Ma stajtx ma naħsibx kemm tassew li ħin bla waqt kollox inqaleb ta’ taħt fuq. Min qatt kellu jwebbilni li nara dak li kont qed nara b’għajnejja. Għażilt, b’dankollu, li ma ngħid xejn li ma mmurx ingerrex dik li s’issa dehritli bħal ħolma. Minflok, b’idejja tal-lemin moħbija taħt it-tvalja tal-mejda ġbidt il-qalza ta’ Leli. Hu ressaq idu fuq tiegħi u żammha f’għafsa bejn subgħajh. Iz-ziju baqa’ ma qalilniex x’kien tassew li ġara l-aħħar darba li tela’ ż- Żebbiegħ. Jien sirt naf mingħand Karla fejn kien mar Ħadd fuq il- 189

P:191

Kunċizzjoni, l-istess Karla li għarrfitni li z-ziju kien wasal lura d-dar jixxengel fuq saqajh, isfar daqs il-qarsa tax-xemgħa, u li baqa’ sejjer dritt f’kamartu. Kulma qaltilna z-zija, li żaritu ftit tal-ħin wara, kien li ser jeħtieġlu li jistrieħ għal xi ġranet. Il-pitgħada ġie jarah Dun Karm, li jispjega l-istedina tal-lejla. “Dun Karm wegħedni li jasal malli tidħol il-purċissjoni bil-Bambin. M’għandux idum ma jkun hawn.” Kliem iz-ziju kien għadu jidwi fl-arja meta ħabbat il-bieb, u Karla marret tiftaħlu. Hekk kif rajnih, kulħadd qam bilwieqfa biex jilqgħu. Jiena u Leli konna għadna id f’id, u Dun Karm dan ma ħarablux. “Mela ħsibt li ser taħrablek?”, nibex lil Leli bi tbissima fuq wiċċu. Leli wiċċu sar aħmar nar bil-mistħija u m’għarafx iwieġbu. Iz-ziju wera ‘l Dun Karm is-siġġu li kien merfugħ għalih, u kien l-ewwel wieħed li qagħad bilqegħda, bħallikieku li riġlejh ma felħux jerfgħuh aktar. Min-naħa tiegħu, qabel ma mar f’postu, Dun Karm resaq wara Pawlu u qiegħed idejh it-tnejn fuq spallejh, waqt li firex ħarstu madwar il-mejda. “Ma nistax infisser kemm jien ferħan li sa fl-aħħar stajt nilqa’ l-istedina tagħkom. Nara li, sadattant, il-familja żdiedet b’wieħed, u għalhekk xieraq li nixtieq lil Lina u ‘l Leli futur feliċi flimkien. Il-ferħ li jnissel fil- qlub hu dak li jifred l-istaġun tal-Milied minn staġuni oħra, imma tajjeb li niftakru li l-ferħ jeħtieġ li nkunu aħna li niftħulu l-bieb biex jgħaddi, ħalli mbagħad naqsmuh m’oħrajn. Alla jberikkhom ilkoll, u jbierek l- ikel li ser naqsmu flimkien.”, waqt li radd is-salib. 190

P:192

Kemm kien jilħaqlu Dun Karm, ħsibt bejni u bejn ruħi, li fi ftit kliem meqjus ġabar u ta sens lill-atmosfera sħiħa ta’ madwaru, u warrab minn fostna kull ħjiel ta’ tensjoni. Minn hemm ‘il quddiem, barra miz-zija li bħas-soltu għażlet li tisma’ u titkellem biss meta mistoqsiha, kulħadd ħall ilsienu, saħansitra Pawlu, li qalilna dwar id-drawwa li kellu missieru li fi żmien il-Milied jaqdi ‘l xi ħadd mingħajr ma jitħallas ta’ xogħlu. Missieru kien battâm tas-sengħa fi żmien meta ftit li xejn kien għad hemm fir-raħal min għadu juża l-bir tad-dar għall-ilma tax-xorb u l- ħasil. Iżda mhux hekk Nina ta’ Kola, li saħħitha ma kinitx tagħtiha li tmur iġġorr l-ilma fil-bramel mill-għajn ta’ qrib il-knisja tal-Vitorja. B’xorti ħażina, ġara li l-bir ta’ Nina beda jagħmel l-ilma u żvojta ħin bla waqt, propju ftit xhur wara li tilfet lil żewġha. Missier Pawlu sema’ b’dan u ħass li għandu jagħtiha daqqa t’id, u hekk ikompli d-drawwa li jgħin lil xi ħadd fil-bżonn fi żmien il-Milied, li kien biss xi ġimgħatejn ‘ilbogħod. Hu u jnaddaf dal-bir biex wara jkaħħlu ħalli ma jibqax jagħmel l-ilma, sab landa msadda u mimlija tajn, li meta fetħuha raw li kien fiha għadd ta’ ġiżirajjen, ċrieket u brazzuletti tad-deheb. Nina xtaqet li taqsamhom miegħu li kien sabhom, imma hu ma riedx għax kien jaf kemm kienet fil-bżonn. Għalhekk Nina nsistiet li ta’ lanqas jieħu ġiżirana minnhom. Dik l-istess ġiżirana, Pawlu wrihielna għadha mdendla m’għonqu. Kien tahielu missieru fuq is-sodda tal-mewt. Imnebbaħ minn din l-istorja, iz-ziju qalilna li missieru wkoll kellu drawwa li jżomm fi żmien il-Milied. Kien jixħet ftit soldi mxerrda ‘l 191

P:193

hawn u ‘l hemm fit-triq biex iferraħ lit-tfal li jsibuhom. Darba minnhom lil wieħed minn dawn it-tfal rah jiġbor is-sold minn fuq il-bankina ta’ misraħ il-knisja. B’għajnejh ileqqu, it-tifel beda jdawwar is-sold bejn subgħajh bħallikieku biex jaqtagħha x’ser jagħmel bih. Qrib tiegħu, bilqegħda fuq għatba ta’ bieb, kien hemm tallâb, u mingħajr ma ħasibha aktar, it-tifel xeħetlu s-sold fil-berritta ħdejn saqajh. Missier iz- ziju hekk kien milqut mill-għemil tat-tifel, li ħaffef warajh u meta laħqu tah xelin tal-fidda. “U int x’għandek x’tgħidilna, Lel?”, staqsa Dun Karm li ra li Leli kien waqa’ fil-muta. “Nixtieq li ommi qegħda hawn magħna biex tisma’ li qed jingħad. Dik qalbha tajba s-sena kollha. Ma tkunx f’tagħha jekk mhux meta qed taqdi ‘l xi ħadd fil-bżonn.” Ħassejt li bi kliemu Leli kixef fejn kienet qed tħabbat qalbu dak il-ħin. Xejn ma jneħħili minn moħħi li xtaq li ommu u missieru kienu magħna wkoll. Meta konna f’ħoġor it-tieqa, qalli kemm jixtieq li ma jħossuhomx imwarrbin minna t-tnejn. U qalbi nagħfset miegħu. Imn’Alla li l-għada, lejlet il-Milied, konna ser inkunu għandhom qabel ma lkoll flimkien, biz-zija u z-ziju b’kollox, immorru għall-quddiesa ta’ nofs il-lejl. F’nofs dan kollu, ħabbat il-bieb ta’ barra. Kienu missieri u ommi li waslu għall-għarrieda biex jixtiqulna l-Milied it-tajjeb. F’idejha, ommi kellha torta tal-imbuljuta miksija biċ-ċikkulata, li ħmiet hi stess. 192

P:194

“Lina, nieħdu gost jekk f’waħda minn dawn il-ġranet taqbeż s’għandna ma’ Leli”, qaltli ommi wara li kulħadd kien għannaq lil kulħadd ieħor, “ħutek mejtin biex jiltaqgħu miegħu.” Meta rġajt lura f’kamarti, qalbi għadha tħabbat bil-ħeffa minħabba l- eċċitament ta’ kull m’għadda mingħalija ħin bla waqt, bexxaqt il- persjani tat-tieqa. Fit-triq ta’ taħti baħħ, u fis-sema ta’ fuqi d-dalma ta’ lejl xitwi ta’ Diċembru. Jingħad li fid-dlam nitwieldu, inħobbu u mmutu. Imma Diċembru jġib miegħu wkoll id-dawl li nxtegħel ‘il fuq minn elfejn sena ilu f’għar ta’ Betlehem. F’dak id-dawl hemm il- ħlewwa ta’ l-imgħoddi, il-qawwa ta’ llum, u t-tama f’għada. Jiġu ġranet li huma ta’ siwi aktar minn oħrajn. Xi mindaqqiet tqum filgħodu bid-dawl jiddi fuqek, b’qalbek tħabbat, b’tama ogħla mis-sħab, u tal-fehma li wasalt fejn xtaqt li tasal. Tal-lum waħda minnhom. Tal- lum waslet biex ma ninsiha qatt. Jista’ jiġri! Ġara lili, u bħali jista’ jiġri ‘l oħrajn! 193

P:195

194

P:196

About the Author Clemente Zammit was born and lived in Malta until 1983, when he took up residence in Australia. He is married with three children. Following a distinguished career in the Public Service, which earned him inclusion in Malta’s National Order of Merit, in 1989 Clemente was appointed Consul-General of Malta for Victoria, a position he held for seventeen years. As Consul-General, he was a tireless and passionate advocate for the Maltese community in Victoria and beyond, and can be credited with having significantly raised the community’s profile, especially in the area of education. Clemente was the driving force behind Victoria University’s original engagement with the Maltese community, which became the model for subsequent University partnerships with other local ethnic communities. In 2001, Victoria University bestowed upon Clemente the Degree of Doctor of the University Honoris Causa. The same University cited Clemente as one of its legends on the occasion of the celebration of its 90th anniversary. Clemente is recognised as a leading writer of Maltese verse and prose, with several printed and recorded works to his credit. This was his first venture in ebook publishing.

Create a Flipbook Now
Explore more