Bakkaljaw, Ħut u Bebbux

  • Karamellu mar jaqta’ xagħru għand Anġlu l-Barbier. Kif daħal fil-ħanut, sab li Anġlu kien qed iqaxxar il-leħja lil Grezzju tal-kantina. “Min xarrbu kielu l-bakkaljaw,” qal Grezzju bi tweġiba għal xi ħaġa li kien qallu Anġlu u li Karamellu ma kienx sema’ x’kienet. Malli raw lil Karamellu quddiemhom, Grezzju u Anġlu ferħu ħafna bih. “Ara min ġie, Anġ!” qallu Grezzju. “Lil dan tqaxxarlu l-leħja wkoll?” żied jgħidlu biex jiċċajta. “Iva, taf,” qallu Anġlu biex ikompli miegħu. “Imma naħseb li se jkolli noħroġ mus ġdid, għax dik il-leħja li għandu hija eħxen minn tiegħek.” “Kif jista’ jkun?” qallu Grezzju. “Inti ma tgħidx li l-leħja tiegħi, meta tkun twila, tista’ żżommha biex tagħmel xkupa bħal tal-lanżit?” Sadattant, Karamellu mar ipoġġi bilqiegħda fuq wieħed mill-bankijiet li kien hemm fil-ħanut għan-nies li jkunu jistennew. Malli Anġlu temm iqaxxarlu l-leħja, Grezzju daħħal idu fil-but tas-sidrija biex joħroġ il-flus ħalli jħallsu. “X’se tagħmel, Grezz?” qallu Anġlu. “Ara ma toħroġx xi flus, taf! Pjaċir jitpatta b’ieħor. Inti m’għentnix nagħtu lezzjoni lil dawk il-kesħin? Żommhom il-flus tat-taqxira. Forsi bihom titħajjar tixtri bakkaljawwa mmellħa mingħand Karmnu tal-merċa u tikolha b’ċelebrazzjoni tal-biċċa xogħol li rnexxielna nagħmlu flimkien.” “Mhux idea ħażina. Xi tgħid Karamellu?” qal Grezzju. “Il-bakkaljaw tajjeb,” qal Karamellu. “Lili jogħġobni. In-nanna tgħidx kemm tħobb issajru! Imma n-nannu ma tantx ikun irid jieklu, minħabba l-pressjoni.” “Ħeqq! Ma nagħtihx tort,” qal Anġlu. Malli Karamellu tela’ fuq is-siġġu tal-barbier biex jaqtagħlu xagħru, Anġlu qabad ikellmu fuq il-logħob ma’ sħabu. Imma Karamellu kien għadu jhewden fuq il-frażi li kien sema’ huwa u dieħel
  • għand Anġlu, meta Grezzju qallu, “Min xarrbu kielu l-bakkaljaw!” Mal-ewwel ċans li sab, Karamellu qal lil Anġlu: “Inti tħobbu l-bakkaljaw, Anġlu? Ġieli xarrabtu u kiltu?” Anġlu waqaf iħares ċass lejn Karamellu, bl-imqass tax-xagħar miftuħ f’idu. “Mid-dehra ma tafx x’ikunu jridu jfissru meta jgħidu ‘min xarrbu kielu l-bakkaljaw,’ hux veru?” qallu Anġlu. Karamellu baqa’ jħares lejh. “Meta tisma’ lil xi ħadd jgħid hekk,” kompla Anġlu, “aktarx li jkun irid ifisser li kien hemm xi ħadd li ipprova jagħmel xi ċajta jew xi deni lil xi persuna oħra, imma jkun ġralu li ċ-ċajta jew il-ħsara li kellu f’moħħu ddur fuqu.” “Bħal meta kien hemm raġel li biex jiċċajta pprova jsodd is-serratura tal-bieb tal-kantina ta’ Grezzju u qabduh jagħmel hekk il-pulizija ?” staqsieh Karamellu. “M’hawnx għalik!” qallu Anġlu. “Eżempju tajjeb. Imma Grezzju u jien mhux lil dak ir-raġel kellna f’moħħna.” Dak il-ħin, fil-bieb tal-ħanut ta’ Anġlu feġġ Dun Karm. Anġlu bidel id-diskors minnufih. “Ara Dun Karm! X’minnek? Għaddi. Ilni ma narak.” “Jien ma tantx għandi għalfejn niġi għandek, bil-ftit xagħar li fadalli. Mank kelli ftit mix-xagħar ta’ Karamellu!” qallu Dun Karm waqt li baqa’ dieħel fil-ħanut u ntefa’ bilqiegħda jrewwaħ bil-palju. “U llum mhux biex naqta’ xagħri ġejt!” “X’ġabek ’il hawn, allura, Dun Karm?” qallu Anġlu. “Il-bebbux,” qallu Dun Karm wara ftit mumenti ta’ skiet. “Dak ġabni hawn. Naħseb qed tifhimni, Anġ, hux?” “Waslet sa għandek?” qallu Anġlu. “Kien hemm bżonn jiġri dak li ġara, Anġ? Ma stajtux għalaqtu għajn waħda, inti u Grezzju?” “Stenna ftit, Dun Karm,” qallu Anġlu, li deher kemxejn
  • maqrus. “Inti taf sew x’ġara? Taf x’għamlulna?” “Naf li stidnukom għal ikla ħut.” “Daqshekk biss taf?” “Isma’, mhux aħjar tara x’inti tagħmel u nitkellmu wara li tlesti lil Karamellu? Xejn m’inti togħġobni tkellimni b’dak l-imqass ma’ rasu,” qallu Dun Karm. “Inti tista’ tistenna ftit, Karamellu, sakemm inkellem lil Dun Karm?” staqsieh Anġlu. Karamellu għamillu sinjal ta’ approvazzjoni b’rasu. Anġlu mar quddiem Dun Karm. “Ħa ngħidlek x’ġara, Dun,” qallu. “Lili qaluli biex immur niekol magħhom. Semmewli ikla ħut frisk. Jien ħadt gost, għax uħud minnhom, kif taf, huma sajjieda dilettanti magħrufin. Qaluli wkoll biex jekk inkun irrid nieħu lil xi ħadd miegħi, nieħdu. Jien ħadt lil Grezzju miegħi. Ħadt ukoll żewġ fliexken inbid abjad prim li qlajt mingħand żewġ klijenti tiegħi fil-Milied li għadda. Bdejna nixorbu l-inbid, imma l-ikel baqa’ ma ġiex. Fl-aħħar staqsejthom meta se nieklu. Qaluli, ‘għax il-ħut għadu fil-baħar’. Ma nafx kif irnexxieli nibqa’ kalm…” “Imbagħad, wara ftit jiem, inti stedintom għal ikla bebbux, taparsi biex turihom li ma ħadtx għalik, imma biex tpattihielhom,” qallu Dun Karm. “Imma jien m’għamiltx bħalhom,” ħaffef jgħid Anġlu. “Veru lestejtilhom ikla bebbux.” “U għedtilhom biex jieklu kemm iridu u li inti u Grezzju kien beħsiebkom tieklu li jkun baqa’,” komplielu Dun Karm. “Hekk hu. Tajthom ukoll l-inbid x’jixorbu,” qal Anġlu. “U fl-aħħar tal-mazzita poġġejtilhom iż-żbiba, Anġ! Għedtilhom li dak il-bebbux, Grezzju kien ġabu miċ-ċimiterju u kien ilu għandu. U…u…insomma, taf xi ġralhom malli semgħuk tgħidilhom hekk. Ma naħsibx li hemm għalfejn inkomplilek jien.” “B’daqshekk! Min xarrbu kielu l-bakkaljaw.” “M’iniex nifhem,” qallu Dun
  • Karm. Anġlu beda jidħak. Waqt li dar biex imur ikompli jaqta’ xagħar Karamellu, qal lil Dun Karm: “U inti taħseb li kien veru li aħna ġibna l-bebbux miċ-ċimiterju?” “Allura minn fejn ġibtuh?” “Issa ġibnieh minn fejn ġibnieh.” “Tiżgurani li mhux miċ-ċimiterju ġbartuh il-bebbux?” qallu Dun Karm. “Faċli jkunu jafu,” qallu Anġlu. “Ibgħathom jaraw jekk il-bebbux taċ-ċimiterju għadux hemm. Jekk għadu hemm, ikun ifisser li dak li kielu ma kienx bebbux taċ-ċimiterju.” “Nista’ ngħidilhom li mhux veru li kien bebbux taċ-ċimiterju u li kienet biss ċajta meta għedtulhom hekk?” staqsa l-qassis. “Għalija tista’ tgħidilhom, imma b’żewġ kundizzjonijiet.” “X’inhuma l-kundizzjonijiet?” “Li lil Grezzju u lili, jagħtuna tassew l-ikla ħut frisk li stidnuna għaliha imma mbagħad ħallewna b’xiber imnieħer.” “U t-tieni kundizzjoni?” “Li miegħi u ma’ Grezzju, għall-ikla jistiednu koċċ tfal tar-Raħal t’Isfel, l-ewwel fosthom lil Karamellu.” “Ngħid jien, għax qed iddaħħal it-tfal fl-istorja?” “Għax jekk ikunu jafu li ġejjin it-tfal, żgur li ma jagħmlulniex xi ċajta oħra. Inti ma tiġix tiekol ftit ħut frisk, Karamellu, forsi man-nannu Leli u n-nannu Ċensu?” L-ikla ħut frisk saret ftit ġimgħat wara f’remissa kbira. Dun Karm kien hemm ukoll.