ARKITETTURA EKKLEŻJASTIKA

 

TERMINI  TAL- 

ARKITETTURA   EKKLEŻJASTIKA

 

ARKITRAV    Il-blata, jew il-filata wiesgħa u mimduda fit-tul tagħha li tistrieħ fuq il-kapitelli u l-frontispizju, u li taqsam min-naħa għall-oħra tal-faċċata tal-knisja.

Arkitrav. JPEG

ARZELLA     Arkata (mit-Taljan arcella). Dan it-terminu jużah E.B. Vella (1930) biex jiddiskrivi s-soqfa ddekorati li jinsabu quddiem il-kappelli tal-ġnub tal-knisja tal-Mosta.

Arzell u kwadretti y
Tliet arzelli minn bosta fil-Bażilika tal-Mosta
barokkG_7442
Il-knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt

BAROKK/A, ARKITETTURA It-terminu Barokk/a jirriferi għal stil ta’ arkitettura li nħoloq u żviluppa fis-seklu sbatax, u li f’Malta baqa’ popolari anki sas-seklu għoxrin. F’Malta, l-arkitettura Barokka kienet użata għall-ewwel darba fl-1638, meta Francesco Buonamici ddisinja l-Knisja tal-Ġiżwiti fi Triq il-Merkanti, il-Belt. Fl-arkitettura Barokka, il-kolonni fi stil klassiku huma komuni, u dekorazzjonijiet ta’ weraq, arzell, skrolli, figuri umani, bħal-putti, huma rikorrenti. Kien hawn bosta periti li ħadmu fuq dan l-istil, bħal pereż., Lorenzo Gafà, Romano Carapecchia, Francois De Mondion u oħrajn. Fl-1661, Mattia Preti, pittur u perit artistiku, biddel il-ġewwieni tal-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann minn waħda sempliċi għal kapulavur ta’ stil Barokk. L-arkitettura Barokka wara ftit infirxet ma’ Malta u Għawdex kollha. It-terminu ġej minn barroco, kelma Portugiża li tfisser perla ineguale.

BIEB IL-FALZ    Il-bieb ta’ wara. Fis-sens tal-arkitettura ekklesjastika dan jista’ wkoll jirriferi għal kwalunke bieb fil-ġnub tal-knisja.

ĊAVI    Dan hu l-minċott -il-ħaġra tan-nofs li titqiegħed fin-nofs tal-ħnejja biex minn kull naħa jserrħu ċ-ċnagan tal-ħnejja. Ing. keystone.    

cavi x

delfin itirDELFIN  / DENFIL   Riffieda. Struttura tal-ġebel li tkun ħierġa ’l barra mill-binja prinċipali b’pilastri ħoxnin weqfin dritti jew b’mod angolat, bħal triangolu mxattar li jserraħ mal-binja biex iżżommha stabbli. Fil-knejjes il-kbar wieħed jara kultant dawn id-dniefel f’livell għoli, u mal-ġnub tat-TAMBUR tal-koppla biex dawn isostnu t-toqol tal-koppla. Bl-Ingliż dawn tal-aħħar jissejħu flying buttresses (ara r-ritratt tal-lemin). Fil-każ tal-knejjes żgħar jew kappelli oħra, id-delfin jibda tiela’ mill-art. Eż., ta’ dan narawh fil-kappella tal-Lunzjata li hemm qrib is-Salini, jew mal-kappella tas-SANĊIR. Hawn id-dniefel huma mtellgħin mall-ġnub tal-kappella biex jistabbilizzaw il-ħitan minħabba l-biża’ li l-x-xaqlib tal-art tista’ bil-mod il-mod twassal biex l-bini jċedi. Ing. buttress. abutment.

Denfil Lunzjata SaliniJoa morana
Il-kappella tal-Lunzjata, is-Salini bid-dniefel fil-ġnub
Dukkiena Joe Mor03617115_n -
Żewġ dkieken bejn il-ħnejjiet fil-kappella ta’ Santa Maria ta’ Bir Miftuħ – ħajr: Joe Morana

DIKKIENA  (pl.dkieken)  Bank tal-ġebel magħmul minn XOROK. Id-dikkieni jkunu mimduda bejn il-ħnejjiet fuq kull naħa tal-kappella, b’mod li min irid joqgħod bilqiegħda fuqhom ikun jista’ jserraħ dahru mal-ħajt. Id-dikkiena ssibha f’ċerti kappelli medjevali bħal dik ta’ Ħal Millieri u dik ta’ Bir Miftuħ.

FABRIKA   Terminu wżat fl-antik li kien jirriferi għax-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-bini tal-knisja. Din il-kelma jużaha kemm-il darba E.B. Vella fil-ktieb tiegħu, Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha, (1930). Hu jgħid hekk: ‘[…] in-nies minn jeddhom iridu jaħdmu fil-btajjel u meta ma jkollomx x’jagħmlu, sa ma titlesta l-fabrika […]’.

FRIŻ  Il-filata mimduda bejn il-GWARNIĊUN u l-ARKITRAV. Bosta drabi din tkun iddisinjata b’xogħol artistiku bħal xi  bassoriljiev, jew inkella jista’ jkun hemm imnaqqxa xi iskrizzjoni b’messaġġ, li biha teżalta l-qaddis ta’ dik il-knisja. Ing. frieze.

frieze-5 (2)

FRONTISPIZJU   Il-forma norm. triangolari ta’ fuq il-faċċata ta’ knisja ġeneralment mibnija fi stil Rinaxximentali, Barokk jew Klassiku. Tal. frontespizio. Ing. tympanum.    

frontispizju G_4154
Il-frontispizju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann

GWARNIĊA MELITANA    Gwarniċ tal-ġebel li narawh f’ċerti binjiet ekklessjastiċi u oħrajn. Tip ta’ skultura forma ta’ FETTUL oħxon, wieqaf jew mimdud dritt, kultant igruppati fi tnejn jew aktar fillieri, wieħed ħdejn l-ieħor, biex jiddekoraw il-koxox u l-ĠEJŻA tal-bieb ta’ xi knejjes u kappeli, l-aktar dawk antiki. Tip ta’ element artistiku li kien jintuża f’binjiet tas-seklu sittax u sal-bidu tas-seklu sbatax. Ing. Melitan moulding jew fat moulding.

Ara aktar artikli dwar l-istorja, il-kultura u kliem antik Malti: http://www.kliemustorja.com

GWARNIĊUN     Bħal ċinta twila u mimduda fil-faċċata tal-knisja li toħroġ aktar ’il barra mill-bqija tal-binja. Bħal ħafna elementi arkitettoniċi oħra tal-knejjes dan hu stil dekorattiv u fl-istess ħin utili li ġej mit-tempji Griegi. Ing. cornice.

hnejja sancirgewwa Joe Morana
Ħnejja fil-kappella Tas-Sanċir – ħajr: Joe Morana

ĦNEJJA     Arkata. Saqaf forma ta’ qaws iħares ’l isfel. Saqaf troll. Arkata waħida bl-istess forma ta’ qaws li fuqha jserrħu x-xriek. Fil-każ tal-knisja tas-Sanċir, hemm diversi ħnejja li kollha isostnu x-xriek li jieħdu l-istess forma mgħawġa. Fil-każ ta’ Bir Miftuħ is-saqaf hu ċatt, biss ix-xriek iserħu wkoll fuq il-ħnejjiet.

 

KAMPNAR   Norm. nifhmu dik l-istruttura għolja, bħal torri jħaxken mal-knisja li jsostni l-ispazju msaqqaf li fih ikun hemm qanpiena waħda jew sett ta’ qniepen. Kampnari aktar sempliċi u iżgħar jiddendlu minn ĠEJŻA jew arkata fuq il-faċċata tal-kappella. Ing. belltower, belfry jew fil-każ ta’ kampnar sempliċi, bell-cot.

kampnar Joe Morana
Kampnar żgħir fuq il-kappella ta’ Bengħisa – ħajr: Joe Morana
kanċell 62995456_n
Kanċell ta’ stil Biżantin (seklu 13) fil-kappella ta’ Santa Maria, Kemmuna – ħajr: Roderick Busuttil

KANĊELL  Ir-reċint li jagħlaq b’mod fiżiku kif ukoll b’mod simboliku d-dawra tal-PRESBITERJU. Fil-kappelli antiki, bħal dik ta’ Ħal Millieri, jew fik ta’ Santa Marija ta’ Kemmuna n-naħa tal-altar jew apside tal-Lvant, (ċentrali) kien ikun magħluq b’kanċell tal-injam, bis-serratizzi mirfuda fil-ħitan tal-ġnub. Hawn il-kanċell kien jifred l-ispazju sagru minn dak profan. Fil-knejjes Barrokki u oħrajn aktar riċenti il-kanċell hu magħmul aktarx b’mod dekorattiv u fl-istess ħin simboliku. Biss dejjem jibqa’ reċint indikattiv li ħadd ma għandu jaqsam jekk mhux għal xi skop partikulari ta’ reverenza lejn is-sagrament.

 

 

 

KAPPELLUN     Waħda miż-żewġ kappelli kbar fil-ġnub l-aktar qrib tal-altar maġġur. Din hi dik il-parti laterali tal-knisja li flimkien mal-kursija u l-presbiterju tifforma salib. Iż-żewġ kappelluni faċċata ta’ xulxin, flimkien jagħmlu traversa.  E.B. Vella (1930) meta jirriferi għall-kappelli tal-ġnub tal-knisja tal-Mosta jseħħilhom ukoll kappelluni.

kappelluni

KANNIERJA    Is-sala li norm. tkun taħt il-knisja, fejn isir id-dfin jew fejn jinġabru l-fdalijiet tal-mejtin li jkunu diġà midfunin f’oqbra oħra. Oriġ., il-kannierja kienet intenzjonata biex fiha jindifnu il-membri tal-kleru, waqt li l-parruċċana kienu jindifnu taħt iz-zuntier jew f’xi ċimiterju barra r-raħal. Etim. mit-Tal. carnieria.

KAPTELL   1. Il-ġebla ddekorata ta’ fuq il-kolonna jew pilastru li fuqha jserraħ l-ARKITRAV. L-istil tal-kapitell ħafna drabi jkun jew dak Doriku, Ioniku, Toskan, Korintju jew xi taħlita ta’ xi wħud minn dawn. 2. Il-ħaġra mimduda li tagħlaq il-qabar minn fuq.

kapitellpng

KOPPLETTA     Koppla żgħira, norm. waħda minn diversi li jkunu mibnija madwar il-koppla l-kbira tal-knisja.

koppletta IMG_2128

KOR     L-apsida jew l-ispazju ta’ wara l-altar maġġur.

KORSIJA    L-ispazju passaġġuż tan-nava ta’ nofs il-knisja li mill-bieb ta’ barra jwassal sal-presbiterju.

Kursija

kwadretti panew me IMG_2774KWADRETT/I   Panew jew pannell. Ċerti soqfa troll tal-knejjes huma ddekorati bi kwantità kbira ta’ kwaderetti. Insibu bosta knejjes b’dan it-tip ta’ dekorazzjoni fis-saqaf troll. L-aktar eżempju majjestuż insibuh fir-Rotunda tal-Mosta għax hemm mijiet minnhom.  E.B. Vella (1930) jirreferi għal żewġ tipi ta’ kwadretti, dawk żgħar li hemm mal-koppla u dawk kbar li hemm mal-arzelli tal-kappelluni.

Arzell u kwadretti y

LANTERNA     Il-parti l-aktar għolja tal-knisja li sserraħ fuq il-koppla. Din tista’ tkun magħmula kemm mill-ġebel kif ukoll minn materjal ieħor eħfef, bħal gwarniċ tal-metall u twieqi tal-ħġieġ. Bosta drabi il-lanterna sservi biex mit-twieqi tagħha jidħol id-dawl tax-xemx għal nofs il-knisja.

Lanterna2010 320

LUNETTA   Spazju mal-ħajt imdawwar bi gwarniċ forma ta’ nofs qamar. Il-lunetti norm. insibuhuhom fil-kappelluni u fil-kappelli laterali. F’dan l-ispazju tkun impinġijja xena li għandha x’taqsam ma’ xi qaddis/a relatat/a mad-devozzjoni ta’ dik il-kappella jew knisja.

lunetta4080
Lunetta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, Il-Belt

MANERIŻMU   Stil ta’ arti u arkitettura li żviluppa mill-istil Rinaxximentali. L-arti u l-arkitettura Manerista kien ipprattikat minn xi artisti famużi, fosthom Michelangelo, bejn l-1560 u l-1600. F’dan l-istil il-periti issa ma baqawx iżommu fuq il-linji riġidi tar-Rinaxximent marbuta mal-arkitettura Klassika. Minflokk dawn bdew jisperimentaw bil-ġeometriċi tal-faċċata tal-binja. F’Malta, Gerolamo Cassar bena l-knisja konventwali ta’ San Ġwann bi stil ta’ Maneriżmu sempliċi.

image4

MENSULA   Kelma oħra għal kileb jew saljatura. L-iskop tal-mensula hu li fuqha jserraħ ħaġar ieħor, tiela l-fuq. Ing. bracket console. Ara: TIKLIB.

MIŻIEB / QATTARA  (pl. imwieżeb).  Ħaġra ġejja għat-tul b’kanal imħaffer ġo fiha u maħruġa ’l barra mill-binja li sservi biex l-ilma tax-xita li jinġabar fuq il-bejt jiskula minnha u jinżel dritt fl-art u ‘l barra mill-ħajt tal-binja, flok ma jċarċar mal-ħajt.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

NAVA / NAVATA  L-ispazju fit-tul ta’ bejn il-kolonni laterali u l-altari tal-ġnub fil-knisja. Dan l-ispazju jservi wkoll ta’ passaġġ jew kuritur. In-nava tibda min-naħa tal-bieb ta’ barra sal-presbiterju jew sal-kappellun traversali. L-istruttura intera hi n-navata.

neo gotiku
Il-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, il-Marsa

NEO-GOTIKU   Stil ta’ arkitettura li f’Malta kien popolari fit-tieni nofs tas-seklu dsatax. Kienu l-Ingliżi li introduċew dan l-istil li ntogħġob minn xi periti Maltin. Saru diversi xogħlijiet fuq dan l-istil arkitettoniku. Giuseppe Bonavia kien iddisinja l-knisja tal-Karmelitani fil-Balluta. Luigi Galizija ddisinja l-arkitettura tar-reċint tad-daħla taċ-ċimiterju tal-Addolorata kif ukoll il-knisja ta’ fuq l-għolja tal-Ħorr, fl-istess ċimiterju. F’Għawdex hemm il-Knisja tal-Madonna ta’ Lordes f’Għajnsielem mibnija ukoll bl-istess mod.

 

Neo Klassiku anglikanaNEO-KLASSIKU    Nistgħu ngħidu li l-arkitettura Neo-klassika daħlet f’Malta ftit snin wara l-wasla tal-Ingliżi fl-1800. In-Neo-klassiku jixbah l-arkitettura tal-binjiet Griegi u Rumani, biss fi stil aktar pur. Il-knisja tal-Mosta hi mibnija fuq dan l-istil, u kienet intenzjonata li tixbah il-Pantheon li hemm Ruma. Il-katidral Anglikan li hemm il-Belt ġie mibni wkoll fi stil Neo-klassiku.

OLYMPUS DIGITAL CAMERANEO-ROMANESK    Wara l-imħabba lejn in-Neo-Gotiku, l-Ingliżi mbaghad marru għall-istil Neo-Romanesk, tip ta’ arkitettura li terġa tmur lura għall-istil Romanesk li kien tant popolari fl-Ewropa, l-aktar fil-punent, l-aktar fis-seklu ħdax. In-Neo-Romanesk f’Malta narawh fl-istil ta’ bosta elementi arkitettoniċi tal-knejjes bħal Ta’ Pinu (1921), il-paroċċa ta’ Birżebbuġa (1938), Sant’Antnin ta’ Padova (1966), Raħal Ġdid, u l-knisja parrokkjali fil-lokalità ta’ San Ġwann (1959).

pendent 2978PENDENT   Il-pendenti jinsabu norm. f’dik il-parti ta’ fuq il-pilastri l-eqreb lejn l-artal maġġur, li fuqhom serraħ il-koppla. Il-pendent għandu l-forma ta’ triangolu maqrus ’il ġewwa u maqlub rasu ’l isfel. F’dan l-ispazju ħafna drabi tkun impinġija xi figura waħida ta’ xi qaddis, norm., wieħed mill-erba’ Evanġelisti jew xi profeta mit-Testment l-Antik.

PILASTRI     Tip ta’ plier kwadru, pjuttost ingastat u mħaxken mal-binja, aktar milli maqtugħ għalih. L-iskop tiegħu hu dak li jorbot l-istruttura tal-binja u tagħmila aktar stabbli kemm jekk fuq ġewwa kif ukoll  fuq barra tal-knisja. Jista’ jintuża wkoll bħal kolonna, biex iżomm it-toqol tas-saqaf. Bħal fil-każ tal-kolonni, il-pilastri jistgħu wkoll ikunu ddekorati b’tinqix ta’ bassi riljev, kif ukoll kultant ikunu miksija bl-irħam. Il-quċċata tal-pilastru tista’ wkoll tkun iddekorata b’kaptell.

Portiku tal-providenza Joe Morana
Il-Portiku tal-kappella tal-Madonna tal-Providenza limiti tas-Siġġiewi – ħajr: Joe Morana

PORTIKU    L-iskop ewlieni tal-portiku hu dak li jipprovdi lqugħ mix-xemx u x-xita li jaħbtu mal-faċċata tal-kappella jew knisja. B’hekk il-portiku għandu l-iskop li jipproteġi n-nies li jkunu ħerġin jew deħlin fil-knisja mill-elementi. L-aktar portiku antik li nbena f’Malta hu dak tal-Knisja ta’ Santa Katarina li hemm quddiem il-knisja tal-Vitorja, il-Belt Valletta. Dan kien iddisinjat fi stil Barokk mill-perit Taljan Romano Carapecchia. Portiku ieħor antik hu dak tal-kappella tal-Madonna tal-Providenza, is-Siġġiewi, maħdum fis-seklu dsatax.

presbiterju G_4135PRESBITERJU    L-ispazju ta’ madwar l-altar maġġur fejn, jekk il-knisja tkun kbira dan ikun ogħla mill-bqija tal-qiegħa tal-knisja b’tarġa jew tnejn, u mdawwar b’KANĊELL. Din hi l-parti fejn isiru l-maġġorparti tar-riti liturġiċi, b’ċerta distanza mill-bqija tal-kongregazzjoni. Fl-antik, l-altar maġġur kien ikun fuq in-naħa ta’ wara tal-presbiterju. Bir-rit il-ġdid l-altar-mejda hu ppożizzjonat fuq quddiem tal-presbiterju biex iċ-ċelebrant ikun iħares u eqreb lejn il-kongregazzjoni.  Ing. chancel, presbytery.

PROSPETTIVA     Il-gwarniċ norm. tal-ġebel li jdawwar il-pittura titulari, jew pitturi kbar oħrajn.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Prospettiva li ddawwar il-pittura (f’dan il-każ maqlugħa – kappella ta’ Santa Luċija, Naxxar.

Rinaxximent - CopyRINAXXIMENT   L-arkitettura Rinaxximentali kienet popolari ħafna fl-Italja u pajjiżi oħra Europej matul il-Medjuevu Tardiv. Matul dan il-perijodu Malta donnha ma ntlaqtetx minn din il-moda. Dan għaliex il-knejjes lokali dak iż-żmien kienu sempliċi għall-aħħar, u ddisinjati minn kapomastri Maltin li ma kellhomx l-għerf ta’ dan l-istil arkitettoniku. Anki fil-Katidral ta’ San Pawl, fl-Imdina, ma jidhirx li qatt intuża dan l-istil. L-arkittettura Rinaxximentali daħlet Malta ħafna aktar tard, u dan seħħ fi żmien li l-Ordni kien Malta, biss qabel ma ġiet introdotta l-arkitettura Barokka. Eżempji ta’ stil Rinaxximentali narawhom fil-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard, li Tumas Dingli ddisinja (ċ.1615), kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa; narawh ukoll f’xi elementi tal-bieb tal-faċċata tal-knisja ta’ San Girgor u fil-kappella Ta’ Ingrau, it-tnejn fiż-Żejtun, kif ukoll fil-kappella ta’ Santu Rokku, Ħal Balzan.

rococo zebbug parish ch IMG_2109ROKOKO   Stil ta’ arti li żviluppa mill-Barokk fis-seklu tmintax. L-istil tar-Rokoko jpaxxi l-għajnejn bid-dettalji tad-dekorazzjoni artistiċi u esaġerati fl-arkitettura. It-tinqix u l-iskultura ddisinjati fuq il-ġebla huma aktar frivoli minn dawk tal-arti Barokka. F’Malta, ir-Rokoko jidher biss f’partijiet ta’ ċertu knejjes, bħal ngħidu aħna, il-kor tal-knisja parrokkjali ta’ San Filep Ħaż-Żebbug. Xogħol ieħor ta’ gosti f’dan hu t-taraġ tal-mużew l-antik tal-arti, fi Triq in-Nofsinhar, il-Belt u fis-sala tal-ballu f’Palazzo Parisio, in-Naxxar li nbniet fil-bidu tas-seklu għoxrin. Kultant hawn min isejjah l-istil Rokoko bħala BAROCCHETTO, għalkemm dan suppost jinfiles bejn il-perijodu u l-istil Barokk u dak Rokoko.

Ara aktar artikli dwar l-istorja, il-kultura u kliem antik Malti: http://www.kliemustorja.com

RUŻUN    Norm. rif. għat-tieqa maqtugħa fit-tond u f’forma ta’ fjura dekorattiva li tkun ħafna drabi żżejjen l-faċċata jew il-ġnub. Hawn bosta knejjes f’Malta li huma ddekorati b’rużuni sbieħ mal-faċċata, fosthom dik ta’ San Bażilju, l-Imqabba. Sqal. rusuni. Tal. rosone.

Ruzun San Baazilju mqabba Joe Morana - Copy
Rużun mal-faċċata tal-kappella ta’ San Bażilju, l-Imqabba – ħajr: Joe Morana

SAMROTT    Ġebel mibni f’forma ta’ arkata mal-bieb ta’ barra l-kappella. Dan ikun magħmul b’mod li ċ-ċnagen iserrħu waħda mal-oħra biex mirfudin flimkien jifformaw ħnejja stabbli li fuqha jista’ jinbena l-bqija tal-faċċata tal-kappella jew knisja. Fin-nofs ta’ din l-arkata jkun hemm iċ-ĊAVI. Is-samrott hu ta’ siwi biex jistabbilizza u jifrex it-toqol tal-binja. Ing. / Franċiż: VOUSSOIR.

samrott S Bartilmew

SKUTELLA     Il-koppla proprja li sserraħ fuq il-tambur.

TAMBUR     Il-kostruzzjoni għolja, forma ta’ ċirku li minn fuq il-bejt tal-knisja, togħla ’l fuq biex fuqha sserraħ il-koppla. 

tambur IMG_5798
Tambur u koppla bejn żewġ koppletti – Knisja parrokkjali ta’ Ħal Kirkop

TIKLIB    Il-proċess li bih tinbena koppla. Kull ħaġra tirkeb lill-oħra fil-filata ta’ taħtha, sakemm il-koppla tagħlaq minn fuq nett. Ing. corbelling.

kileb mosta dl (2)           kilebbxxxx klieb

TRIBUNA   Armar ta’ erba’ kollonni dekorattivi mibnija fuq il-presbiterju madwar l-altar maġġur u li jsostnu iċ-ċelu jew tużell. Kemm-il darba, l-knejjes bażilikali, flok tużell waħdu fuq l-artal, ikollhom it-tribuna.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

TROLL     Saqaf maħdum bħal arkata mat-tul kollu tal-kursija tal-knisja. Ing. barrel vault.

troll ta IMG_6293

ZOKKLU / ZOKKLATURA     F’termini ta’ arkitettura, iz-zokklu hu l-parti l-aktar baxxa tal-bażi tal-kolonna. Il-forma taz-zokklu jista’ jkun kwadru, jew rettangolari u rqajjaq.  Ing. plinth, socle, dado.

Zuntier Joemorana 0621_
Zuntier – ħajr: Joe Morana

ZUNTIER / ZIMTIER   Ir-reċint, jew pavimentar ta’ quddiem jew ħdejn il-knisja. Fl-antik din il-parti kienet isservi bħala ċimiterju, tant li l-kelma zuntier ġejja mill-Sqalli zimmiteri. Anki Agius de Soldanis (1712 – 1770) jirriferi għal din il-parti bħala ‘zimtier’. Dan jindika li fi żmien A. de S., iz-zuntier kien għadu jservi bħala l-post tad-dfin. Fil-kuntest tal-lum, iz-zuntier iservi aktar bħala l-post fejn wara l-quddiesa ħafna nies jieqfu, u jinġabru biex jgħidu xi kelma qabel ma jmorru lura d-dar!

Martin Morana

16.07.2021

Ħajr lil Ġużi Gatt li dar dan l-artiklu u għaddili ċertu tagħrif siewi.

 

Bibliografija

Aquilina Joseph, Maltese English Dictionary, Vol. I & II. Midsea Books Ltd.  1987 & 1990.

Buhagiar Mario, The Late Medieval Art and Architercture of the Maltese Islands. Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2005.

Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni. Klabb Kotba Maltin. 2005.

Hughes Quentin, Fortress – Architecture & Military History in Malta. Lund Humphries, London. 1969.

Luttrell Anthony, Ħal Millieri: A Maltese Casale, Its Churches and Paintings. Midsea Books Ltd. 1976.

Mahoney Leonard, 5000 Years of Architecture in Malta. Valletta Publishing. 1996.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti, Klabb Kotba Maltin.

Vella Charlene, Late Medieval Malta 1091 – 1530. Midsea Books. 2013.

E.B. Vella, Storja tal-Mosta Bil-Knejjes Tagħha. Empire Press. 1930.

         *           *          * 

Ara aktar artikli dwar l-istorja, il-kultura u kliem antik Malti: http://www.kliemustorja.com

Aktar pubblikazzjonijiet mill-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Leave a comment