Ambjent Lokali

Ajkla rari tidher f’Malta

Ajkla Imperjali, li hi tip ta’ ajkla rari li waslet għall-ewwel darba f’Malta, qattgħet il-lejl fil-gżejjer Maltin. Mgħammra b’apparat satellitari, din l-ajkla kbira hu maħsub li oriġinat minn proġett ta’ konservazzjoni fl-Awstrija.

BirdLife Malta qalet li saret taf b’din l-Ajkla Imperjali wara li ġiet mgħarrfa minn birdwatchers li lemħuha ilbieraħ waranofsinhar fuq il-Buskett. Speċi li rarament tidher fil-Mediterran, l-Ajkla Imperjali tbejjet fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Asja u normalment tpassi minn fuq il-Balkani u l-Lvant Nofsani biex tgħaddi x-xitwa fil-Lvant tal-Afrika, l-Arabja u l-Indja. Minkejja li għandhom fetħa tal-ġwienaħ ta’ aktar minn żewġ metri, dawn l-ajkli normalment jevitaw li jaqsmu minn fuq ibħra miftuħa u għalhekk id-dehra tagħhom fuq gżejjer fil-Mediterran hi meqjusa rari ħafna.

Fi stqarrija, BirdLife spjegat li ftit wara li ġiet mgħarrfa b’din it-tajra rari u protetta, irċeviet ukoll ritratti tagħha li juru biċ-ċar apparat satellitari li jikkomunika l-pożizzjoni ta’ dan l-għasfur. Il-BirdLife ikkomunikat ma’ diversi partners tagħha fl-Ewropa, fosthom l-Ungerija, il-Bulgarija u l-Awstrija, fejn irriżulta li l-ajkla possibilment oriġinat minn proġett ta’ konservazzjoni ta’ BirdLife Austria.

Mal-konferma tal-preżenza tal-ajkla, BirdLife għarrfet minnufih lill-ALE tal-Pulizija biex jagħtu l-protezzjoni xierqa. Filwaqt li mistenni jasal aktar tagħrif dwar l-oriġini u l-qagħda tat-tajra, BirdLife Malta ħeġġet lill-pubbliku jirrapporta lill-Pulizija kull każ ta’ kaċċa illegali.