Lokali Qorti

Żewġ rġiel mressqa l-qorti wara qabda ta’ pixxispad

L-ex player tal-football tat-tim nazzjonali Malti, li fil-preżent huwa sid ta’ ħanut tal-ħut flimkien ma’ sajjied tressqu quddiem il-qorti mixlijin li assoċjaw ruħhom ma’ diversi persuni biex iwettqu reat abbord il-bastiment Marie de Lourdes.

Is-sajjied, Sammy Vella ta’ 34 sena minn Marsaxlokk, ġie mixli li naqas milli jinnotifika lill-awtoritajiet, meta kien se jirritorna fil-port u li fid-dgħajsa kellu l-pixxispad għall-bejgħ.

Sadanittant l-eks-plejer ta’ Valletta, li magħhom rebaħ diversi kampjonati u unuri oħra, Darren Debono, ta’ 40 sena, residenti San Ġwann, kien mixli li assista lil Vella biex iħott il-pixxispad mingħajr permess.  Huma wieġbu mhux ħatja u ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

Lejn tmiem is-seduta, l-Avukat Giannella de Marco, li dehret għal Debono, li lagħab 40 darba mat-tim nazzjonali Malti, infurmat lill-Qorti li l-klijent tagħha kien se jsiefer il-Libja fuq xogħol. L-Avukat de Marco qalet li Darren Debono joqgħod u għandu x-xogħol Malta, u għaldqstant ma hemm ebda biża’ li se jaħrab minn dawn il-gżejjer.

Il-Maġistrat Miriam Hayman laqgħet it-talba tal-Avukat de Marco, iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-Avukat Michael Sciriha, li deher għal Vella, biex il-passaport u l-karta tal-identità jibqgħu fil-pussess tiegħu.

L-Avukat Sciriha għamel din it-talba peress li Vella ma jkunx jista’ joħroġ għas-sajd fl-ibħra li jinsabu barra mit-territorju ta’ Malta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella.