Ambjent Lokali

Filmat: Għexieren ta’ Gattarell maqtula

Għaddasa li kienu qed jgħoddsu fl-inħawi tax-Xlendi, f’Għawdex, iltaqgħu ma’ xena rari ta’ grupp ta’ iżjed minn 20 kelb il-baħar ta’ daqs żgħir fl-istess post iżda li sfortunatament kienu kollha mejta f’qiegħ il-baħar.

Hu maħsub li dan seħħ wara li l-klieb il-baħar inqabdu fix-xbieki tas-sajjieda bla intenzjoni, flimkien ma’ ħut oħra, bis-sajjieda jarmuhom lura fil-baħar.

F’dan il-każ, il-klieb il-baħar huma gattarell, minn liema speċi għall-aħħar snin l-għaqda mhux governattiva Sharklab kienet qed tiġbor bħala bajd mill-pixkerija u b’dedikazzjoni tant kbira jrabbuhom fuq perjodu twil u delikat sakemm ikunu kibru biżżejjed biex jinħelsu lura fil-baħar

Tkellimna ma’ Greg Newell, minn Sharklab Malta, li ftit ġimgħat biss ilu ħelsu 65 gattarell, biex b’hekk fi tliet snin inħelsu total ta’ 250 speċi ta’ kelb il-baħar fl-ibħra Maltin.

Il-ħtija ntefgħet mill-għaddasa fuq is-sajjieda minħabba l-istat li nstabu fih dawn il-klieb il-baħar, mixħuta ħdejn xulxin fl-istess roqgħa, u wħud minnhom b’tiċrit f’diversi partijiet ta’ ġisimhom.

Ix-xena li xxukkjat lil ħafna ġabet kundanna minn numru ta’ ambjentalisti, u fuq kollox appell lill-awtoritajiet biex jinvestigaw dan il-każ. Saħansitra ninsabu nfurmati li kopja tar-ritratti u nformazzjoni dwar dan il-każ intbagħtet lill-Prim Ministru.

Iżda l-istorja pront qanqlet diversi reazzjonijiet kuntrarji wkoll, b’sajjieda jispjegawlna li l-gattarell hu komuni ħafna. Minkejja dan Newell ma jaqbilx li ħuta komuni għandha tinqabad biex tintrema.

Ritratti li waslu għand dan l-istazzjon juru li xeni simili qed jintlemħu mhux biss f’Għawdex, imma wkoll madwar il-bajjiet f’Malta, b’każ ieħor irrappurtat ta’ ammont ta’ klieb il-baħar mejta fl-inħawi ta’ Għar Lapsi.

Ritratt Tim Rose.