Il-Gvern 'totalment kontra' kwoti fuq il-pixxispad

...jipproponi li bejn l- 1 ta’ Settembru u l- 31 ta’ Marzu, l- ebda konz fil- Mediterran m’għandu jkun armat minn snanar anqas minn 7 ċm, ħlief għall-konzijiet tal- qiegħ

Ritratt meħud mis-sit boatlinkmalta.com
Ritratt meħud mis-sit boatlinkmalta.com

B’referenza lejn proposti għall-introduzzjoni ta’ kwota fuq il-qbid tal-pixxispad, il-Gvern Malti jiddikjara li, filwaqt li huwa kommess li jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-irkupru tal-istock tal- pixxispad, huwa totalment kontra l-introduzzjoni ta’ kwota. 

Il-Gvern Malti qiegħed jipproponi li bejn l- 1 ta’ Settembru u l- 31 ta’ Marzu, l- ebda konz fil- Mediterran m’għandu jkun armat minn snanar anqas minn 7 ċm. Dan m’għandux japplika għall- konzijiet tal- qiegħ. 

Il-Gvern Malti lest ukoll illi jestendi l-istaġun magħluq kurrenti minn tliet xhur għal sitt xhur. Proposta oħra tal-Gvern Malti hija li jinħolqu Fisheries Restricted Areas kull fejn huwa kkonfermat illi hemm spawning area tal-pixxispad.

Għalkemm f’dawn l-aħħar snin id-driftnets ġew projbiti, xorta baqgħu jintużaw minn xi pajjiżi u xorta baqgħu jagħmlu ħsara fuq din il-ħuta. Għalhekk mhux aċċettabli li l-pajjiżi li ma jimplimentawx dan ir-regolament imma komplew jistadu b’dan l-irkaptu jiġu premjati bi kwota kbira, għad-dannu ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta li mxew skont ir-regolamenti.

Id-dgħajjes Maltin liċenzjati li jistadu għall-pixxispad huma kollha inqas minn 24 metru u l-qabda ta’ dawn is-sajjieda, billi hija biss b’sunnara, hija insinifikanti meta mqabbla ma’ dik ta’ pajjiżi oħra fil-Mediterran. Il-flotta Maltija ma tistax tintefa’ fl-istess qoffa ma’ dik industrijali, u saħansitra tbati għal sajd illegali li sar fil- passat minn flotot oħra.

Għaldaqstant, Malta qiegħda titlob eżenzjoni minn miżuri ġodda għall-pajjiżi li qatt ma ddikjaraw qbid ta’ pixxispad bi driftnets. L-eżenzjoni għanda wkoll tiġi estiża għal-longliners tradizzjonali.

Dawn il- proposti ser jiġu diskussi fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea nhar it-Tnejn 10 t’ Ottubru 2016. 

More in Politika