x

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
XABBATUR / XABBAT, IX- * XABÒ * XABLOTT * XADOKK * XAGĦRI/JA * XALATA * XAM * XARIJA * XARRU *  XAGĦAT * XAGĦRA * XAGĦRI * XAGĦTAR * XAHAR IS-SALIB * XAĦMET L-ART * XALET (ara: CHALET) * XALPA / SARPA * XALUPPA * XAMBEKK * XAMBRELLA * XANTALJUNI * XANTUSA * XAQFA * XAQQ * XAQQ / XQAQ / XQUQ IS-SAFRA * XAQRA *XARBITELLA * XARQITHOM * XARRETTA *  XATAR (ara XTUR ) * XATBA * XATRA * XATRAMBATRA * XATT IL-BARRIERA * XAWWAT (ara: XAWWATA) * XAWWATA * XBAT * XBIN / XBINT * XEBB * XEDD * XEDDA * XEHBIEN * XEHDA * XEHWA * XEJB * XEJKU * XEJXI * XEKKIEK * XEKKUKA * XELIN * XELIN, TAX- * XELLEJ * XELLEL (ara: XULLIELA) * XELLIEL * XEMA’ TAŻ-ŻIFT * XEMPJU TAL-BIZZILLA * XENXEL (ara: XENXUL) * XENXUL * XERBEBB * XERFIJA * XERRI * XEWWIEL / XEWLA * XGĦIR * XGĦIRA * XIBER * (SC)XIBERRAS * XIDI / XIDA * XIDJA * XIFA * XIFILQANA * XIĦA, IX- * XIKEL * XILEP * XILPA * XIMMJOTT / XIMJOTTATUR * XINI * XINILJA * XINTILL * XIPLI * XIRF * XIRKA / XIRKA, ĦAMIS IX- / XRIK * XIRKA TAL-IMDAWLIN * XIRKA XEMIA * XISA * XITAN * XIXU * XKAKK * XKATLAR / XKATLU * XKAVINA * XKOMP * XKUMA * XKUMVATA / XKUNVATA * XLEJLI, IT-TORRI TAX- * XLENDI * XLIEQA * XMIL * XMUNDIFIER (ara: VAPUR TAL-ART) * XNIEN / XNEJN  U NIFEL / NEFEL * XNIEXEL * XOFER * XOGĦFA * XOLLIEFA (ara: XULLIEF) * XOLLIELA / XULLIELA * XOQQA * XORBEBB * XORROX * XORTA * XPAKKAPIETRU / XKATTAPIETRA * XPRUN * XPRUNARA * XRIEK * XRIĦA * XROB/B IL-GĦAĠIN * XROPP * XTILLIERA * XTUR * XULLIEF * XULLIELA * XUPPAT/U * XURRAF * XURI * XUWA * XUXA *  XUXXAR *

XABBATUR  / XABBAT,  IX-  Wieħed li jitla’ ma’ xi ħajt jew irdum. Dan hu wkoll l-appellattiv ta’ wieħed mill-pasturi li naraw fil-presepju. Verament, jissejjaħ hekk mhux għax dan il-karattru jixxabbat ma’ xi rdum, iżda għax jidher qed jittawwal, (jixxabbat għal isfel), minn fuq il-grotta fejn hemm il-Bambin fil-maxtura. 

XABLOTT   Stalett. Xabla żgħira bħal sejf bix-xafra kemxejn milwija. Ing. dagger. V.B. (1900).

XABO’    Tarf jew keffa iddekorat/a tad-dublett jew tal-għonq tal-qmis bil-ġmigħ. Dan kien jintlibes mill-uffiċjli tal-Ordni ta’ San Ġwann. Eż. ieħor ta’ xabò hu dak id-drapp tal-bizzilla li għandu xeħta ta’ maktur li jintlibes taħt l-għonq mill-imħallfin. Fr. jabot – M. frill.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Ħajr: Michael Mifsud

xaddokkd.jpgXADOKK    Frott magħruf ukoll bħala ‘larinġ tal-Olanda’. Is. xj. Citrus grandis / C. maxima. Frotta li tixbah il-grapefruit, għalkemm hawn min jgħid li din hi simili, biss ikbar. Etim. l-isem jikkopja preċiżament il-pronunzja Ing. shaddock. Skont rakkont mhux ivverifikat, jidher li ċertu Captain Shaddock kien skopra din il-frotta fil-gżejjer tal-Oċean Indjan, x’aktarx fil-Malasja jew fil-Polineżja. Kien introduċa ż-żerriegħa ta’ din il-frotta fil-Barbados, fejn bdiet titkabbar madwar l-aħħar tas-seklu sbatax, u minn dak iż-żmien ‘l hawn saret popolari ħafna. Bl-Ing. tissejjaħ ukoll pummelo.  Ara: http://waynesword.palomar.edu/ecoph6.htm.

XAGĦAT     1. Tip ta’ dud partikolari aħdar u irqiq. Is. xj. Eruca vermis. Rif. għal kull tip ta’ dudu li jkollu x-xagħar tiegħu niggieżi.  2. Appel. għall-istat tad-dudu minn meta jfaqqas mill-bajda sa qabel ma dan jagħmel fosdqa (pupa) biex fiha jiżviluppa u joħroġ bħala farfett. Ing. caterpillar. Sorsi: E.S.I. u J.A. 3. Fig. bniedem li bl-aġir tiegħu jimbarazza lil dak li jkun jew inkella jġibu fl-inkwiet.   

xaghri rdum - MTA - Bruno Vetters (77)XAGĦRA   (pl. xagħri). Art pjuttost blatija fejn il-ħamrija u l-veġetazzjoni hi skarsa u tiddependi totalment mill-ilma tax-xita. Tip ta’ abitat fejn jikbru arbuxxelli żgħar u pjanti aromatiċi. Insibu diversi tipi ta’ xagħri, eż. dak li jinsab fuq il-blat qrib il-baħar, dak ta’ ma’ ġenb  xi rdum jew widien, eċċ. L-ambjent ivarja fit-tip ta’ pjanti li jikbru fih, ngħidu aħna, is-sagħtar jew it-tengħut. Hawn ħafna mkejjen f’Malta li isimhom jindika dan l-ambjent naturali. Fost dawn insibu ix-Xagħra ta’ Għawdex u  x-Xagħjra ta’ Ħaż-Żabbar.  Ing. garigue.  (D.) XAGĦRI/JA  Uomo/ donna rustico selvareccio.

XAGĦTAR    (pl. kollettiv għal xagħtra). Pjanta bi fjuri sofor twal. John’s wort. Magħrufa wkoll bħala fexfiex tar-raba’, (Hypericum crispum)  jew ħaxixa ta’ San Ġwann, Is. xj. Hypericum perforatum, Ing. St. . Fl-antik din il-pjanta kienet tintuża għal bosta rimedja, pereż. Fil-menstruazzjoni, fl-irjiħat u kontra d-duda. Sors: Duwa u Semm fil-Ħxejjex Maltin, G. Lanfranco (1975).

XAĦMET  L-ART.    Tip ta’ rettili bis-saqajn ta’ daqs ikbar minn gremxula b’ġisem ileqq u oħxon. Is. xj. Chalcides ocellatus. Għalkemm rettili, il-mara tax-xaħmet ma tbidx iżda twelled. Dari kien jingħad li min jaqbad xaħmet l-art għandu jieħdu għand l-ispiżjar. Sors: Victor Falzon u Anton F. Attard. Ing. Ocellated skink.     

xahmet l-art.com
Ritratt, ħajr: Annalise Falzon

XAHAR IS-SALIB    Appel. antik li kien jingħad meta kienu jirriferu għax-xahar ta’ Settembru. Jissejjaħ hekk minħabba li fl-14 ta’ Settembru kienet tkun iċċelebrata ma’ Malta kollha l-festa ta’ SANTU KRUĊ. Sors: M.A.V.

xalataXALATA    Divertiment ta’ grupp ta’ nies li joħorġu flimkien biex iqattgħu ġurnata fil-kampanja jew ħdejn il-baħar. Dari, meta t-tfal tal-iskola kien ikollhom ħarġa organizzata fil-kampanja, kienu jużaw din l-espressjoni, ‘Ma, għada sejrin xalata ma’ tal-klassi!’ Illum imdorrijin għax-xalati tal-għada tal-festa, organizzati mill-partitarji tal-festa, l-aktar dawk ta’ ġewwa u oħrajn, biex iqattgħu ġurnata ħdejn il-baħar, ‘jixxalaw’ flimkien. XALATUR Tingħad għal xi ħadd li moħħu biss biex jiddeverti. Sport diversion, recreation, feast. Sors: G.B.F. (1845). Sq. scialata, solazzo ricreazione in brigata. Sors: Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano, Vincenzo Mortillaro (1853). Tal. scialare, dissipare al proprio godimento. Lat. exhalare, fare sfoggio. Sors: http://www.etimo.it.

XALET       Ara: CHALET

XALPA / SARPA     Biċċa drapp, norm. tas-suf jew tal-ħarir li tintlibes madwar l-għonq. Tal. sciarpa. Ritratt

xaluppa751XALUPPA   Dgħajsa mdaqqsa madwar 9 m u aktar, li taħdem b’żewġt iqlugħ u b’ħames imqadef kull naħa. Din kienet tintuża norm. fi vjaġġi ta’ distanzi qosra matul il-kosta. Biss, fis-sekli sbatax u tmintax, kienet tintuża wkoll biex teskorta l-vaxxelli. Dan l-isem, illum jirreferi norm. għal tip ta’ dgħajsa mdaqqsa tas-salvataġġ. Tal. Scialuppa – dgħajsa tas-salvataġġ.  Ing. sloop. 

XAM       Damaskus jew is-Sirja. Sami jew Xamja bniedem minn Damaskus. (M.A.V. 1796))

xambekk2.jpgXANBEKK / XAMBEKK    (pl. xniebek). 1. Bastiment żgħir bil-qlugħ u l-pruwa mislutin, li fis-seklu sbatax kien jintuża għall-ġarr tal-merkanzija. Ix-xambekk jaf l-oriġini tiegħu bħala mirkeb kbir tas-sajd, fil-Lvant tal-Mediterran. Minnu kienu jkalaw ix-xbik fil-baħar. Biż-żmien dan il-bastiment kien żvilluppa f’forma akbar, u beda jintuża mill-Alġerini għal skopijiet ta’ piraterija. Ix-xambekk tal-gwerra kien iġorr bejn 12 u 40 kanun, u ċ-ċorma kienet ġieli tlaħħaq mal-150 ruħ. Il-kavallieri wkoll tħajru jibnu x-xniebek tagħhom u l-ewwel wieħed kienu semmewh Lo Spirito Santo. Tal. Sciambecco. Zambecco. Fr. chebec. 2. Fig. Fl-antik dan kien terminu li jintuża biex wieħed iwaqqa’ għaċ-ċajt il-kobor ta’ xi żarbun goff. Tal. sciabecco (oriġ.) stambecco (?), Għ. xabak – M. xbiek, xibek (minħabba l-iskop oriġ tiegħu tas-sajd). Sors: Joseph Muscat, Il-Flotta ta’ L-Ordni ta’ San Ġwann, pp. 160-162.  

XAMBRELLA   Frejm tal-injam li jitqiegħed bħala appoġġ f’daħla biex miegħu jitwaħħal il-bieb. Ix-xambrella sservi wkoll bħala xogħol dekorattiv fl-injam li jiksi l-ħnejja tal-kamra. Fr. chambranie – M. frejm ta’ bieb.

XANTALJUNI   Tip ta’ dekorazzjoni għall-ilbies tan-nisa, magħmula minn kwantità ta’ medaljuni jleqqu tal-metall. Dawn jintlibsu kemm imdendlin mal-ħwejjeġ kif ukoll madwar ir-ras jew madwar il-qadd. Ara: ANTAĊĊJOLI. Sors: E.S.I. 

XANTUSA    Kelma li kienet tingħad fil-bidu tas-seklu għoxrin meta kienu jirreferu għal kantanti jew artisti nisa barranin, li kienu jkantaw fit-teatru jew fil-ħwienet tax-xorb. Fig. Rif. lejn xi mara li kienet tagħmel ħafna irtokki biex tidher sabiħa. Fr. chanteuse – M. kantanta.

XAQFA   Awrinar taċ-ċaqquf; maħra. Fig. mara komuni u ta’ kondotta ħażina. Espr. ‘twilditlu xaqfa’ – jiġ., twilditlu tifla. Temi Zammit, fir-rakkont tiegħu Nies Bla Sabar, juża dan l-appel. hekk: ‘[…] Il-bejjiegħ beda jgħajjat b’leħen ta’ xaqfa – ara x’kull brinġiela għandi! [...]‘. Sorsi: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 69; E.S.I.

XAQQ      Verb li M.A.V. (1796) jfissru bħala kull tip ta’ vjaġġar u jagħti dawn l-eżempji: ‘ixoqq l-ajru’, jiġ. itir; ‘ixoqq il-baħar’, u ‘jxoqq l-artijiet’.

XAQQ / XQAQ / XQUQ IS-SAFRA    Xaqq fil-ġilda li jkun jew fil-qiegħ tar-riġlen jew fl-idejn. Fl-antik, sa daqs l-ewwel għexieren tas-snin għoxrin, ħafna rikkieba tal-karozzini jew bejjiegħa bil-karrettun kienu jkunu ħafja u kien ikollhom minn dawn ix-xquq, jgħidulhom tas-safra. Biex jirrimedjaw għal din il-kundizzjoni kienu jew jagħmlu ġilda tat-tiġieġa mal-qiegħ ta’ saqajhom li jkun fiha x-xaħam, jew inkella, jbillu saqajhom fil-bewl tan-nies jew taż-żwiemel. Kien hawn minn jemmen li din il-ġilda xierfa ma kienet xejn aktar minn kallu u biex tneħħih trid tuża ħakkieka tal-ġebla jew inkella tħokk il-qiegħ tas-saqajn ma’ ġebla. (Lanfranco 2017). (Damma.) ‘[…] morbo che nasce al piedi e propriamente alla pelle del calcagno del piede e communemente si chiam xaqq jew sqaq is-safra in Italiano detto / forse perche fa delle fissure in quel luogo ove nasce il morbo […]’.

XAQRA    Aġġ. fem. XAQRANI / IXQAR    Kulur pjuttost ħamrani ċar li jagħti fl-isfar u li norm. jirriferi għall-wiċċ ta’ persuna anzjana. Kulur ta’ dan it-tip, l-aktar fuq iż-żwiemel jew il-qtates. Temi Zammit, fil-ħrafa, ‘Il-gideb għomru qasir’, jirrakkonta meta l-pulizija jsaqsi lir-ragħaj dwar il-mogħża li nsterqitlu, ‘[…] X’għidt xaqra? Din xi tkun? […]’ u ragħaj iwieġbu, ‘[…] xaqra – lewnha aħmar […]’. Sors: Nies Bla Sabar u Stejjer Oħra, (ed. Toni Cortis) p. 16. Kulur pjuttost ħamrani ċar li jagħti fl-isfar. Kulur simili li ssibu l-aktar fuq iż-żwiemel jew il-qtates.

XARBITELLA/I     Nom li jintuża l-aktar fil-plural biex jiddiskrivi għamara tad-dar li ma tiswa xejn. Għodda li ma tiswa xejn. Imbarazz jew ċekċik żejjed. M.A.V. (1796) jiddiskrivi din il-kelma bħala riferenza għal kull tip ta’ għodda kemm tad-dar kif ukoll tas-snajja’. Charles Clews jirrakkonta, ‘[…] Sibniha [lill-ommi] f’sala ma’ bosta oħrajn, bil-ftit xarbitelli li kienet laħqet għabbiet mid-dar fuq  trakk militari […]’. Sors: Meta Faqqgħet il-Gwerra, ta’ Laurence Mizzi, p. 80. Etim. Kalabriż, scirpiteddi. Sors: E.S.I. V.B. (1900), jgħidilhom, kitchen utensils.

XARIJA    (D.) ‘[…] voce puerile, volendo dire che non sarà più amico come prima, e per ripacificarsi dice ‘ma hiniex xarija, paċi’, toccando il piccolo dito della mano destra uno collaltro annellandosi le dite, allora vien fatta la pace. […]’ Xarija hu l-isem li jirreferu bih il-Musulmani għal-liġi kanonika tal-Islam li bosta drabi sservi wkoll bħala l-liġi tal-istat.  Ngħidu: ‘għamel xarija ma’ xi ħadd’, iġġieled ma xi ħadd. Ara: PAĊI KULAĊI.

XARQITHOM   Titlu li kien jintuża meta wieħed jindirizza lir-Re jew lin-nies tal-familja Rjali. Kelma li ma tinstabx la fid-dizzjunarju ta’ J.A. u lanqas f’dak ta’ E.S.I. Sibtha biss fil-Kalepin (1941), li jittraduċiha bl-Ing. bħala Their Royal Highness. L-eqreb xebh ma’ din il-kelma li għandu mnejn jagħmel sens hi l-kelma XERQIEN, li tfisser ‘diċenza’, bħal meta wieħed jgħid ‘xeraq’ fis-sens ta’ ‘jixraq – b’mod ta’ rispett lil dak li jkun’.

XARRETTA    Karru miġbud minn żiemel wieħed u li fuqu jistgħu jirkbu sa tnejn min-nies. Dan it-tip ta’ trasport kien norm. jintuża fl-antik għal xi rikba jew dawra għal gost biż-żiemel. Ħaż-Żebbuġ, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbir jużaw tip ta’ karru li jgħidulu wkoll xarretta. Din tkun misjuqa minn karattri libsin ta’ suldati Rumani. Ir-rikkieb ikun wieqaf fuqha. Fr. charrette. Ing. chariot.  

XARRU / XIRRU     Għamla ta’ nefħa li titla’ fil-glandoli u li tista tkun sinjal ta’ tumur jew kankru. (E.S.I.)  (D.) morbo, scirro, L. scirrhus.

XATAR     Ara:  XTUR.

xatba 023 - Copy.jpgXATBA  (pl. xtabi) 1. Rixtellu pjuttost qsajjar li norm. jagħlaq l-għelieqi, jew xi razzett minn fejn wieħed jidħol fil-mandra. 2. Għodda tal-bdiewa li għandha kemxejn l-istess xeħta. Din titqiegħed żaqqha mal-art u tinġibed mill-bhima biex tinġibed u titħaxken mal-ħamrija biex twittiha. Ix-xatba ġieli jkollha bħal imsiemer kbar ħerġin minnha biex meta titkaxkar fuq il-ħamrija dawn l-imsiemer jigirfu u jfarrku l-ħamrija jekk din tkun iebsa. Biex ix-xatba żżomm sew waqt li tiċċaqlaq, jitqiegħed fuqha kantun jew inkella jitla’ tfajjel fuqha għat-toqol. A. de S. jgħid li dan ix-xogħol kien isir wara li jinżera l-qoton. Verb. Dan in-nom jintuża wkoll f’sens ta’ għemil, bħal ma jidher fil-kitba ta’ Temi Zammit, ‘Il-Flus tal-Ħares’, ‘[…] għattew u xattbu wiċċ il-għalqa […]’, f’Nies Bla Sabaru Stejjer Oħra. (ed. Toni Cortis, p. 5.  3. M.A.V. jżid bi spjega oħra, raġel samrani, oħxon u raħħali; Tal., uomo oscuro grossolano e rustico.

xatba 20200705_100203
Iż-żewġ tipi ta’ xtabi wżati mill-bdiewa.  Ħajr: Lawrence Cassar.

XATRA    Tingħad fil-frażi ‘mogħża xatra’ meta mogħża jkollha l-bżieżel mhux indaqs. Qbl. mal-aġġ. fem. ‘imxattra’. Ġużè Muscat Azzopardi, fil-kitba tiegħu ‘Mogħoż u Nagħaġ’, jgħid hekk: ‘[…] Min jaħlibhom [il-mogħoż], irid ikun tas-sengħa għax inklele jxattarhom […].’ Sors: Mogħdija taz Zmien – ‘Fid-Dar u il Għalka, p. 30 (1906). Ara: JEKKLELE.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERAXATRAMBATRA    Qara twila mnixxfa u mħaffra minn ġewwa li antikament kienet tintuża biex ma tħallix l-intina tal-bass jinfirex fis-sodda. Dan l-oġġett ġieli kien magħmul minn xi materjal ieħor. M.A.V. (1796) jgħid  li dan l-oġġett kien aktarx jintuża mill-miżżewġin ġodda. Sqal. sciatara e matara –  espr. li tindika stmerrija. A. Preca (1880), jgħid illi bil-Lhudi xatar tfisser ‘tkeċċi’ u batar hu l-‘warrani’. Sors etim. E.S.I. u J. A. 

XATT  IL-BARRIERA    Din hi dik il-parti tat-triq tax-xatt tal-Belt Valletta, li minn ħdejn il-knisja Ta’ Liesse tagħti sa ħdejn il-pixkerija (issa magħluqa). Eżatt wara l-pixkerija, hemm binja oħra li fiha kienu jinżammu kwarantina il-passiġġieri ta’ ċerta importanza, meta dawn jinżlu minn fuq il-bastimenti tal-Ordni. Il-kwarantina pprattikata hawn ma kenitx daqstant severa bħal dik ta’ Marsamxett. Biex din il-binja kienet tinżamm b’ċertu iżolament, kien inbena reċint tal-injam li kien iżomm u jikkontrolla n-nies milli jidħlu jew joħorġu liberament. Għaldaqstant dan ir-reċint kien magħruf bħala la barriera, li bit-Taljan tfisser reċint jew ħajt ta’ impediment. Kienet din l-istruttura li tat l-isem lil dan l-ambjent. Ara: PARLATORIO WHARF.

Barriera a harbour.jpg

OLYMPUS DIGITAL CAMERAXAWWATA   1.  L-ostja li tingħata fis-sagrament tal-Ewkaristija. 2. Tip ta’ ftira msajra fil-forn. Qawl: Kulħadd iressaq in-nar lejn xawwatu – jiġ., kulħadd jipprova jagħmel kemm jista’ biex l-interessi tiegħu jkunu moqdija aħjar minn dawk ta’ ħaddieħor. XAWWAT v. Ħaraq bil-ħadida tikwi.  IXXAWWAT  v. Sofra jew qiegħed isofri minn tixwit, jiġ., minn infjammazzjoni tal-ġilda li sseħħ meta wieħed jegħreq, l-aktar taħt abtu jew bejn il-kuxxtejn. G.B.F. (1845) jatgħiha bit-Tal. sciaccata, Ing. a cake. Għ. ivvjaġġa għal ħafna tul. M.A.V. (1796) jgħid, focaccia, cosa abbrustiata. G.B.F. (1845) jagħtiha bit-Tal. sciaccata, Ing. a cake.

XBAT   Isem antik għax-xahar ta’ Frar. Qawl: Ja xbat ħabat ma mejjilthiex il-għaduma (ma waqqajtx l-istanga ta’ wara l-bieb, jew is-serratizz jew il-plier li jżomm l-għarix wieqaf) u ma qridthiex il-għaġuża (mara xiħa għakka). Oriġ. mill-Għ. xubat. Sorsi: Il-Qawl Iqul, p. 126 u E.S.I.

XBIN   1.  Parrinu. Orig. Għ. xabin  – parrinu.  2. Dan kien mod familjari ħafna ta’ kif bniedem jindirizza ’l ieħor biex bħallikieku qed jistmah ta’ ħabib intimu. Illum, din il-kelma bil-Malti hi ekwivalenti għall-Ing. ‘mate’. 3. XBINT  Parrina. Fig. Il-ħabiba sigrieta ta’ xi ħadd. F. Vella (1843).

XBUBIJA    (D.)  Virginità; pubertà.

XEBB   (D.) 1. Giovine non ammogliato. 2. Gioventù unda delle quattro età dell’uomo. 3. Raġel verġni.   4. Ara: ĦAXIXA TAL-IRMIED.

xedd 2eXEDD     (pl. xdud)   1. Kull tip ta’ lbies li l-bniedem ixidd fuqu. XEDD. v. Ngħidu, ‘xedd libsa ġdida’. MIXDUD p.p. Imlibbes. 2. Hemm ukoll ix-xedd tal-bhejjem, kemm ta’ dawk li jġorru lin-nies kif ukoll ta’ dawk tal-għelieqi. Pereż., hemm ix-xedd tal-bgħula u taż-żwiemel, kif ukoll ix-xedd tal-bhejjem li jiġbdu l-moħriet, eċċ. Wieħed jista’ jgħid li hemm tliet tipi ta’ xdud: dak li jmur fuq id-dahar tal-bhima, eż. s-sarġ eċċ., li jgħidulu ‘l-arnes’; dak li jmur fuq ir-ras, eż. l-kappestru eċċ.; u dak li jmur mas-sider tal-rural ploughing the fields mdina - Copybhima, li jgħidulu ‘s-sidra’. Xedd wieħed ikollu bosta partijiet, kull waħda bl-isem tagħha. Bosta minn dawn il-partijiet huma magħmula mill-ġild jew mid-drapp u xi drabi mill-ħadid ukoll. Ix-xogħol tax-xedd tal-bhejjem isir mis-SILLAR. Ara wkoll: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, Paul P. Borg, pp. 134-151; Snajja’ u Xogħol il-Maltin, l-Ewwel Volum, Paul P. Borg, pp. 93-98; Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, Ġużi Gatt, pp. 89-95.  

XEDDA     1. Ebusija. Norm. din hi rif. għall-istat ta’ meta wieħed ikun ikonstipat. Ngħidu, ‘qed ibagħti bix-xedda’, għal xi ħadd li ma jistax jipporga. G.D.F. (1845) stitichezza, hardness. 2. XEDDA FAĦAM   Kwantità ta’ faħam, kemm jiflaħ iżomm il-forn, jew iċ-ċumnija. G.D.F. (1845): durezza, quantità di carbone tanto può capire un focolare.

XEHBIEN   Lewn li jagħti fil-griż. Lewn l-irmied. P.P. Saydon juża dan l-aġġettiv b’mod metaforiku fil-kitba tiegħu ‘L-aħħar jiem f’Bengħisa’, biex jiddeskrivi l-baħar li kien qiegħed jammira: ‘[…] Il-baħar qiegħed, qisu wiċċ irħam abjad xehbieni […].’ Ara: IXHEB. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 216. Oriġ. ippubblikata f’Leħen il-Malti.

xehda ftira għasel2XEHDA   Massa ta’ ċelloli magħmula mix-xama’, li n-naħal jibni biex jerfa’ d-duqqajs fiha. Dan hu għasel u trab dakkari miġbur minn fuq il-fjuri. Għ. xahd; M. tfisser l-istess ħaġa. 

XEHWA   1. Xewqa kbira għall-ikel. 2. Tebgħa fil-ġilda li tiġi meta l-omm tkun tqila bit-tarbija u jkollha xewqa għal xi ikel partikulari li ma tibqa’ mingħajru f’dak il-mument. Xehwien. Aġġ. għal xi ħadd fi stat ta’ kilba kbira.  Ara: WAĦAMA.

XEJB   Xjuħija; xagħar abjad. Aġġ. xejbieni.

XEJKU    Ħmar jew annimali oħra tal-ħriet jew tat-tagħbija. Ngħidu, ‘xejku brejku’ jew ‘ċikku briku’. Sors: E.S.I. waqt li J.A. jgħid ukoll li din hi l-għajta li wieħed issejjaħ dawn l-annimali biex jiġbidilhom l-attenzjoni. Etim. Sqal. sceccu, ħmar.

XEJXI    Ġugarelli li jilagħbu bihom it-tfal iż-żgħar. Kull ħaġa li jieħdu gost biha t-tfal. Affarijiet żgħar li jżejnu l-ambjent tad-dar. Fig. tiżjin magħdud bħala żejjed u mhux floku. Oriġ. Għ. xahaxa li tfisser affarijiet żgħar tat-tfal.  Ara: IXXI.

XEKKIEK   Ħajjat tal-imtieraħ.  v.  XEKKEK 1.  v. Taqqab b’IMSELLA. Dan ix-xogħol isir meta wieħed ikun irid jgħaqqad u jħit in-naħa ta’ fuq man-naħa t’isfel tas-saqqu biex il-mili ta’ ġewwa ma joħroġx. v. Ittraponta. 2. v. Fil-kostruzzjoni, dan hu xogħol meta wieħed jgħaddi min-naħa għall-oħra tal-wiċċ tal-konkos biex ineħħi l-arja li tinqabad fih biex il-konkos ikun aktar lixx u sod. 3. Fig. Bniedem li jipprova jindaħal fl-affarijiet ta’ ħaddieħor biex ikun jaf x’inhu għaddej. Bniedem li jdeffes imnieħru f’kollox biex jaqta’ l-kurżità. F. Vella (1843) jagħtiha bit-Tal. bħala, trapunto u bl-Ing. quilt. G.B.F. (1845) jgħid:  vagabondo; Ing. a wanderer.

XEKKUKA   Mogħża jew nagħġa li wieħed ikollu dubju fuqha jekk hix tqila jew le. Kelma li nstemgħet tingħad fl-Għarb, Għawdex.  Bl-Għ. xakk tfisser ‘dubju’.

XEKXUKA    Ara: BALBULJATA.

xelin 1877XELIN    1. Munita li sas-sena 1972, kienet fiċ-ċirkulazzjoni mal-muniti u karti tal-flus Ingliżi f’Malta. Ix-xelin kien jiswa tnax-il sold. Għoxrin xelin kienu jagħmlu lira sterlina. 2. TAXXELIN  Laqam mogħti lin-nies ta’ Tas-Sliema u l-inħawi fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Jingħad li dak iż-żmien kien hemm l-użanza fost il-Protestanti Ingliżi li kienu jgħixu f’dawk l-inħawi li jagħtu xelin lil kull min jaqra l-Bibbja. Billi dak iż-żmien, in-naħa ta’ Tas-Sliema kien hemm ħafna familji Maltin li kienu prattikament jgħixu spalla ma’ spalla ma’ dawn l-Ingliżi, din is-sistema kienet qabdet sew. 3. SOLD  XELIN   Tip ta’ lotterija li tintlagħab waqt xi fiera. Il-ġugatur jixtri biljett li jiswa sold biex jittanta jirbaħ xelin. In-numru kien jittella’ billi tiddawwar ir-raddiena, u dak li jaqta’ n-numru jirbaħ. Ing. shilling. Tal. scelino. Ara: SIKSPENZ

XELLEJ       Spjun. Xi ħadd li jixli lil ħaddieħor ma’ xi ħadd.

XELLIEL   Bennej tal-ħitan li jkunu magħmulin miċ-ċnagen mwaqfin mingħajr tajn. Wieħed li jħit bl-imsell. XELLEL   v. Ħiet bil-punti kbar biex iġarrab, qabel ma jħit bil-punti rqaq kif suppost. Giddieb. G.B.F. (1845).

XEMA’ TAD-DAM      Ara: DAM.

XEMA’ TAŻ-ŻIFT    (D.)[…] Torce di vento, candela di pece. L. funalia. […]’.

XEMPJU  TAL-BIZZILLA   Disinn li fuq jsir ix-xogħol tal-bizzilla. Mudell. Ing. lace pattern.  

XENDI      Skont B.V. (1900) n. Nanu. Skont E.S.I. aġġ., qerqni, nani, qsajjar u boċni.   

xniexel.jpgXENXUL   (pl. xniexel).  1. Għanqud tal-għeneb. 2. Għanqud tal-ovarju tat-tiġieġ u għasafar simili. Xagħar irqiq tal-ixkupa magħmul mill-weraq twil u rqiq tal-pjanti. Idj. ‘Belagħha bl-għeruq u x-xniexel’ – emmen dak kollu li qalulu. XENXEL v. Ħareġ l-għeruq. Ara: XNIEXEL.

XERBEBB / XIRBEBB /  XORBEBB / XORBETT / XURBEBB      Pjanta perrenja li tikber f’imkejjen qrib il-baħar, eż., fuq l-irdumijiet jew f’ambjent fejn hemm ilma salmastru. Is. xj. salsola vermiculata. Ing. saltwort.

XERFIJA   Libsa li antikament kienet tintlibes min-nisa. A. de S. isejħilha ‘gamurra’. M.A.V. jsejħilha ‘gonella’. Magri jikteb ‘xirfija’ – ċulqana. Għonnella – dublett tal-imbrukkat li parti minnu setgħet tintrafa’ ’l fuq biex tgħatti r-ras. Ara: ĊULQANA u GĦONNELLA.

XERRI     Bniedem ġelliedi jew pezza kwistjoni. Kunjom Malti li jista’ anki jinkiteb Scerri.  Sors: E.S.I. F. Vella (1843) jghid hekk: Tal. maligno Ing. A mischievious person.

XEWWIEL      Bniedem li jiġġerra ‘l hinn u ‘l hawn. Vagabond.

xghir xcXGĦIR    Tgħam / ċereali. Wieħed mill-eqdem ikel nuttrittiv għall-bniedem li jitkabbar mill-bidwi. Is. xj., Hordeum vulgaris. Il-fdalijiet tax-xgħir instabu fis-saffi ta’ fuq f’Għar Dalam flimkien mall-qamħ u l-għads (Ing. lentils), li jindika li fi żmien in-Neolitikju, dan kien jitkabbar f’Malta. Hemm diversi tipi ta’ xgħir, pereż., hemm ix-xgħir l-iswed, ix-xgħir tal-mazza u x-xgħir tal-birra. F’Malta x-xgħir kien jitkabbar bosta drabi flimkien mal-qamħ fl-istess raba’, għax billi x-xgħir hu aktar resistenti mill-qamħ dan kien jipproteġih mir-riħ. Id-dqiq li minnu kien isir il-ħobż kien jitħallat ħafna drabi max-xgħir, għax il-qamħ imkabbar f’Malta qatt ma kien ikun biżżejjed għad-domanda tal-popolazzjoni. B’hekk il-ħobż bix-xgħir kien magħruf bħala ħobż tal-maħlut, ħobż iswed, meqjus bħala inferjuri mill-ħobż abjad u għaldaqstant kien jittiekel biss mill-foqra.Ġieli kien jitħallat mal-ġwież għal fniek jew għal baqar.Ing. barley.

xghira xXGĦIRA    Infezzjoni li tikber bħal ponta tal-ilma ma’ xifer l-għajn meta din tinfetta ruħha mill-bakterja. L-isem xgħira ġej mill-istess kelma, xgħir, għax din kienu jqabbluha maż-żerriegħa ta’ din il-pjanta.  Anki fit-Taljan, dan l-isem hu meħud mix-xgħir (Tal. orzo) u fil-fatt jgħidulha orzoaiolo. Ing. stye.

xiberxXIBER    Il-wisgħa tal-pala tal-id (bis-swaba’ miftuħin) li titqies bħala mezz li bih jitkejjel it-tul ta’ ċerti affarijiet, eż. drapp jew annimali, bħaż-żwiemel u dbieb. Meta l-bhima titkejjel bix-xbar, il-kejl jibda mill-ponta tas-sieq ta’ quddiem, u jitla’ sa l-ispallejn. Fuq iż-żiemel dan iwassal sa tnax jew erbatax-il xiber. Fl-antik kien hawn l-użanza waqt xi festi jew f’okkażjonijiet oħra fejn kien jinbiegħ iz-zalzett moqli, f’forma tonda u twila, li kont tixtrih bix-xiber. Kienu jgħidu, ’Agħtini xiber / xibrejn zalzett!’

xiberziemel

XIBERRAS / SCIBERRAS  Il-promonotorju kollu tal-Belt Valletta kien magħruf bħala l-Għolja Xiberras. It-tradizzjoni tgħid li dan kien il-kunjom tal-familja Sceberras li kienet sid din l-art. Biss dawn l-għajdut mhux ivverifikati bid-dokumenti. Sadattant l-appellativ ‘ras’ jindika lsien jew ponta ta’ art li tkun ħierġa ’l barra. F’Malta nsibu diversi nħawi li isimhom jinkludi l-kelma ‘Ras’, eż. Ras Ħanżir, Ras il-Pellegrin jew Ras ir-Raħeb. Xebb tista’ tirreferi għal pjanta ‘xebb il-blat’ XURBEBB  Is. xj. salsola vermiculata. Ing. saltwort. Qbl. xebb il-Ġmiel – Ing.  rock alum.

XIDA / XIDI      Parasit li jgħix fuq il-bhejjem. Dubbiena taż-żwiemel.

XIDJA     1. Il-ħolqa li magħha tiddendel tarjola jew parank. 2 Ħabel. 3. Biċċa feles tal-injam li tidħol fil-ħofra tas-sokra ta’ bieb biex il-lukkett ma jkunx jista’ jinfetaħ.  4. Skalda miz-zokk tas-siġar. 5. Fig. Bniedem fitt / li jdejjaq. Idj: ‘Fitt daqs / qisu  xidja’. Għ. xada, fittaġni. Sors: E.S.I. u J.A.

XIFA      Labra ħoxna bil-ponta li juża l-iskarpan biex iħit il-ġlud. Ing. awl. PISPISELLA TAX-XIFA   Tip ta’ għasfur li munqaru hu twil irqieq u ġej għal ponta. Is. xj. Xenus cinereus. Ing. Terek sandpiper.

XIFILQANA      Il-kelma x’aktarx ġejja minn ċfulqana. Parti mid-dublett li jintefa’ minn wara fuq ir-ras. Ara: ĊULQANA.

XIĦA,  IX-     Fit-tombla ‘ix-xiħa’ hu laqam għan-numru disgħin.

XIKEL   (pl. xikla)   1.  Sieq ta’ annimal li tintrabat bix-xikel. 2. XIKLA Dawk il-partijiet mimdudin li jżommu s-saqajn tas-siġġu sod billi dawn ikunu imminċottjati minn naħa u minn oħra. Eż. siġġu b’erba’ xikla. 3 Il-ħabel li jorbot lil xi ħadd biex ma jaħrabx. Ngħidu, bniedem ikun imxekkel biex ma jkomplix jagħmel dak li jixtieq. 

XKIEL    (pl. xkilijiet). Diffikultajiet, ostakli. Idj: ‘Biex wasal fejn ried sab ħafna xkiel’.

xilepsalpa_02.jpgXILPA   (pl. xilep). Ħuta li meta tkun għadha żgħira jgħidulha girwiela. Sqal. u Tal. sarpa.  Norm. din il-ħuta tinqabad bin-nassa. Ngħidu, ‘ġewwa x-xilep!’ Din l-idjoma tirreferi għal xi sitwazzjoni fejn wara ħafna xogħol u ħsieb, il-pjan jirnexxi. Għaldaqstant din l-analoġija tindika li din il-ħuta ma tinqabadx kif ġib u laħaq. Tal. Sarpa. Ing. sarp. Is. xj. Boops salpa. Fl-inħawi tal-Mellieħa hemm roqgħa jgħidulha, Daħlet ix-Xilep.

XIMMJOTT / XIMJOTTATUR    Wieħed li jipprova jimita. Tingħad lit-tfal li jkunu qed jippruvaw jimitaw lill-kbar. Tal. Scimmia  –  xadina.

XINI    Term. ġen. għall-bastimenti ta’ kull xorta, minn żmien il-Feniċji sa nofs is-seklu dsatax. Għal aktar korittezza, ix-xini kien dak il-bastiment baxx mal-ilma bil-qlugħ u l-imqadef. Ix-xini aktar goff kien jissejjaħ ġifen. Biss il-ġifen ma kienx ikollu mqadef. Fil-każ tax-xwieni tal-Ordni dawn kienu pjuttost twal u rqaq u bil-qlugħ tal-latini u għalhekk kienu ħfief fil-manuvrar tagħhom. Ix-xwieni tal-Ordni dejjem kienu jkunu miżbugħin fl-aħmar. Ing. Galley. Ara:  Il-Flotta Ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, Joseph Muscat, pp. 7-8, p 43. The Galley ta’ Joseph Abdilla Heritage Vol. 4 p. 1086.

XINILJA   Tip ta’ lazz li dari n-nisa kienu jdawru ma’ lbieshom. Lazz li kien jiddawwar madwar bozza biex ma jidħolx it-trab. Sors: E.S.I. Biss, skont J.A. din hi tip ta’ xalla. J.A. jagħti wkoll GVERTA TAX-XINILJA. Ing. Candlewick bedspread. Etim. Tal. ciniglia. Fr. chenille.

XINTILL     Tip ta’ kullana b’ħaġar prezzjuż. Tal. scintilla.

XIPLI     Bniedem li jkun bla saħħa u marradi. L-istatura ta’ bniedem irqiq. Sqal. Scivulu ditto di legno fragile. Sors: J.A.

XIRF   L-għerf tal-persuna li jakkumula mill-esperjenza tal-ħajja. Bon sens. Bniedem xieref, hu dak li hu mgħobbi bl-esperjenza. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, p. 72, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘[…] Marku Falzon b’xirfu kollha daħal f’nassa […]’.

XIRKA  Għaqda jew soċjetà ta’ nies li jiddeċiedu li jingħaqdu flimkien bħala sħab fuq xogħol jew f’intrapriżi partikulari. Tnejn min-nies li jiftiehmu li jidħlu għal biċċa negozju flimkien fejn il-qligħ jinqasam nofs b’nofs. XRIK Bniedem li jaħdem bi sħab ma’ ħaddieħor. L-istess appellativ ġieli nsibuh jirriferi wkoll għal-lavrant. Fid-dinja Għarbija dan l-appellativ jirriferi ukoll għal kwalunkwe kumpanija tal-kummerċ. ĦAMIS IX-XIRKA / IĊ-ĊIRKA  Il-Ħamis ta’ lejlet il-Ġimgħa l-Kbira. Jum li jfakkarna fl-Aħħar Ċena fejn l-appostli kielu flimkien ma’ Kristu. Nom li minnu joħroġ il-verb, jixxierek, kif insibu fir-rumanz ta’ P. Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda p. 45: ‘[…] qattus iswed li sikwiet kien ikollu jixxierek ma’ Ċikka fil-ġlieda ma’ Gerit […]’.

Xirka Manwel Dimech 1860 1921.jpgXIRKA TAL-IMDAWLIN   Għaqda li bdiha Manwel Dimech fl-1911. Dimech ried li din l-għaqda tifhem u tferrex il-fehmiet tiegħu dwar il-problemi soċjali u nazzjonali ta’ żmienu. Fl-1908, Dimech siefer u għamel mal-erba’ snin jgħix fi bliet differenti fl-Italja. Hemm ra kif kien ittrattat il-ħaddiem, u kif il-Knisja u l-Istat lajk kienu jġibu ruħhom ma’ xulxin b’mod li wieħed ma jirfisx fil-qasam tal-awtorità tal-ieħor. Hekk kif ġie lura Malta fl-1911, Dimech għaqqad assoċjazzjoni li sejħilha x-Xirka Tal-Imdawlin. Din l-assoċjazzjoni kienet magħmula minn nies li kienu jafu jiktbu u jaqraw, u li kellhom moħħhom miftuħ għat-tagħlim tiegħu. Fil-kitba tiegħu Dimech kien jikkritika l-aktar lill-Gvern Kolonjali u lill-Kleru, li għalih donnhom ma kienx jimpurtahom mill-miżerja tal-popolin. Minħabba l-ħsibijiet radikali tiegħu, Manwel Dimech u sħabu spiċċaw skomunikati mill-Isqof. Ara: Manwel Dimech: A biography ta’ Henry Frendo, 1978;  Manwel Dimech: Stedina għall-Filosofija Maltija,  Mark Montebello, 1995. Għejdut ta’ Manwel Dimech: Kitba u Ħsibijiet ta’ Manwel Dimech, ta’ Geraldu Azzopardi, Union Press. 1978.

xirka xemijaXIRKA XEMIA   Fl-1880, Napuljun Tagliaferro, Dwardu Bellanti, Annibale Preca u Dwardu Cachia, kittieba u għalliema tal-Malti, ingħaqdu bejniethom, biex jistabbilixxu ortografija soda li biha seta’ kulħadd jikteb il-Malti sew u bl-istess mod definittiv. L-għaqda semmewha, x-Xirka Xemia (jiġ., l-Għaqda Semitika). Dawn l-għorrief tal-Malti għażlu alfabett li kien ibbażat fuq il-prinċipju li kull ħoss ikollu ittra partikulari għalih. Għall-ewwel dawn ħadmu fuq alfabett li jinjora dak Taljan. Biss malajr inqala’ l-inkwiet bejniethom u bejn studjużi oħra tal-Malti, fosthom Ġużè Muscat Azzopardi (awtur ta’ bosta kotba ta’ proża u poeżiji) u Anton Manwel Caruana (l-awtur tar-rumanz Ineż Farruġ). Minkejja dan, fl-1882, l-alfabett imfassal minn din l-għaqda kien aċċettat mid-Direttur tal-Edukazzjoni Sigismondo Savona. Biss, hekk kif Savona rriżenja minn direttur fl-1887, il-kap tal-edukazzjoni l-ġdid dlonk abbanduna dan it-tagħlim ġdid u reġa’ żamm mal-alfabett u l-ortografija ta’ qabel. Ara: L-Ilsien Malti, Ilbieraħ u Llum ta’ Mons. L. Cachia, p. 10, 22-23.

XIRRU      Ara:  XARRU.

XISA    Taxxa fuq oġġetti tal-ikel jew xorb li jkunu impurtati jew inkella taxxa imposta fuq oġġetti li jsiru għal konsum lokali, bħal per eż., s-sigaretti. Din hi t-taxxa li l-aktar kienet ippreferuta mill-awtoritajiet matul is-sekli biex tkun evitata t-taxxa diretta. Din il-kelma ġejja mill-Ispanjol, sisa, li tfisser taxxa fuq il-proprjetà.

Xitanl-.JPGXITAN, LAQMIJIET TAX-    L-aktar isem komuni li wieħed juża meta jrid jirreferi għal dak l-isipirtu li jqanqal u jkattar il-ħażen. Dan hu l-għadu etern ta’ Alla, u li dejjem lest li jwaqqa’ l-bniedem fid-dnub. Fit-Testment il-Ġdid naqraw, li x-xitan ipprova anki jwaqqa’ lil Kristu fid-dnub. Ismijiet, jew aħjar, laqmijiet oħrajn bil-Malti għax-xitan huma: Brejbes, Budenbu, Għafrid, Dimonju, Xifajk, Karfusu, il-Kbir, Kelejlu, Ta’ Denbu Twil, Ta’ Dufrejh Twal, Ta’ Barra Minn Hawn, Tal-Infern, Gimes, Grenġ, Dak tal-Qiegħ. Idj: i. Ix-xitan m’għandux ħalib – jiġ., qatt ma tista’ tkun taf x’deni jista’ jinqala’; idj: ii. ix-xitan jara kif ideffes denbu – l-inkwiet jidħol anki meta tirrenja l-paċi.

XITEL   Il-pl. kollettiv ta’ xitla. Kull tip ta’ pjanta, kemm jekk frott jew ħaxix, l-aktar dak li jkun għadu kemm beda jikber. Tingħad l-aktar fil-frażi,’ bajtar tax-xitel’, bħala rif. għall-bajtar tax-xewk.

xixuxx200804_082424 - Copy(1)XIXU  / BŻALLU   Logħba li kienet tintlagħab fit-toroq bejn żewġt it-tfal jew aktar. Dawn jużaw żewġ biċċiet tal-injam – waħda twila madwar 30 u 40 ċm (il-lasta) u l-oħra, daqs laqxa ta’ madwar 5 – 10 (din kienu jgħidulha xixu). Ix-xixu jitqiegħed mal-art u bl-injama l-kbira f’idhom, it-tfal kienu jagħtu daqqa b’saħħitha mat-tarf tax-xixu biex dan jinqata’ u jogħla mill-art. Hekk kif ix-xixu jkun mogħla xiber fl-ajru, fil-pront il-lagħbi jerġa’ jagħtih daqqa b’saħħitha oħra biex itajru kemm jista’ jkun ’il bogħod. Imbagħad, l-avversarju jsaqsi lil dak li lagħab: ‘kemm se tieħu sal-posta? U l-lagħbi jgħidlu pereż., ‘ħa nieħu ħamsin’, jiġifieri hu qed jikalkula li bejnhom u fejn waqa’ x-xixu ser jgħoddu it-tul tal-lasta mimduda għal ħamsin darba. L-avversarju jmerieħ u flimkien jgħoddu kemm-il darba l-injama t-twila toqgħod mimduda sa fejn waqa’ x-xixu. Jekk il-lasta toqgħod ħamsin darba, mela l-lagħbi jiggwadanja ħamsin punt, u l-istess jekk iġib numru ta’ spazji inqas. Jekk ma jaqtax il-lagħbi jitlef kollox. Ir-regoli u l-intriċċi kienu jinbidlu skont l-użanza ta’ l-inħawi.Kemm J.A. kif ukoll E.S.I. din il-kelma ma jagħtuhiex, biss jispjegaw din il-logħba taħt il-kelma bżallu. Sorsi: ‘Xixu / Bżallu’ fi,  Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-tfal Maltin, ta’ Guido Lanfranco, (Wise Owl Publications, 2006); ‘Il-Logħba tax-Xixu’, pp. 55-57, fi, Il-Maltin, Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, Steve Borg, (Klabb Kotba Maltin, 2017). Din il-logħba kienet tintlagħab f’bosta reġjuni mal-Italja kollha. Ara wkoll: https://it.wikipedia.org/wiki/Lippa_(gioco). Ara wkoll il-video:   https://www.facebook.com/watch?v=183859861160954 

XKAKK    1. Karta ta’ daqs kbir li llum nafuha aktar bħala ‘fulskap’. Inċidentalment, il-kelma foolscap tissejjaħ hekk minħabba l-watermark li kienet tintuża mis-seklu ħmistax ’l hawn fuq dan it-tip ta’ karti ta’ madwar 216 x 243 ċm. L-ewwel darba li karti ta’ dan id-daqs bdew jinħadmu kien fil-Ġermanja fl-1479.  2. Karta li tintuża biex jitqartsu fiha ċerti oġġetti.  3. Kubu jew kwadru.  4. Ġelat jew biċċa ċikkulata f’forma ta’ kubu. Qbl. mat-Tal. scacco jew scaccolo – quarto di foglio. Sors: E.S.I.

XKATLAR     1. Xogħol li bih wieħed jobrox ħafif u jillixxa l-wiċċ tal-injam qabel ma jagħtih iż-żebgħa. Fl-antik dan ix-xogħol kien isir bil-ġilda tal-ixkatlu (ħuta). 2. L-użu tax-xibka biex taqbad l-ixkatlu.

xkatlu.jpg

XKATLU     1. Is. xj. Squatina angelus. Tip ta’ kelb il-baħar li jgħix fil-Mediterran, l-aktar fil-qiegħ fejn hemm ir-ramel. 2. Il-qoxra ta’ din il-ħuta hi ħoxna u tobrox, u għaldaqstant kienet tintuża mill-mastrudaxxa biex jobrox u jqaxxar il-wiċċ tal-għamara miż-żebgħa l-qadima. Sqal. Scatulu. Ing. Angel shark jew angelfish.

XKAVINA    Kutra ħoxna li tintuża biex wieħed jitgħatta biha. Faldrappa li titlibbes lill-bgħula jew lill-ħmir. Tal. scavina. Sors: E.S.I.

XKOMP    Tip ta’ lumi b’forma aktarx tonda, magħruf ukoll bħala ‘lumi ta’ San Ġlormu’. A. de S. isejjaħlu ‘xkombor’. Is. xj. Citrus medica.  XKOMP ĦELU Tip ieħor tal-istess frotta. Is. xj. Citrus limon. Sqal. scumpiu. V.B. (1900) jsejjaħlu, true lemon.

XKUMA   1. Ragħwa, bħal pereż. dik tal-ħalib. 2. L-abjad tal-bajd. 3. Ragħwa ta’ likwidu impur. Sqal. schiuma – ragħwa.

xkumvat3.JPGXKUMVATA / XKUNVATA Għaġina moqlija u mħallta b’diversi ingredjenti. Jista’ jissajjar diversi tipi ta’ xkumvat. L-ingredjenti bażiċi huma: panura, dqiq, bajd u ħalib. B’dawn tista’ ssir taħlita għall-għaġina ratba. L-ixkumvata tista’ ssir ukoll bl-għaġina f’forma ta’ strixxi moqlija u miksija biz-zokkor biex it-taħlita tqarmeċ aktar. Ħafna drabi jitqiegħed l-għasel fuq l-ixkumvata għal togħma aktar ħelwa. Tista tkun ukoll froġa tat-tarja, Sqal. scumatu.  Oriġ. Tal. scuma  – M. ragħwa (taz-zokkor). M.A.V. (1796) jgħidilha, ‘[…] pasta dolce fatta a guisa di fettucie, lasagne […]’. F. Vella (1843) jgħid hekk: ‘[…] Sorta di taglatelli di pasta zuccherati, e fritti fatta a guisa di quelli che in Toscana chiamano cenci […]’. G.B.F. (1845) : Tal. crespello u Ing. a fritter.

XLENDI    1. Bajja, aktar qisha kalanka, fil-Lbiċ ta’ Għawdex. Tal. scialando. Fr. chaland. 2.  Xini antik. Gr. Helandyon.  (tip ta’ bastiment antik ta’ żmien il-Griegi). Sors etim: E.S.I.

Xlejli tower231 - CopyXLEJLI,  IT-TORRI TAX-    Dan jinsab  fil-ġnien ta’ Villa Bettina, barra l-Gudja. Kien mibni mill-familja nobbli Dorell aktarx bħala post minn fejn wieħed seta’ jgawdi l-veduta tal-madwar u mhux bħala difiża. Għaldaqstant it-torri hu mibni b’mod dekorattiv u minn ġewwa għandu anki xi tpinġijiet dekorattivi mal-ħitan ta’ kamra minnhom. Dan it-torri jidher mit-triq u jispikka ħafna bis-sura tiegħu. Villa Bettina kienet imħollija lill-uffiċjali għolja Ingliżi bħala kwartier ġenerali meta dawn kienu qed jgħinu ‘l-Maltin fl-imblokk tal-Franċiżi.

XLIEQA    1. Ħrara. Ferita rqiqa bajda fir-rokna tax-xufftejn. Ħafna kienu jemmnu li din titla’ meta wieħed jixrob l-ilma mill-bir, biss il-verità hi li din il-kondizzjoni hi kkwawżatha mill-bżiq li meta jinġema’ fil-ġnub tal-ħalq qrib ix-xuftejn u jinxef hemm dan jikkawża xquq li jibqgħu  umdi u dawn jagħtu lok li l-batterji Staphylococcus jew il-ħmira Candida jikbru hemm. Bl-Ing. tissejjaħ, Angular Cheilitis2. Linja safra li tidher wara sħab iswed jew skur.  3. Sħaba rqiqa fuq ix-xefaq. 4. Kulur isfar irqiq fuq il-munqar tal-għasfur li jkun għadu nuvell.   

XLUKKATA       Riħ li ġej mix-Xlokk.

XMIL / XMIEL   It-Tramuntana. Riħ li ġej mit-Tramuntana. Riħ li ġej minn fuq il-baħar. Oriġ. Għ. شمال (pronunzjata xamal), tfisser it-Tramuntana.

XMUNDIFIER      L-istess bħal: VAPUR  TAL-ARTEtim. Fr. Chemin de fer. M. Triq tal-ħadid.

xnejn u nifil.jpgXNIEN / XNEJN U NIFEL / NEFEL    Term. ġen. għal bosta pjanti slavaġ (xi 20 speċi li jikbru fuq art li ma tinħadimx mill-bidwi). It-terminu – xnien u nefel – jirriferi għall-ħaxix selvaġġ, li norm. iservi bħala għalf għall-bhejjem tal-irziezet. Ix-xnien huma dawk l-ispeċi ta’ pjanti pilużi magħrufa bħala trifolium, Ing. trefoil. Hemm ix-xnien komuni, ix-xnien isfar u x-xnien abjad. Hemm ukoll il-gażżija (Ing. acacia) u l-pjanta msejħa, ‘il-widna’ (is. xj. Scorpiurus muricatus L., Ing. caterpillar plant). In-nefel jew NIFEL) huma pjanti tal-ispeċi Medicago, xnien uIng. medick. Jeżistu malgħaxar speċi li kollha għandhom il-weraq ukoll trifoljali bi fjuri li wara li jwarrdu jsiru mżiewed b’ponot maħruġa ’l barra bħal snien irqaq max-xifer; kollha għandhom il-fosdqa taż-żerriegħa bi ftit xewk irqiq. Barra n-nifel komuni hemm ukoll in-nifel tar-ramel, li jikber qrib il-baħar fil-bajjiet imrammla. Qawl: Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen. Dan ifisser li l-ħrit tal-art l-aħjar isir meta jagħmel ħafna minn dan il-ħaxix selvaġġ. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 174. L-istess qawl niltaqgħu miegħu fil-ħrafa folkloristika ‘Ix-Xiħ Magħluq fil-Għar’, li Patri Manwel Magri ddokumenta u ppubblika fil-ktieb tiegħu X’Jgħid il-Malti. Ara: Flora u Fawna ta’ Malta, ed. Joe Sultana, pp. 70-71; Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin, ta’ Guido Lanfranco, p. 51. Ħajr: Joe Borg.

XNIEXEL   Xagħar irqiq tal-ixkupa magħmul mill-weraq twil u rqiq tal-pjanti. Idj. ‘Belagħha bl-għeruq u x-xniexel’ – emmen dak kollu li qalulu.  XENXEL  v. Ħareġ l-għeruq. Ara: XENXUL.

XOFER     Kelma li tintuża fil-logħob tal-boċċi jew fil-logħob taż-żibeġ, eż., meta l-boċċa tasal viċin ħafna t-toqba jew il-post fejn għandha tasal. Għandu mnejn li din ġejja mill-kelma xifer, tarf. Partiċipju preżent tal-kelma xafer.

XOGĦFA    Esperjenza qarsa li fiha ċertu riskju. Għ. Esperjenza ħażina li wieħed jitgħallem minnha.

XOLLIEFA    Ara:  XULLIEF. 

XOLLIELA / XULLIELA    1. Ġebla kwadra li tkun maħduma minn naħa waħda biss; dik il-parti li se tidher fil-binja, waqt li l-parti ta’ wara tagħha tibqa’ mhux maħduma. Il-parti ta’ wara tal-ġebla tiddaħħal fil-binja, ġieli mkaħħla u ġieli le. 2. Ħajt li meta jinħiet fi drapp jibqa’ mqabbeż ’il barra. TIXLIL  Tfisser l-istess ħaġa. It-tixlil isir meta wieħed ikun irid ixellel id-drapp, jiġ., jagħmel punti kbar biex jimmarka fejn trid issir il-ħjata kif suppost. v. XELLEL  Bena ħajt tas-sejjieħ. Bena mingħajr ma uża s-siment biex jgħaqqad ġebla ma’ oħra. 3. Fig., gidba jew inkella kliem li jingħad apposta biex jinftiehem b’mod li jqarraq.

xoqqa xXOQQA (pl. xoqoq)   Drapp maħdum fuq in-newl (Ing. cloth, linen). Idj: Sab ix-xoqqa f’moxtha – jiġ., wasal fil-mument opportun; sab is-soluzzjoni jew ir-rimedju fil-mument ġust; ħataf l-okkażjoni. Meta x-xoqqa tasal fuq il-MOXT (speċi ta’ pettne fil-makkinarju tan-newl), dan ikun il-mument meta n-nissieġ jinħtieġlu jinfilsa l-ħajta kif suppost biex din tingħaqad ma’ xulxin u ssir drapp.  Ara: GĦAŻEL u NEWL.

XORBEBB        Ara: XIRBEBB.

XORROX     1. Il-likwidu li jifdal wara li l-ħalib jgħaddi mill-passatur, hi u tinħadem l-irkotta. Ħalib li m’għandux xaħam. Ing. whey. 2. v. xorrox – xarrab il-ġobon mitħun bix-xorrox, norm. bħala lixka għas-sajd tal-kaħli.  Għ.  xirx.

baqta IMG_6354

XORTA    Fi żmien is-seklu tlettax din kienet taxxa imposta fuq il-logħob tal-azzard. Sors: ‘Malta in 1530’ ta’ Stanley Fiorini, Hospitaller Malta, ed. Victor Mallia Milanes, p. 130.

xkattapietra.jpgXPAKKAPIETRU / XKATTAPIETRA  Is. xj. Micromeria microphylla / Satureja microphylla. Pjanta li kienet tintuża bħala mediċina għax kienu jemmnu li hi djuretika u għalhekk tneħħi l-ġebla mill-kliewi. Din il-fehma ġejja għax kienu jemmnu li l-pjanta taqsam bl-għeruq tagħha l-blat u għalhekk kienu jaħsbu li din għandha l-istess kapaċità li tkisser ukoll il-ġebla fil-kliewi. Dan ir-rimedju għad hawn min jaħlef bih. Is.  xj. Tryphane rubella. Ing. Maltese savoury.

XPRUN    1. Niggieża tal-ħadid imwaħħla maż-żarbun tar-rikkieb li dan juża biex iż-żiemel jimxi.  2. It-tarf ta’ x’imkien.  3. L-Ixprun. L-isem ta’  post li jinsab in-naħa ta’ barra tad-Dwejra, Għawdex. Inħawi fil-Belt Valletta msemmija minn Temi Zammit fir-rakkont, ‘Pina’, meta jgħid, ‘[…] Pina kienet l-aktar mara magħrufa ta’ fuq L-Ixprun fil-ħara ta’ Sant’Iermu […]’. Jista’ jkun li l-ixprun f’dan il-każ din hi riferenza għal ponto tal-forti Sant Iermu li tħares lejn il-Belt. Ara: Nies Bla Sabar, u Stejjer Oħra, miġbura minn Toni Cortis, p. 40. Sqal. spruni.

xprunara85902_orig
Ritratt u xogħol ta’  Joseph Abela

XPRUNARA  1. Bastiment żgħir li f’Malta nbena għall-ewwel darba fis-seklu sittax, u li bħalu nbew forom oħrajn ta’ mriekeb fis-sekli ta’ wara. Dan kien jintuża kemm għas-sajd kif ukoll għall-vjaġġi pjuttost qosra, l-aktar dawk id-distanzi matul il-kosta. L-ixprunara jew speronara, kienet tintuża wkoll għall-ġarr tal-merkanzija bħal, inbejjed, eċċ., bejn Sqallija u Malta. Barra l-qlugħ kienet anki tinsaq bl-imqadef. Mill-ixprunara żviluppat id-dgħajsa tal-Latini. Il-kelma ġejja mill-kelma xprun, jiġ., il-pruwa ippuntata, li tant tispikka fuq dan il-mirkeb. Sors: Il-Flotta ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, ta’ Joseph Muscat, pp. 155 – 159.  Sqal. spirunara.

XQAWQAW     Ħalliel. M.A.V. (1796), jgħid, vagabondo malandrino.

xriek.JPG
Ħajr: Limestone Heritage, Siggiewi

XRIEK      (pl. xorok).  1. Ġebel ta’ madwar metru tul u 15-il ċm wisa’ li kienu jsaqqfu l-bini bih. Ix-xriek jitqiegħed mimdud u jserraħ jew fuq il-ħajt jew fuq il-ħnejja, jew inkella fuq travi biex imbagħad jinkesa bit-torba ħalli jkun protett mix-xita. 2. Ix-xriek jista’ jintuża’ wkoll bħala bank biex wieħed joqgħod bilqiegħda fuqu. 3. Il-kelma tintuża wkoll fil-frażi ‘xriek qubbajt’. (D.) Nies ta fuq ix-xriek, pancata, L. Plenum subsellium.

XRIĦA    1.  Tiċrita tal-laħam bla għadam għall-ikel. FLETT.  2. Kunjom Malti li llum jinkiteb Sciriha.

XRIK     1. Wieħed li jaħdem bi sħab ma’ ħaddieħor. Ara:  XIRKA.  2. Lavrant.

Xrobb L-Għagin (2)XROB/B  IL-GĦAĠIN    L-inħawi ħdejn Dellimara. Hawn kienu nstabu l-fdalijiet ta’ tempju megalitiku mat-tarf tal-irdum. Il-kelma Xrobb tfisser ‘mustaċċi’ twal jew xagħar tal-annimali, li jinżel sew fuq il-ħalq. Xrobb tista’ tfisser ukoll xoffa. Mal-ewwel daqqa t’għajn, din l-isem ma jagħmilx sens. Tgħid Xrobb qed tirriferi għall-art ippuntanta ħierġa ‘l barra fil-promonotorju ta’ Delimara? Intant il-plural ta’ ‘xrobb’ hu xwiereb – xufftejn. Tgħid nistgħu ninterpretaw dan it-toponomastiku bħala, ‘Xrobb (Xuereb) l-Għaġġin’, jiġ., riferenza għal-laqam ta’ raġel partikolari, x’aktarx bidwi li kien jaħdem l-art f’dawk l-inħawi, jew sid l-art magħruf hekk? Jinħtieġ aktar riċerka. dwar l-etimoloġija ta’ din il-kelma. Fil-ħrafa ‘Tifel Joqtol Disa’ Ġganti’, li P. Manwel Magri ġabar minn fomm in-nies insibu hekk: ‘[…] Qal lil wieħed mill-ġganti, ‘Mur Delimara, ġibli dik il-ħaxixa; ‘Inti’ qal lill-ieħor, ‘mur Xwiereb il-Għaġin ġibli dik l-oħra […]’.

XROPP    Xarba magħmula mill-meraq tal-frott; tip ta’ brodu. Sqal. sciroppu. Nassumi li oriġ. il-kelma ġejja mill-Għ. xarba / xarab / jixrob.  Il-‘b’ saret ”p’. Ing. syrup.

XTILLIERA     Oġġett li fuqu / fiħ jitqiegħdu l-platti wara li jinħaslu biex dawn iqattru u l-ilma jaqa’ taħthom. XTILLIERA TAL-KPIEPEL. Oġġett li fuqu wieħed jista’ jqiegħed kappell eċċ. XTILLIERA TAL-MAGĦLEF  Oġġett li minnu l-bhejjem jieklu l-għalf. V.B. (1900) jsejħilha XTULLIERA,  (1900) Ing. rack.

XTUR    (pl. ta’ XATAR)  Kelma li tindika d-difetti tal-oġġett li mhux magħmul b’simetrija. Oġġett magħmul b’nuqqas ta’ preċiżjoni. Fig. ħaġa li hi difettuża għax mhix indaqs bħall-oħra li tkun magħmula bħala. Din il-kelma tintuża l-aktar fl-espr. ‘ipprova jgħatti xturu’ – jiġ., ipprova jaħbi d-difetti tiegħu. Fl-istorja Susanna (1883) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, hemm miktub hekk: ‘[…] Il-kbarat raw kif isewwu xturhom mill-aħjar li jistgħu […].’ A. de S. jispjega il-kelma b’dan il-mod: ‘[…] cose non diritte, non adatte; mingħajr xtur: linealment […]’. AraXATRA. Sors: Viku Mason – Susanna, Klabb Kotba Maltin, 2004, p. 66. Ara: XATRA.

XULLIEF   Framment jew laqx tal-injam. Xewk tal-injam. Biċċiet żgħar tal-ġebel li jaqgħu waqt li l-bennej ikun qiegħed iqatta’ l-knaten bl-iMTERQA. Mazkan. Ġilda mejta tal-ġisem li tkun qed tinqala’ u li norm. tmur meta din tinbarax bil-ħakkieka. v. XELLEF. F. Vella (1843) jagħti l-kelma, XOLLIEFA  Skalda. Tal. scarda, scheggia.

XULLIELA      Ara: XOLLIELA.

XUPPATU    1. Kawlata jew biċċiet żgħar tal-laħam. Sors: Kalepin. Kawlata magħmula mill-ħxejjex u l-kirxa msajrin flimkien. 2. Appel. għal xi ħadd li jkun magħruf bħala bniedem imħawwad.  Etim. Kalabriż sciupatu. Il-verb sciupare jfisser ‘tirrovina’ jew ‘taħli fix-xejn’. Sors: E.S.I.

XURI    Nom kollettiv għall-ward; aġġ., għall-ward niedi. Patri M. Magri juża din il-kelma bħala aġġettiv li jispjega kif ix-xagħri jkun imwarrad fi Frar.  NXURI  Aġġ. li juri li l-prodott tar-raba’ għadu ħadrani u bla togħma, u għaldaqstant mhux matur biżżejjed biex jittiekel. Aġġ. ieħor għal ‘oġġett niedi’. Ngħidu, ‘Il-qoton għadu nxuri.’ Sqal. in sciuri – M. bil-fjuri. Għ. naxara – v. li jirriferi għall-ħdura ta’ wara x-xita. Sorsi: J.A. u E.S.I.

XURRAF    1. Ħuta li tgħix fl-ibħra Maltin; mirli jew merla, ħuta tal-ġens menidae. Ħuta li tikber sa madwar 30 ċentimetru. Sors: J.A. u E.S.I.  2. Barxa, selħa jew girfa li tkun xotta u taħraq ħafna. Sors: E.S.I. jgħid li din il-kelma tfisser, serduq żgħir. Ing. cockerel. Sors: V.B. (1900).

XUWA    Qawl: Iż-żgħar ħobż u xuwa, il-kbar ħobż u duwa. Din il-kelma ma sibthiex la fid-dizzjunari ta’ Aquilina u lanqas fil-Miklem. Jinħtieġ aktar tiftix.  Sors: Il-Qawl Iqul.

XUXA    Xagħar twil.  Espr. antika li ma għadhiex tintuża: ‘Mar sewwa xuxtu’ – jiġ. mar jaqta’ xagħru. Ngħidu, ‘ħareġ / ħarġet xuxa mid-dar’ – mhux liebes kappell / mhix liebsa velu jew maktur jew oġġett ieħor li jgħattilha xagħarha. XUXAN – wieħed li għandu xagħru twil. Kont tisma’ lil min jgħid: ‘Raġel xuxa l-knisja, mara xuxa d-dar’. Din l-ispeċi ta’ twiddiba, tfisser li r-raġel meta jkun il-knisja  għandu jinża l-beritta jew il-kappell bħala rispett, waqt li l-mara għandha tikxef xagħra biss meta tkun ġewwa f’darha. XUXA TAL-QANNEB  Ing. codilla tow – dan hu dak ix-xagħar jew ħjut li jkun estratt minn din il-pjanta. Ara:  KEWKBA TAX-XUXA.

XUXXAR      1. Tbahrid u ġiri mat-toroq. 2.  Ixxuttar mil-likwidu li jinżel mill-imnifsejn.

Ara aktar:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Din il-website hi bbażata fuq dawn it-tliet kotba:

       Bejn Kliem u Storja 

Ara X’Int Tgħid 

          Biex il-Kliem ikun Sew

A bejn kliem u storja   Aa ARA X'INT TGHID   A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Paġni 256                                       Paġni 256                                                     Paġni 256
Prezz: Ewro 14.95                Prezz Ewro 14.95                                Prezz Ewro 14.95

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Sorsi bibliografiċi l-aktar imfittxija mill-awtur

* E.S.I.   Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, 
(1989).
* F.V.     Maltese Grammar for the Use of the English, ta’ Francis Vella.(1831).
* F. Vella  Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella,(1843).  
* G.B.F.    Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ Giovann Battista Falzon,(1845).
* J.A.  Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta' Joseph Aquilina,(1987 & 1990)
* M.A.V.   Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796).
*  M.A.V.  Aforismi, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1828)
* (D)    DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769).
* V.B.   Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).

 

Jekk trid tkun taf dwar xi kelma li mhux qiegħda miktuba hawn, jew taf b’xi kelma u t-tifsira tagħha li trid ninkludi f’din l-enċiklopedija iktibli …  mohba2016@gmail.com