Il-PREFISS BU fil-Malti

KLIEM MALTI bil-PREFISS

BU

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Introduzzjoni

Fil-Malti, il-prefiss ‘bu’ jintuża f’bosta nomi bħala appellattiv li juri l-karatteristiċi ewlenin ta’ dak li jkun, kemm jekk bniedem, annimal, kemm jekk pjanti, għasafar jew oġġetti inanimi.

Intant, ċerti kunjomijiet Maltin xi darba kienu jagħtu ħjiel tax-xogħol li kien jagħmel dak il-bniedem partikolari billi jinkludu dan il-prefiss f’laqamhom. Hekk insibu li jekk xi ħadd kellu, jew kien ibigħ it-tiġieġ, dan kien imlaqqam Butiġieġ li biż-żmien sar il-kunjomu Buttigieg, li mbagħad serva wkoll bħala kunjom għal familji oħra li tnisslu minnu, anki jekk dawn ma kellhomx tiġieġ xi jbigħu. L-istess, il-kunjom Buhagiar – xi darba kien jirriferi għal xi ħadd li x’aktarx kien sid ta’ xi barriera. Sal-lum, il-prefiss ‘bu’ jintuża meta jingħataw laqmijiet marbuta mal-apparenza tal-individwu, bħal ngħidu aħna, il-laqam, butwila biex jindika li l-persuna, hu ta’ statura twila. Jekk imbagħad xi ħadd ikollu ġismu muswaf dan malajr jaqla’ t-titlu ta’ ‘busufu’. Bosta għasafar, insetti u ħut ingħataw l-isem tagħhom mill-bdiewa jew kaċċaturi billi semmewhom ‘bu’ + xi ħaġa, skont il-karatteristiċi jew manjieri partikolari tagħhom. Eżempju ta’ dan hu il-buċaqq li jagħmel ħoss qisu qiegħed iċaqċaq – għaldaqstant laqam jew isem onomatopejku. Il-bugħarwien (mollusk) hu imsejjaħ hekk għax għalkemm qisu bebbuxu din il-kreatura ma għandux dahar (qoxra) li tgħattih.

Il-prefiss ‘bu’ daħal fil-Malti mill-ilsien Għarbi u bosta laqmijiet kienu magħġuna fil-Malti antik matul is-sekli. Fl-Għarbi, il-prefiss, abb, أب  (missier) jew abu, أبو (missier ta’ xi ħadd) għadu jintuża ħafna. Abb, abu jew bu jservu bħala konja, jiġifieri, terminu li juri rispett lejn dak li jkun, l-aktar bħala l-missier ta’ xi ħadd. Dan għaliex, il-missier, apparti li kien u għadu kkunsidrat bħala l-missier bijoloġiku tat-tfal tiegħu, hu kkunsidrat ukoll bħala l-kap u s-sid tal-familja kif ukoll tal-proprjetà kollha ta’ dik il-familja. Fil-Malti għandna – jew aħjar kellna xi ħaġa simili, fit-tifsira antika ta’ missier, għax din il-kelma ġejja mit-Taljan antik, messier, li bħal fil-Franċiż monsieur, tfisser is-sinjur jew il-’padrun tiegħi’.  

Fid-dinja Għarbija, intant, il-prefiss abb jew bu kien u għadu mogħti lill-ewwel wild tal-familja, għax dan it-tifel jixraqlu l-preċedenza fuq ħutu. Jekk il-missier jiġi nieqes dan obbligat jieħu r-rwol tal-missier, biex imantni, jidderiġi u jipproteġi l-familja. Il-missier jieħu dan it-titlu meta jitwieled it-tifel jiġifieri jekk it-tifel jismu Aħmed il-missier jibda jissejjaħ Abu Aħmed, jiġifieri, missier Aħmed; qisek qed tgħid, ‘Missier Toni’. Fl-Għarbi, bħal fil-Malti, il-prefiss ‘bu’ jirriferi wkoll għall-karatteristika partikulari li jkollu dak li jkun. Jekk bniedem għandu l-mustaċċi dan malajr jgħidulu, Bu Xwiereb (Tal-mustaċċi). L-isem Abu Bakr, hu titlu jew aħjar kunja li jfisser, sid ta’ ġemel żgħir, jew inkella, wieħed li jħobb u hu midħla tal-iġmla. Bużġieġ hu xi ħadd li jaħdem iż-żġieġ. Fl-Għarbi, il-prefiss bu hu wkoll użat biex jirreferi għal karatteristiċi oħra. Meta bniedem ikun injorant, dan malajr jaqla’ t-titlu ta’ abu ġaħl. Interessanti wkoll li nsemmi li l-Isfinġe (Ing. Sphinx), dik l-istatwa ġganteska li hemm qrib il-piramidi tal-Eġittu hi magħrufa bħala, Abu l-Kħawl, jiġifieri, ‘is-sinjur li jbeżża’, forsi minħabba l-forma ta’ din l-istatwa li hi tixbah ġisem ta’ iljun b’ras ta’ bniedem. Fil-Malti, hemm qrib tagħha il-kelma, ‘għul’, li fil-folklor tagħna, dan kien dak il-mostru jew serpent li jbeżża’. Eżempju ieħor ta’ kif jintuża dan il-prefiss fl-Għarbi, hu, Abu il fulus li tirrefferi għal xi lok fejn hemm moħbija l-flus. L-isem ta’ Abu Dhabi jfisser, il-post fejn jinsabu ħafna għażżiela (Ing. gazelles).

Hawn taħt tistgħu taraw lista ta’ madwar mitt appellattiv li jibdew bil-prefiss, ‘bu’. Kemm stajt inkludejt it-tifsira ta’ bosta minnhom, skont dak li sibt f’bosta pubblikazzjonijiet li wieħed jista’ jafda fihom.

Martin Morana

20 ta’ Lulju, 2023

—–

Kunjomijiet

BUGEJA – BUHAGAR – BUSIETTA – BUSUTTIL – BUTTIGIEG

—–

Laqmijiet u Termini Oħra

BUDENBU     Laqam ieħor għax-xitan, għax dan jirreferi għal ‘Ta’ denbu twil’.

BUĠUĦ       Akkuża jew tgħajjira lil xi ħadd li juri li hu mġewwaħ.

BUGĦAŻŻ     Aġġettiv li bih tgħajjar lil xi ħadd li hu għażżien.

BUKRAJX     Bejjiegħ il-kirxa / jew min għandu il-kirxa (żaqqu) kbira.

BUMNIEĦER   Bniedem b’imnieħru kbir.

BUNAJJAR    Bniedem li xogħolu hu li jitfi n-nar. Minn bu + najjâr. (J. Aquilina, 1987).  

BUQARRIEQ  Wieħed li jqarraq bin-nies.

BURAS       Bniedem li fiżikament għandu rasu kbira.

BUSNIENU    Laqam li jingħad għal xi ħadd bi snien prominenti.

BUSUFU      Bniedem muswaf.  

BUTLETTAX   F’waħda mill-ħrejjef li Patri Manwel Magri ġabar minn fomm in-nies, dan kien it-tlettax-il wild tal-familja. (Ġorġ Mifsud Chircop, 1994).

BUTTIF       Bniedem jew oġġett ċkejken immens.

BUTWILA     Bniedem ta’ statura twila.

BUWIĊĊEJN   Bniedem li mhux ta’ min jafdah. Bl-Ingliż ngħidu, double-faced.

BUXWEJKA    Laqam għal xi mara li tkun baqgħet niexfa u żgħira fl-istatura tagħha. Dan hu paragun ma tiġieġa qsajra magħrufa hekk ukoll.

BUŻNANNU   In-nannu tan-nanniet. Missier in-nannu. Kultant dan it-terminu jintuża meta wieħed irid jindika li xi ħadd bħala bniedem li għandu ħafna żmien.

—–

Lokalitajiet u Ambjenti  

BUBAQRA  Raħal qadim li jinsab lejn iż-Żurrieq. 

BUDAQQ  Akkwati magħmula minn għelieqi fin-naħa ta’ Ħal Għargħur u l-Madliena. Fl-1398, din l-art kienet ingħatat mir-renju ta’ Kastilja lin-nobbli Johannes de Aulesa bħala fewdu. Ara: FEWDU.

BUFIES   Raħal jew lok immaġinarju, x’imkien ’il bogħod, li jissemma f’waħda mill-ħrejjef li Patri Manwel Magri (1851 – 1907) jirrakkonta. Fil-ħrafa, mara riedet lil żewġha jmur Bufies biex iġibilha ‘l-Ilma tal-Ħajja’. Din kienet skuża, għax fil-fatt riedet biss teħles minnu, għax kif qalet hi, […] ‘Min imur Bufies minn hemm ma jiġux nies […]’. (Ġorġ Mifsud Chircop, 1994).

BUĠEBDA  Post ieħor immaġinarju mill-ħrejjef li ġabar Patri Manwel Magri. L-istorja tgħid ‘ħanini mar Buġebda min fejn ma jiġi ebda’. Għandu mnejn li dan l-isem seta’ kien Buġibda, jiġfieri, post ’il bogħod sew. Fil-Malti ngħidu, ‘hemm ġibda sew biex tasal hemm’. (Ġorġ Mifsud Chiercop, 1994).

BUĠIBBA   Fil-ktieb tiegħu, Place-names of the Maltese Islands ca. 1300 – 1800, Godfrey Wettinger jgħid li dan kien isem ta’ xi ħadd li ngħata lil dawk l-inħawi li llum huma msejħa hekk.  

BUGĦAŻ  Id-daħla tal-port fejn tkun l-aktar dejqa. F’Għawdex hemm żewġ akwati magħrufa hekk.  

BULEW   Erin Serracino Inglott fil-Miklem Malti, jgħid li dan l-appellativ ġej minn Bu + lew, (Ħal Lew) wieħed mill-irħajjel antiki li ma għadhomx jeżistu.

BULEBEN / BULEBEL, TA’   Riferenza għall-akkwati li jinsabu bejn Ħal Tarxien u ż-Żejtun.  Il-prefiss jindika li l-post hu ‘bu’ + ‘lebiena’, jiġifieri art xotta u sħuna. Ara aktar dwar dan billi tikklikkja hawn: BULEBEN

BUNI   F’Birżebbuġa nsibu, Wied il-Buni, qrib lejn Kalafrana. Buni tfisser ‘ta’ missieri’. Jista’ jkun li dan mhux prefiss għax l-isem għandu mnejhn ġej minn Burni jiġifieri, il-bur ta’ missieri. Wied il-Buni jsemmuh kemm Agius de Soldanis (ċ. 1750-1768) kif ukoll Mikiel Anton Vassalli fil-Lexicon, (1796). Ara: BUR.

BUNAĦLA / BUNAĦĦALA   Għelieqi li jinsabu qrib il-Fiddien, limiti tar-Rabat.

BUSEWDIEN   Ismijiet ta’ żewġ oqsma ta’ art, wieħed fin-naħa tal-Mosta, u l-ieħor lejn San Pawl il-Baħar. Dan l-isem imniżżel minn Agius de Soldanis fid-Damma. (Rosabelle Carabott, 2016).

BUQANA   Isem ta’ post bejn l-Imdina u l-Mosta. Etim. Bu + qana, il-post fejn l-ilma jimxi minn qana għal oħra. Kanal tal-ilma għat-tisqija tal-għelieqi. Ara: FEWDU u QANA.

BUTOMNA  Għar imsemmi hekk fl-inħawi tal-Mellieħa. Dan jirriferi għalieh Godfrey Wettinger fil-ktieb Place-names of the Maltese Islands (2000).  

BUŻIGRILLA   Ambjent qrib ir-Rabat li jissejjaħ hekk.

BUWARRAD   Jista’ jkun li ‘bu’ mhux prefiss. Dan l-isem jista’ jkun mod ieħor li jirreferu għall-Burmarrad. Hemm modi oħra kif jissejjaħ dan l-ambjent, Benwarrad jew burwarrad.

—–

Annimali u Insetti

BUGĦARWIEN   Hemm diversi tipi ta’ dan il-mollusk li hu bħal bebbuxu, biss, mingħajr il-qoxra ta’ daharu. Hemm il-bugħarwien komuni, il-bu. tal-bjar. Il-bu. iswed / ħamrani jew ġriż. Is. xj. Limax variegatus. Ing. slug.

BUĦARRAT   Insett li jeqred l-għeruq tal-pjanti. Is. xj. Gryllotalpa vulgaris. Ing. mole cricket.

BUKAGĦWAR  Tip ta’ ħanfusa sewda. Magħruf ukoll bħala ‘nannu karwat’. Dan l-insett jgħix fit-trab u l-ħmieġ tal-art li minnu jaf jirrombla ballun biex fih ikun jista’ jbid il-bajd u jfaqqas il-ġeneru tiegħu. Is. xj. Atheucus sacer. (Ing. beetle). Ara: ĦANFUS.

BUMUNQAR  Hemm il-bumunqar tal-ful, il-bu. tal-kaboċċi, il-bu. tal-piżelli u oħrajn. Is. xj. Pachycerus madidus. Ing. weevil.

BUMELLIES   Is. xj. Tenebrio monitor. Ing. Grub mite jew Meal-beetle.

BUNITTIEN  Is. xj. Carabus morbillosus. Ing. Great ground beetle.  

BUQARN   1. Insett bħall-ħanfusa. Is. xj. Oryctes nasicornis. Ing. dung beetle. 2. Il-kittieb Malti, u editur tal-ewwel perjodiċi ppubblikati f’Malta, Richard (Ricardo) Taylor (1818 – 1868) juża dan l-istess isem għall-unicorn. Ara: ĦANFUS.

BUQARN ŻGĦIR    Is. xj. Pyllognathus silenus. Ing. Lesser rhinoceros beetle.

BUQRUN     Is. xj. Platycleis tessellata. Ing. Bush-cricket.

BURAĦBA    Bu + raħba, – raħba x’aktarx hi l-femminil ta’ raħeb = patri. Is. xj. Blatta orientalis. Ing. Black beetle.

BUSUF TAT-TIKKI BOJOD  Insett li jiekol il-ħawħ. Is. xj. Oxythryrea funesta. Ing. White spotted barbary bug.

BUŻRINĠU   Appellativ għal żrinġ ta’ ċertu kobor.

—–

Għasafar

BUĊAQQ / BUĊAQĊAQ  Magħruf ukoll bħala BUŻAFŻAF (Ing. stonechat). Hemm diversi tipi ta’ għasafar li għandhom dan l-isem, bħal ngħidu aħna, buċaqq ħamrani, bu. tax-xitwa (Ing. stonechat – Is. xj. Saxicola torquata), u bu. tas-silla (Is. xj. S. rubertra – Ing. Winchat).

BUĠAQĠAG   Malvizzun iswed. Is. xj. Turdus viscivorus. Ing. Mistle trush.

BUFULA  Hemm ħafna speċi ta’ dan l-għasfur, bħall-bufula griża, (Ing. Passerine warbler u bu. Sewda. Is. xj. Sylvia melanocephala. Ing. Sardinian warbler, bu. ħadra, Ing. Wood warbler, bu. tal-ħarrub u oħrajn.

BUGEDDUMU    Is. xj. Pyrrhula pyrrhula. Ing. bullfinch. 

BUGGIDIEM / BUGĦAJJAT  Jeżistu diversi speċi ta’ dan l-għasfur. Hemm il-bu. ċar, il-bu. prim, il-bu. sekond, il-bu. sidirtu ħamra, u oħrajn. Is. xj. Lanius excubitor. Ing. Shrike.

BUGRIŻA  Magħruf ukoll bħala kudiross sidirtu sewda. Is. xj. Ruticilla tithys. Ing. Black redstart.

BUGĦADAM   Hemm diversi speċi ta’ dan l-għasfur. Il-bu. ta’ rasu ħamra, Is. xj. Circus aeruginosus. Ing. Marsh harrier, il-bu. abjad, il-bu. abjad prim, u bu. griż.

BUGĦADDAS   Magħruf ukoll bħala, blonġun prim jew margum (V. Busuttil, 1900). Is. xj. Podicep cristatus. Ing. Great crested grebe.

BUKĦAJLA     Magħruf ukoll bħala għasfur tal-gamiem. L-isem ġej minn bu + kħajla (ikħal). Is. xj. Sylvia consipicillata. Ing. Spectacled warbler.

BULEBBIET     Magħruf ukoll bħala sultan is-summien. Is. xj. Jynx torquilla. Ing. Wryneck.

BUMISTUR     Is. xj. Troglodytes troglodytes. Ing. Wren.

BUMUNQAR    Is. xj. Carpodacus erythrinus. Ing. Scarlet rosefinch.

BUNITTIEN    Għasfur magħruf aħjar bħala l-kanġu ta’ Filfla. Is. xj. Hydrobates pelagicus. Ing. Storm petrel.

BUQRAJQ / BUQREJQA   Is. xj. Caprimulgus europeus. Ing. Nightjar. (V.Busuttil jagħti l-isem bl-Ing. bħala goat-sucker).  

BUSAJJIED   Magħruf ukoll bħala bugħajjat sekond, jew kaċċamendula griża. Is. xj. Lanius minor. Ing. Lesser grey shrike.   

BUSWEJDA / BUSEWDIEN   Magħruf anki bħala bufula sewda jew għasfur tal-maltemp. Is. xj. Sylvia melanocephala. Ing. Sardininan warbler.

BUŻAFŻAF    Ara:  BUĊAQĊAQ.

BUXWEJKA   Razza ta’ tiġieġ li llum jgħidulhom Tal-Kina. Ara l-laqam, ‘buxwejka fis-sezzjoni Laqmijiet u Termini Oħra. Ara: KINA.

—–

Ħut

BUDAKKRA  Jeżistu diversi tipi ta’ din il-ħuta, eż., budakkra tal-qawwi, bu. ħamra, bu. tal-għajn, bu. tal-għalla, u oħrajn. Is. xj. Blennius gattorugine. Ing. Blenny jew Rock blenny. 

BUDENB   Magħrufa wkoll bħala pixxi volpi. Is. xj. Alopias vulpinus. Ing. Sea fox jew Sea ape.

BUQARN   Ħuta magħrufa wkoll bħala pixxikornutu. Is xj. Peristedion cataphractum. Ing. African armoured searobin.

BURAS    Mulett. Is. xj. Mugill chelo. Ing. grey mullet.

BURQAX  Ħuta żgħira magħrufa wkoll bħala sirena. Jeżistu diversi speċi. Is. xj. Serranus scriba L. Ing. painted comber. 

BURXIEX / BUXIĦ / BOXBOX   Is. xj. Labrus turdus L. Ing. Green wrasse.

BUSUF   Lingwata ħarxa. Is. xj. Monochirus hispidus. Ing. Whiskered sole.

BUWAĦĦAL   Ħuta magħrufa wkoll bħala qalfat jew sangisug. Is. xj. Petromyzon marinus. Ing. Sea lamprey.

BUŻAQQ    Is. xj. Aphanius fasciatus. Ing. killifish.

BUDENBU   Isem ieħor għall-pixxi-volpi. Is. xj. Alopias vulpes Gmel. Ing. Tresher shark jew Sea fox.

BURAS    Mulett ta’ rasu kbira, kaplat. Is. xj. Mugil cephalus L. Ing. Grey mullet.

BUXIĦ     Ara: BURXIEX.

BUŻAQQ   Is. xj. Micromugil timidus / Cyprinodon calaritanus. Ing. Globe fish.

BUŻULLIEQA   Ħuta żgħira li tgħix qrib il-kosta. Il-qoxra ta’ din il-ħuta ddellek u tiżloq ħafna.  Idj: ‘Jiżloq daqs bużullieqa’ – rif. għal xi ħadd li jaħrab minn kelmtu. Is. xj. Blennius pholis. Ing. Smooth blenny.

—–

Pjanti 

BUDEBBUS  Isem ġeneriku li jingħata lil bosta xtieli. Hemm il-budebbus abjad Is. xj. Orobanche muteli Schultz, kif ukoll il-bu. ikħal. Is. xj. Orobanche lavandulacea. Hemm ukoll il-bu. tal-lellux u l-bu. tal-ful. Ing. Broomrape.

BUMNEJĦER   Kosbor selvaġġ. Pjanta li hi magħrufa wkoll bħala, sorm il-patri. Is. xj. Bifora testiculata. Ing. Wild coriander.

BUNEFAĦ   Jista’ jkun li dan hu isem ieħor għall-bużbież. (J.A.)

BUNEXXIEF / BUNIXXIEF  Pjanta magħruf ukoll bħala nixxiefa. Tikber fis-salvaġġ. It-tfal kienu u għadhom jilgħabu bis-sbula ta’ din il-pjanta billi jgarawha lil xulxin, għax il-ponot tagħha jaqbdu malajr mad-drapp, l-aktar dak tas-suf. Is. xj. Hordeum murinum. Ing. Wall barley.

BUQEXREM  Ħaxixa tal-banju, verbena jew birbiena. Is. xj. Verbena officianalis. Ing. Vervain.

BURDLIEQA  Magħrufa wkoll bħala, lgħab ix-xiħ. Is. xj. Portulaca oleacea L. Ing. Common purslane. 

BURIĦA     Melissa jew nagħniegħ in-naħal. Is. xj. Melissa officianalis. Ing. Lemon balm.

BURIKBA    Is xj. Mercurialis annua L. Ing.  Annual mercury / Herb mercury.

BUŻBIEŻ    Is. xj. Foeniculum vulgare. Ing. fennel.

BUSIEQ    Pjanta magħrufa wkoll bħala buswieq jew żagħfran tal-velenu. Is. xj. Colchicum cupani. Ing. Meadow saffron.

BUSNALJA   Magħrufa wkoll bħala bużnaga jew dundliena. Is. xj. Ammi visnaga. Ing. Sand bullwort.

—–

Oħrajn 

BUDEBBUS  Tip ta’ bastun li jkollu boċċa fuq tarf minnhom. Fl-antik kien użat mill-bdiewa tal-Għarb. (J.A.) Ara: DEBBUS.

BUGĦAWWIEĠ  Ebbusija tal-muskoli u tal-ġonot fl-għadam, bħal fis-swaba tar-riġlejn, jew tal-idejn. Kelma li hi magħmula minn bu + għawwieġ, x’aktarx għaliex is-swaba jew il-pexxun meta jibbiesu jinħassu bħalikieku qed jinġibdu u jitgħawġu.

BUQRAJQ  1. Speċi ta’ skalpell li jintuża biex bih iqaċċtu r-ras tar-rivit.  2. Skalpel magħmul b’xafra rqieqa u ppuntat bi ħxuna ta’ 45 grad biex iqalfat u jwitti l-kanal fl-injam biex dan ikun aktar fond u lixx. Ing. shearing chisel.

BUQRAMBU   Fl-antik, b’mod ta’ ċajt lit-tfal kienu jgħidulhom, ‘x’kilt illum? U r-risposta li ma jkunux jafu jwiġbuha tkun, buqrambu. It-tifsira ta’ din il-kelma mhix ċerta. (J.A. 1987).

BUSNALJA    Bċejjeċ tal-interjuri. Sqalli buzzunagghia.

BUTTAZZA   Bettija. Nom li jinsab fil-ħrafa ‘Id-Dinja ta’ Taħt’ li ġabar Patri Manwel Magri, ‘[…] Intix tara dik il-buttazza tal-inbid fejn il-baħar? […]’ Ġorġ Mifsud Chircop, (1994). J. Aquilina jgħid li bl-Ingliż tfisser, vat jew barrel.

BUXAKKA / BUXAQQA   Terħa wiesgħa, twila tas-satin, ikkulurita li kienet tintlibes l-aktar fil-festa mir-raħħala. Etim. Sqal. fusciacca – terħa simili.

BUŻARDA  Tavla waħda minn bosta li tintuża abbord biex torbot iz-zokk tal-pruwa mal-murata (Ing. shipside).

BUŻERQUN  Marda li teffettwa l-ilsien u l-griżem tat-tiġieġ u għasafar oħra. A. de Soldanis bil-Latin jgħidilha, pituitas.

http://www.kliemustorja.com

BIBLIJOGRAFIJA

Aquilina Joseph, Maltese English Dictionary, Vol I & II. Midsea Books Ltd. 1987 & 1990.

Agius Albert W. Agius, Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħrajn. B.D.L. 2004.

Agius de Soldanis Gianfrancesku, Damma Tal Kliem Kartaġinis mscerred fel Fom tal Maltin u Għaucin. Ed. Rosabelle Carabott. L-akkademja tal-Malti et al. 2016.

Bonnet Guido & Attard Joe, The Maltese Countryside volume 1. Publishers Enterprises Group.2005.

Bonnet Guido & Attard Joe, The Maltese Countryside volume 2. Publishers Enterprises Group. 2005.

Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju mill-Malti għall-Ingliż. N.C. Cortis & Sons.1900.

Farrugia Randon Stanley& Micallef Robert, Popular Fish in the Mediterranean Sea. P.E.G. 2004.

Lanfranco Guido, Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin. Media Centre. 1993.

Mifsud Chircop Ġorġ, Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna. PEG. 1994.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti.  Klabb Kotba Maltin. 1974 – 1989.

Sultana Joe & Gauci Charles, L-Għasafar. Is-Soċjetà Ornitoloġika.1979.

Vassalli Mikiel Anton, Lexicon, 1796.

Wettinger Godfrey, Place-names of the Maltese Islands – ca. 1300 – 1800. PEG. 2000.

‘Kunya’, https://en.wikipedia.org/wiki/Kunya_(Arabic)

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn: 

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Leave a comment